Jitpoġġew Vetrini specjalizzati fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija ta’ Għawdex
Vetrini speċjalizzati qed jitpoġġew f’dawn il-jiem fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija ta’ Għawdex biex, mill-ġimgħat li ġejjin jospitaw b’mod permanenti kollezzjoni ta’ fdalijiet preistoriċi uniċi li kienu nstabu fiċ-Ċirku tax-Xagħra.
Dawn il-vetrini huma state-of-the-art bi ħġieġ shatter-proof u b’sistema ta’ kundizzjoni ta’ klima li tippermetti l-ogħla sigurta’ u protezzjoni possibbli lil dawn il-fdalijiet imprezzabbli, li jmorru lura għaż-żmien Neolitiku, żmien it-Tempji u żmien il-Bronż rispettivament (c. 5200-700 QK). Din it-taqsima ġdida dwar il-preistorja se ttejjeb ferm l-esperjenza tal-viżitatur f’dan il-mużew permezz ta’ preżentazzjoni tajba ħafna tal-wirt preistoriku sinjur u uniku tal-gżira t’Għawdex.
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li dawn il-vetrini se jqiegħdu ‘l fdalijiet miċ-Ċirku tax-Xagħra, li huma ta’ importanza dinjija, f’wirja permanenti f’Għawdex għall-ewwel darba. Dawn il-fdalijiet kienu ġew esibiti f’wirja li damet miftuħa xahar lejn l-aħħar tas-snin 90, wara liema, nbeda tour madwar l-Ewropa fi bliet fosthom Londra, Firenze, Praga u Amsterdam. Dan il-proġett ta’ vetrini speċjalizzati qed jitwettaq permezz tal-Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006, speċifikament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF).
Il-Mużew ta’ l-Arkeoloġija t’Għawdex jinsab f’Casa Bondi’ fiċ-Ċittadella. Huwa wieħed mill-mużewijiet immexxija minn Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali tal-patrimonju storiku. F’dan il-mużew insibu fdalijiet importanti misjuba f’Għawdex fosthom dawk mit-tempji tal-Ġgantija u siti preistoriċi oħrajn, kif ukoll fdalijiet Rumani, Puniċi u oħrajn mill-perijodu medjevali.
Ir-ritorn ta’ dawn il-fdalijiet miċ-Ċirku tax-Xagħra qed jiġi kkumplimentat minn proġett ta’ modernizzar ta’ l-istess bini tal-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, flimkien mal-konservazzjoni ta’ l-esibiti kollha għall-wiri u r-reviżjoni ta’ l-iżvolġiment tal-wirja permanenti. Dawn l-inizjattivi qed jitwettqu minn Heritage Malta.
Il-proġett tal-vetrini speċjalizzati li jippermettu l-wiri permanenti tal-fdalijiet taċ-Ċirku tax-Xagħra qed isir mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956