12,000 Kw ta’ Enerġija Nadifa mill-Kulleġġ San Benedittu
“Il-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu l-mira ambizzjuża li l-iskejjel ta’ l-istat f’pajjiżna jaslu biex jipproduċu ammont ta’ enerġija minn sorsi naturali bħax-xemx u r-riħ, li jkun ekwivalenti għall-enerġija li l-iskejjel jassorbu mix-xibka nazzjonali ta’ l-enerġija permezz ta’ l-Enemalta. B’hekk l-iskejjel f’pajjiżna jkunu qiegħdin jikkontribwixxu ammont ta’ enerġija nadifa, jnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija mill-power stations, u jagħtu eżempju tajjeb u jedukaw lill-istudenti u lill-poplu dwar kif nistgħu nużaw aħjar ir-riżorsi naturali li għandna.” Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea meta żar il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal-Kirkop fejn l-FTS, il-Fondazzjoni ghall-Iskejjel ta’ Għada, stallat sistema ta’ enerġija solari li mistennija tipproduċi aktar minn 12,000 Kw Hrs ta’ enerġija.
Il-parti l-kbira ta’ l-enerġija li nużaw illum tiġi miż-żejt, riżorsa naturali li ffurmat taħt l-art miljuni ta’ snin ilu u li bil-mod il-mod qed tispiċċa. Bit-teknoloġija ta’ llum l-enerġija mix-xemx nistgħu nittrasformawha f’elettriku b’mod immedjat u mingħajr ma jinħaraq iż-żejt li jipproduċi id-dijossidu karboniku (carbon dioxide) li jikkontribwixxi għall-fenomenu ta’ Global Warming.
Fil-Kulleġġ San Benedittu ġew stallati 36 ‘panel’ li komplessivament ikopru aktar minn 50m2 ta’ ‘photovoltaic cells’. Bejniethom dawn il-‘panels’ jew pannelli jipproduċu 7 kilowatts fis-siegħa u hu mistenni li f’sena jipproduċu mill-anqas 12,000 unit ta’ enerġija jew 12,000 kilowatt (Kw Hrs). Kull unit ta’ enerġija li tipproduċi powerstation iżid 0.75 Kg ta’ diossidu karboniku fl-arja. Bl-enerġija li l-Kulleġġ San Benedittu se jipproduċi jkun qed inaqqas mill-anqas 9 tunnellati ta’ diossidu karboniku mill-arja.
Il-Ministru Louis Galea qal li din l-enerġija se tkun qed tintuża primarjament għall-iskola stess, li mistennija tuża mal-120,000 Kw Hr fis-sena u b’hekk is-sistema solari għandha tipproduċi mal-10% ta’ l-enerġija li għandha bżonn l-iskola. Sadattant, se jkun hemm ħinijiet matul il-ġurnata fejn tkun qed tiġi prodotta aktar enerġija milli jkollha bżonn l-iskola, partikolarment meta ma jkunx hemm tfal fl-iskola. Din l-enerġija se terġa’ titpoġġa fuq ix-xibka nazzjonali (national grid) ta’ l-enerġija ta’ l-Enemalta u dan jitnaqqas mill-kont li eventwalment tħallas l-iskola. Hu għalhekk mifhum li permezz ta’ din is-sistema, l-iskola se tkun tista’ tiffranka mill-anqas 10% ta’ l-ispiża ta’ l-enerġija li tlaħħaq mal-Lm1,000. It-tekniċi jsostnu li l-pannelli għandhom ħajja ta’ madwar 36 sena filwaqt li l-ispiża inizjali għanda tinfeda fl-ewwel 18-il sena.
Minbarra din is-sistema, l-FTS bdiet il-proċess biex tevalwa l-fattibilita’ u tara x’inhuma l-aħjar għażliet għal sistema ta’ enerġija li titħaddem bir-riħ. Din is-sistema hi mistennija li tipproduċi aktar enerġija u tkun aktar effettiva biex b’hekk jintlaħaq l-iskop li l-iskola tipproduċi l-istess ammont ta’ enerġija nadifa daqs kemm tieħu mill-Enemalta.
Il-Ministru Galea qal li waħda mid-direzzjonijiet li l-Gvern ta lill-FTS fil-proġett ta’ bini u immodernizzar ta’ skejjel tal-Gvern hu li tfittex kull mezz possibbli għall-ħażna ta’ l-ilma u għal sistemi alternattivi ta’ enerġija. Il-Ministru qal li l-investiment fil-Kulleġġ San Benedittu juri kemm il-Gvern qed jagħti każ kull aspett ta’ l-ambjent ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat u kemm hu impenjat li jara l-iskejjel pubbliċi minn ta’ quddiem f’kull qasam.
Louis Galea qal li l-iskejjel ta’ l-istat jassorbu ammont sostanzjali ta’ enerġija bi spiża ta’ madwar terz ta’ miljun lira. Fl-istess ħin għandhom spazji enormi, inkluż fuq ħafna bjut li mhumiex użati. “Is-sistemi ta’ enerġija alternattiva mhux biss ikomplu jgħinu biex ikollna ambjent aħjar u biex l-istudenti jitgħallmu aktar dwar din ix-xjenza iżda jgħinu biex titnaqqas l-ispiża fl-enerġija li dejjem qed tiżdied. L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ enerġija alternattiva qiegħed kuljum isir aktar meħtieġ u fattibbli u l-investiment fit-tul fl-iskejjel f’dan il-qasam huwa wieħed mill-aktar għaqli u ta’ ġid,” temm jgħid il-Ministru Louis Galea.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956