STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN U L-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI - MAGĦLUQ IŻ-ŻMIEN GĦALL-OFFERTI GĦAL TIGNÉ DEVELOPMENT COMPANY LIMITED
Id-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern illum ħabbret il-lista ta’ l-offerti li waslula għax-xiri ta’ Tigné Development Company Limited li hi s-sussidjarja ta’ l-Air Malta li topera l-Crowne Plaza Hotel f’tas-Sliema. Iż-żmien biex isiru l-offerti għalaq fl-10 ta’ dal-għodu.
Id-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern irċeviet seba’ offerti kif ġej:
1. Imperial Point Company Limited (Lm23,300,000);
2. Fort Cambridge Company Limited (Lm23,000,000);
3. NYSIR Malta Limited (Lm22,100,000);
4. Hili Property Development Limited (Lm13,010,100);
5. Schembri & Sons Limited (Lm12,800,000);
6. Cambridge Construction Limited (Lm11,530,000);
7. Cambridge Pace Limited (Lm11,100,000).
Minbarra l-kriterju finanzjarju, l-offerenti indikaw ukoll l-intenzjonijiet tagħhom rigward l-obbligu li tat is-sejħa għall-offerti li jinżammu l-persuni impjegati ta’ Tigné Development Company Limited li llum jaħdmu mal-Crowne Plaza Hotel.
Fuq il-bażi ta’ l-offerti rċevuti, it-Taqsima issa ser taghmel ir-rakkomandazzjonijiet taghha lill-Gvern.
L-iżvilupp tas-sit fejn illum tinsab il-Crowne Plaza Hotel irid isir skond il-“Fort Cambridge Development Brief” ippubblikat mill-Awtorità dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’Jannar 2006.
(http://www.mepa.org.mt/Planning/factbk/Briefs/Fort_Cambridge/Fort_Cambridge_DB.pdf)
Il-bejgħ ta’ din il-kumpanija u l-propjetà tagħha sar bħala parti mill-programm ta’ ristrutturar finanzjarju u l-patt ażjendali ta’ l-Air Malta. Il-ħsieb tar-ristrutturar kien li jiffoka l-attività tal-linja ta’ l-ajru fuq l-attivitajiet ċentrali għaliha: il-ġarr tal-passiġġieri bl-ajru minn post għall-ieħor.
L-Air Malta tradizzjonalment kienet attiva fis-settur ta’ l-ospitalità minħabba li fiż-żmien meta sar dan l-iżvilupp kien hawn nuqqas ta’ provvista ta’ stabbilimenti turistiċi. Illum l-ospitalità turistika hi pprovduta f’livelli eċċellenti u f’ambjent kompetittiv mis-settur privat u m’għad baqa’ ebda lok għall-Gvern jew kumpaniji propjetà tiegħu li joperaw f’dan is-settur b’kompetizzjoni ma’ investimenti privati.
Il-bejgħ ta’ din is-sussidjarja ta’ l-Air Malta ser jissarraf f’kontribut għat-titjib tal-finanzi tal-linja ta’ l-ajru u ta’ l-istabbilità finanzjarja tagħha.
Matul l-aħħar snin Crowne Plaza Hotel kienet qed titlef madwar Lm300,000 fis-sena.
S’issa l-Air Malta kellha tkopri hi t-telf li kienet qed tagħmel il-Crowne Plaza Hotel li sal-bejgħ tagħha kien jammonta għal madwar Lm4 miljun. L-Air Malta issa ser tirkupra dan l-infieq kif ukoll il-valur tal-propjetà tagħha bħala lukanda. Wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-proċess tal-bejgħ tal-propjetà u djun pendenti oħra, l-Air Malta qed tistenna li tirċievi ftit anqas minn Lm11 miljun minn dan il-bejgħ bil-Gvern jieħu l-bqija ta’ l-ammont rikavat.
L-iżvilupp tas-sit ta’ Fort Cambridge u s-sit fejn illum hemm il-Crowne Plaza Hotel se jtejjeb l-ambjent urban ta’ l-inħawi u l-ħarsien tal-wirt storiku fis-sit waqt li jikkumplimenta l-iżviluppi l-oħra li qed iseħħu f’din iż-żona tas-Sliema.
Other Press Releases:
PR261957
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261956