L-Iskola primarja tax-Xewkija se tiġi modernizzata
L-iskola primarja Rosa Magro fix-Xewkija se tiġi modernizzata b’mod konsiderevoli permezz ta’ fondi li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jinvesti matul din is-sena finanzjarja.
Il-Ministeru bħalissa qiegħed jiffinalizza d-dokumenti li jsejħu għal offerti għal diversi xogħlijiet ta’ titjib li mistennija jsiru f’din l-iskola. Id-dokumenti tat-tender, li mistennija joħorġu sa tmiem dan ix-xahar, jidentifikaw il-bdil komplet tas-sistema elettrika madwar l-iskola kollha, tas-sistema ta’ l-ilma madwar l-iskola kollha, it-titjib tal-faċilitajiet sanitarji kollha, estensjoni tan-network ta’ l-informatika madwar l-iskola kollha, l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ sigurta’ CCTV, l-introduzzjoni ta’ fire alarms u apparat bħal fire extinguishers, l-egħluq ta’ l-aperturi esterni fil-kurridur ta’ bejn il-klassijiet fil-livell tat-triq biex jippermettu kuridur magħluq u għalhekk iktar komdu f’xhur bħal tax-xitwa, l-immodernizzar komplet tas-sala ta’ l-iskola inkluż l-introduzzjoni ta’ stage lighting u public address system, waterproofing membrane u damp proofing kif meħtieġ, kif ukoll għoti ta’ żebgħa u modernizzar lill-kuriduri u l-klassijiet kollha ta’ l-iskola. Dan biex anke fl-iskola primarja tax-Xewkija jkollna ambjent attraenti li jwassal għal tagħlim aħjar għall-istudenti.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li x-xogħlijiet ta’ modernizzar għal din l-iskola huma stmati li jinvolvu l-investiment ta’ madwar Lm135,000. Il-Ministeru għal Għawdex, qalet il-Ministru Debono, huwa kommess li jkompli jtejjeb l-ambjent fiżiku fl-iskejjel kollha t’Għawdex u sa mill-1999 beda jwettaq programm intensiv ta’ xogħlijiet ta’ modernizzar li jinkludi l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda flimkien mat-titjib ta’ faċilitajiet eżistenti. Twettqu xogħlijiet diversi fl-iskejjel kollha t’Għawdex b’investiment ta’ iktar minn Lm1 miljun. Matul dawn l-aħħar seba’ snin ingħatat prijorita’ lil dawk l-iskejjel li ma kellhomx l-infrastruttura bażika meħtieġa għall-ġurnata tal-lum, fosthom faċilitajiet sanitarji moderni, l-aċċesibilita’ għal kulħadd u spazju adegwat. Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-Ministeru issa qiegħed jiffoka proporzjon qawwi mill-allokazzjoni finanzjarja ta’ din is-sena tal-Ministeru għal Għawdex għall-iskejjel b’riżq l-iskola primarja Rosa Magro, biex il-ħtiġijiet ta’ din l-iskola jiġu ndirizzati fi sforz wieħed.
Il-Ministru Debono qalet li x-xogħlijiet infrastrutturali mistennija jibdew fl-ewwel ġimgħat tal-btajjel tas-sajf. Minħabba li x-xogħlijiet huma intensivi, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex l-inkonvenjenti għall-istudenti u l-għalliema jiġu minimizzati. L-Onor. Giovanna Debono qalet li l-iskola primarja tax-Xewkija se tkun xhieda oħra ta’ l-impenn tal-Gvern lejn il-provvista ta’ faċilitajiet adegwati għal sistema ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’. L-edukazzjoni, fakkret il-Ministru Debono, hija waħda mit-tlett pilastri tal-ħidma tal-Gvern, flimkien ma’ l-ambjent u l-ekonomija.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956