Il-Ġimgħa Mqaddsa Fost l-Anzjani
L-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ inawgurat erba’ esibizzjonijiet li ttellgħu fi swali differenti fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul. Dawn il-wirjiet jagħmlu parti mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati għall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid f’din ir-residenza.
L-esibizzjonijiet jikkonsistu f’wirja ta’ Ċenaklu ‘Life Size’, xogħol maħdum mill-istatwarju Michael Bonniċi, l-Ort tal-Ġetsemani ‘life size’, maħdum minn Raphael Ronayne u Joe Ellul, impjegati ta’ l-istess residenza; vara xbieha ta’ Ġesu Redentur, Mejda ta’ l-Appostli fuq stil Lhudi u sett vari żgħar tal-Via Sagra. Ma jonqsux ukoll ix-xbihat tal-melħ u smid, xogħol artistiku b’tema relatata mal-Ġimgħa Mqaddsa, xogħol li wkoll huwa tal-ħaddiema ta’ San Vinċenz.
Dawn il-wirjiet ser ikunu miftuħa għall-publiku mis-7 ta’April sa nhar Ħadd il-Għid. Il-ħinijiet tal-ftuħ ser ikunu mid-9.30 a.m. sa 12.30 a.m.; u mit-3.00 p.m. sad-9.00 pm.
Nhar il-Ħadd li għadda tqaddset quddiesa u wara saret processjoni bil-vara tar-Redentur. Nhar il-Ħamis ix-Xirka, ser issir ukoll il-funzjoni li tinkludi l-Ħasil tar-Riġlejn. Nhar Ħadd il-Għid, ser issir il-purċissjoni ta’ l-Irxoxt. Ġew ukoll organizzati l-eżerċizzi spiritwali għar-residenti ta’ San Vinċenz.
F’kummenti li għamlet, l-Onor. Helen D’Amato qalet: “Għalkemm il-prijorita’ tal-ħidma tagħna hija dik li tingħata l-aqwa kura lill-anzjani, irridu wkoll nassiguraw li r-residenti jkomplu jgawdu l-ħajja soċjali u spiritwali tagħhom anke f’dan iż-żmien sabiħ u emottiv tas-sena.
Huwa għalhekk li f’din ir-residenza jiġu organizzati numru ta’ attivitajiet soċjali u reliġjużi fuq bażi regolari matul is-sena kollha. Dan jista’ jseħħ permezz tal-koperazzjoni ta’ l-anzjani nfushom, ta’ l-amministrazzjoni, tal-ħaddiema u tal-kappillani residenti f’din ir-residenza.”
Filwaqt li rringrazzjat lill-ħaddiema ta’ din ir-residenza għax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom, is-Sinjura D’Amato ħeġġet lill-istess ħaddiema, anzjani, familjari tagħhom u l-publiku in ġenerali, biex jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet u biex iżuru l-wirjiet li ġew imħejjija b’tant dedikazzjoni u ħila mill-ħaddiema bl-appoġġ tar-residenti”.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956