Left arrow Mur Lura

L-Imprenditorija f’kull livell ta’ l-Edukazzjoni

pr0553
Date Icon 11/04/2006

Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed b'kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol nieda l-Istrateġija Nazzjonali fl-Imprenditorija fejn ġie imfassal il-pjan dwar tagħlim tal-imprenditorija fl-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondarji u fl-livell terzjarju. 

Dan il-pjan diġà qed jissarraf f'ħidma ko-ordinata flimkien ma’ l-Università, l-MCAST u mal-Malta Enterprise u ma' għaqdiet ta’ l-istudenti u oħrajn mhux-governattivi, bħal m’huma Start Up Malta, SIFE (Students for International Finance and Enterprise, an HSBC Scheme), Young Enterprise, u SCOOPS, biex studenti jitgħallmu fuq l-aspett imprenditorjali permezz ta' proġetti bħala parti mill-kurrikulu Nazzjonali tal-istudenti.  Il-Pjan Nazzjonali iħares lejn proċess li permezz tiegħu nies mill-industrija jiltaqgħu ma’ l-istudenti u jagħtu preżentazzjonijiet u jservu bħala konsulenti (Start-Up Mentors) għal studenti li jixtiequ jiftħu in-negozju tagħhom permezz ta' dak li qed jitgħallmu fil-klassi.

Għaldaqstant ġie iffirmat Memorandum ta’ Ftehim ma' l-iskejjel li magħhom ser tkun qed tiġi imnieda din il-ħidma. Fil-livell Primarju ser jiġi ntrodott tagħlim intra-kurrikulari fis-suġġetti tradizzjonali tal-Malti, Ingliż, Matematika, u Studju Soċjali biex studenti jkunu jistgħu jibdew jisimgħu b'kunċetti ta' negozju u kummerċ sa minn eta’ bikrija. Anke fuq livell Universitarju qed issir ħidma biex permezz ta' proġetti maħduma ma’ l-istudenti stess jitgħallmu jieħdu deċiżjonijiet importanti f'ħajjithom. Anke għall-adulti li diġà temmew l-istudji tagħhom qed jiġu mnieda korsijiet mingħajr ħlas biex jiġi spjegat lilhom il-prinċipji bażiċi ta' negozju. 

“Biex jintlaħqu l-miri ta’ l-Aġenda ta’ Lisbona għandna bżonn aktar imprendituri, u biex ikollna aktar imprendituri għandna bżonn ta’ mentalità aktar imprenditorjali.  Dan għandu jibda mill-istudent fuq il-bank ta’ l-iskola u jibqa’ tiela sa adulti li forsi diġà qegħdin fin-negozju.  Il-Gvern irid li nzidu l-hidma taghna f’dan il-qasam u ghalhekk qieghdin inniedu l-Programm Nazzjonali ta’ l-Imprenditorija.” Dan qalu is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo meta tkellem fil-ftuħ ta’ Seminar dwar l-edukazzjoni fl-imprenditorija, li qegħda tiġi ntrodotta fl-iskejjel u f’kull livell ta’ l-edukazzjoni.  “L-enfasi tagħna qegħda tkun l-imprenditorija.  Dan importanti għax għandna ħafna negozjanti li rridu nghinuhom isiru imprendituri ahjar.” 

“L-imprenditorija tgħinna nbiddlu ideat f’fatti u tgħin biex nippjanaw u nimmaniġġjaw proġetti biex nilħqu l-objettivi tagħna, kemm fix-xogħol, kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum tagħna.  Għal dan il-għan hemm bżonn li nagħtu dejjem aktar importanza lill-imprenditorija, u t-tagħlim tagħha għandu jibda minn età zgħira.  Is-Segretarjat tiegħi jaħdem biex ikun hawn aktar tagħrif dwar dan is-suġġett tant importanti u qegħdin naħdmu flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagħ u Xogħol biex tinfirex mentalità aktar imprenditorjali” qal Edwin Vassallo. 

Il-Ministru Louis Galea qal li fid-dinja tax-xogħol tal-lum, ħadd mhu ser jaqla’ x’jiekol jekk ma jkollux spirtu b’saħħtu ta’ inizjattiva personali, sew jekk ikun impjegat u wisq aktar jekk jaħdem għal rasu. “Biex pajjiżna jkun kompettitiv kull raġel u mara jeħtieġ nuru impenn u inizjattiva f’kull ma nagħmlu u f’kull qasam. Dan jgħodd anke fit-turiżmu fejn kulħadd, u mhux biss dawk li jaħdmu fis-settur, għandna sehem x’nagħtu biex intejbu l-kwalità tal-prodott u s-servizz għat-turisti. L-iskop tal-ħidma tagħna hu li nsaħħu mentalità imprenditorjali fost iż-żgħazagħ, jiżdied in-numru ta’ negozji ġodda f’Malta, u li jitjiebu s-servizzi offruti minn counsellors u business advisors. Għandna numru ta’ prijoritajiet biex jitwettaq dan il-programm, fosthom, taħriġ għall-għalliema, ‘mentoring’ għal min ikun ser jibda negozju ġdid, edukazzjoni fl-imprenditorija għal kull età, u ko-operazzjoni bejn skejjel u kumpaniji, fost l-oħrajn.”   

Is-Segretarjat għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed iffirma wkoll Memorandum ta’ Ftehim ma’ l-MCAST biex tingħata importanza lill-edukazzjoni fl-imprenditorija fl-Istituti ta’ l-MCAST.  Is-Segretarjat qiegħed ukoll jagħti kull appoġġ lil dawk l-organizzazzjonijiet li jwasslu l-imprenditorija fl-iskejjel, bħalma huma l-Young Enterprise, l-iStartup Malta, is-SIFE, u l-iSCOOPS.” 

Edwin Vassallo temm jghid : “Nidejna wkoll numru ta’ kampanji edukattivi għas-settur tan-negozju.  Dawn il-kampanji jinkludu l-kampanja “Għid Grazzi”, u kampanji favur is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-post tax-xogħol. Jiena nemmen li l-imprenditorija (entrepreneurship) huwa kunċett importanti ferm fil-ħajja tal-lum, u għal din ir-raġuni qegħdin naħdmu biex l-edukazzjoni fl-imprenditorija tkun introdotta f’kull livell ta’ edukazzjoni, biex b’hekk verament ikollna ekonomija ibbażata fuq l-għerf (knowledge-based economy).”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Il-Ministru Anton Refalo jżur il-proġett tat-trobbija u r-ripopolazzjoni tar-rizzi tal-baħar f’Torri San Luċjan

PR261957

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA  Malta tlaqqa’ esperti Ewropej dwar l-inklużjoni tat-tfal b’diżabilità u s-sostenn lill-familji tagħhom

PR261956

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow