PROĠETTI TA’ L-ISTUDENTI TA’ L-MCAST
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea inawgura l-wirja annwali ta’ l-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettronika u Elettrika ta’ l-MCAST. Il-wirja hi magħmula minn proġetti ta’ studenti ta’ dan il-kulleġġ li qed jistudjaw fil-qasam tat-teknoloġija. Il-proġetti huma ta’ studenti minn livelli differenti ta’ studju, però l-ikbar attrazzjoni tal-wirja hi d-29 proġett ta’ l-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tad-Diploma fl-Elettronika Industrijali.
Il-Ministru Louis Galea faħħar lill-istudenti li ħadu sehem f’din il-wirja. “Dawn il-wirjiet jagħtu ċans lill-istudenti jkunu aktar kreattivi u prattiċi, u li x-xogħol tagħhom jiġi aktar aprezzat”, qal Louis Galea. Il-proġetti huma parti mill-kurrikulu tal-korsijiet ta’ l-industrija elettronika u huwa obligatorju għal dawk li jridu jieħdu d-diploma. L-aħjar proġett jieħu l-premju ‘The Cornelius Johann Koopman’ sponsorjat mid-Delta Malta Ltd. Kumpaniji oħra li jagħtu sapport lill-Istitut huma l-Methode Malta Ltd u t-Terranet Ltd.
Louis Galea qal li l-MCAST qed ikompli jiżviluppa u jkun rikonoxxut bħala istituzzjoni vokazzjonali ta’ kwalita’ u it-taħriġ u l-kwalifiki li joffri l-kulleġġ huma rikonoxxuti mill-industrija lokali. Il-Ministru Galea sostna li Malta għandha bżonn tinvesti aktar fil-qasam teknoloġiku u rridu naraw aktar studenti jersqu lejn dan is-settur, biex nilħqu livelli Ewropej.
Sadattant qed issir ħidma biex il-korsijiet li joffri l-kulleġġ f’dan il-qasam ikunu rikonoxxuti b’ċertifikat internazzjonali li jirrikonoxxi t-taħriġ fl-Elettronika Industrijali u fil-Hardware tal-Kompjuters. Meta jinkiseb dan ir-rikonoxximent se jiġi offrut lil dawk kollha li f’dawn l-aħħar snin kisbu Diploma.
Louis Galea temm jgħid li b’hekk il-Kulleġġ ikun qed iwettaq il-missjoni tiegħu li jkattar l-opportunitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali f’pajjiżna u li jħarreġ liż-żgħażagħ u lill-adulti b’mod li jkun hawn biżżejjed nies imħarrġa fid-diversi oqsma u f’livelli differenti.
Louis Galea temm iħeġġeġ lill-pubbliku u b’mod partikolari lill-industrijalisti u min iħaddem biex iżuru il-wirja u b’hekk ikollhom ċans jaraw x’inhuma kapaċi jagħmlu l-istudenti tal-MCAST.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en