Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAR-RAPPREZENTANTI FL-OKKAZJONI TAC-CERIMONJA TAS-SETTE GIUGNO - IL-BELT VALLETTA

PR957
Date Icon 07/06/2004

Sena wara l-oħra niċċelebraw flimkien il-kommemorazzjoni tas-Sette Giugno. Huwa tajjeb li  nibqgħu niftakru f’dawn l-avvenimenti għad li pajjiżna ra bidliet kbar mill-1919 meta dawn ġraw.  Irridu nibqgħu niftakru u nfakkru dak li ġara ħamsa u tmenin sena ilu meta tliet Maltin u Għawdxi   għamlu s-sagrifiċċju estrem f’ġieħ pajjiżhom.

It-tifkira tas-Sette Giugno mhix xi tifkira li tqanqal fina sentimenti ta’ rabja u tat-tpattija. Is-snin igerrbu u dak li konna nqisuh bħala l-oppressur illum sar seħibna u mhux talli għandna miegħu relazzjonijiet ta’ ħbiberija  iżda huwa wkoll sieħeb indaqs tagħna, bħal ma huma n-nazzjonijiet li fl-aħħar gwerra kienu fuq in-naħa l-oħra.  It-tifkira ta’ kull sena  hija ta’ tifsira għalina għaliex turina d-dedikazzjoni, il-qlubija u s-sagrifiċċju  ta’ ħafna minn missirijietna biex  pajjiżna jottjeni dak li ħaqqu politikament u soċjalment. Jekk nieqfu li nfakkruhom dawn l-avvenimenti inkunu qegħdin niżvalutaw il-kisba kbira tal-protagonisti tagħhom.  

Ta’ min ifakkar ukoll illi dak kollu li nkiseb matul is-snin mis-Sette Giugno ’l hawn huwa msejjes fuq dawn l-avvenimenti glorjużi. Għalhekk irridu nħarsu lejn l-istorja mdemmija tas-Sette Giugno bħala l-bażi, il-pedament tal-mixja kostituzzjonali ta’ pajjiżna.  Il-kisbiet li ġew wara, għad li ħadu ż-żmien biex saru, jafu t-tnissil tagħhom minnu.  Irridu niftakru li l-qagħda xejn sabiħa kemm politika kif ukoll soċjali li l-Maltin kienu fiha dak iż-żmien kienet dik li xprunat lill-poplu biex iqum.  Għalhekk din tal-lum hija festa nazzjonali li tfakkar mhux biss is-sagrifiċċju ta’ erba’ Maltin bħalna iżda wkoll l-evoluzzjoni politika nazzjonali li wasslet għall-irvellijiet tas-Sette Giugno.  

Kemm tbiddlu ż-żminijiet mill-1919!  F’dawn il-ħamsa u tmenin sena pajjiżna għadda minn għawġ u minn kisbiet.  Effett immedjat tas-Sette Giugno kien il-kisba ta’ gvern awtonomu ta’ l-1921. Wara diversi  gvernijiet, sofrejna s-sospensjoni tal-kostituzzjoni peress illi din ma kinitx tagħti awtonomija perpetwa. Imbagħad il-pajjiż tkisser bil-gwerra u reġgħet ġiet mogħtija kostituzzjoni oħra lil Malta li biż-żmien reġgħet ukoll ġiet irtirata sakemm fl-aħħar, 40 sena ilu, ksibna l-Indipendenza.  Malta ħadet rajha f’idejha u ħadet ukoll ir-ruħ.  Għaxar snin wara, jiġifieri 30 sena ilu,  sirna Repubblika u ftit tas-snin wara  ntemmet il-preżenza militari.  Illum b’għażla libera sirna membri tal-Unjoni Ewropea.  Verament ġirja kostituzzjonali li tħallik bla nifs.  Iżda dan kollu ma sarx mingħajr sagrifiċċju, kultant tassew kbir.  Kemm minn fostna l-Maltin matul dawn is-snin hekk importanti sofrew tbatija, persekuzzjoni, eżilju u anke bħal każ tas-Sette Giugno saħansitra l-mewt.  Is-sagrifiċċju ta’ dawn kollha serva biex tinbena ftit ftit il-kisba aħħarija tal-ħelsien. 

Il-liberta, il-livell ta’ għajxien, il-vot ħieles huma xi ftit mill-benefiċċji li ggwadanjajna matul daż-żmien. Jekk nieħdu biss il-vot ħieles, ta’ min ifakkar li fi żmien relattivament qasir ta’ ħmistax-il xahar il-poplu Malti ikun mar jivvota tliet darbiet u żewġ terzi minnu erba’ darbiet. Il-konsultazzjoni elettorali hija, u tibqa’, l-espressjoni l-iktar għolja tad-demokrazija.  

Hija ħaġa xierqa li l-Parlament Malti jkun protagonist tat-tifkira tas-Sette Giugno għaliex, kif kelli okkażjoni ngħid f’dawn l-aħħar snin, kienu dawk il-ġrajjiet demmija li taw bidu għall-avvenimenti li nisslu l-ewwel Assemblea Leġislattiva Maltija li kienet l-oriġini tal-Parlament tagħna. Id-demokrazija parlamentari tagħna hija kisba prezzjuża li jagħmel tajjeb il-poplu Malti li jgħożżha.  Il-vot ħieles u konsultazzjoni elettorali  jagħtu lill-poplu l-okkażjoni biex jikkonferma l-gvern tal-ġurnata jew jibdlu skond ix-xewqa xierqa tiegħu kif espressa permezz ta’ maġġoranza ta’ voti.  

Illum li qed ngħixu f’dinja globalizzata li għarfet is-sinifikat tal-multilateraliżmu, nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet fuq l-importanza tad-dimensjoni parlamentari, kemm fuq bazi lokali u kemm fuq dik internazzjonali.  

Qabel xejn inħoss il-ħtieġa li ngħid, biex kulhadd jifhem, b’mod partikulari ċ-ċittadin komuni, illi l-Parlament huwa istituzzjoni unika u distinta, u mhux xi dipartiment ieħor ta’ l-amministrazzjoni tal-ġurnata.  Hawn min jaħseb li l-Gvern u l-Parlament huma l-istess ħaġa.  L-oppost hija l-verita.  Infatti,  il-liġijiet ma jagħmilhomx il-gvern, imma jagħmluhom ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament, gvern u oppozizzjoni.  Dan l-aspett irridu nifmuh u nsaħħuh, aktar u aktar issa li aħna membri fl-Unjoni Ewropea fejn irridu naħdmu biex inkomplu nsaħħu r-rwol tal-parlamenti nazzjonali.  

Għalhekk inħoss li llum b’saħħa iżjed minn qabel nerġa’ nirriaferma l-ħtiega urġenti li l-istituzzjoni parlamentari tagħna ssegwi bla iżjed telf ta’ żmien, il-passi ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman u dak ta’ l-Awditur Ġenerali.  Infakkar li meta l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali  bdew jitqiesu bħala Uffiċjali tal-Parlament, akkwistaw l-awtonomija sħiħa fl-amministrazzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet mmexxija minnhom.  Hekk ukoll għandu jiġri fl-amministrazzjoni tal-Parlament Malti.  

Għal darb’oħra matul dawn l-aħħar snin, nieħu l-okkażjoni ta’ l-anniversarju tas-Sette Giugno u nerġa’ nagħmel l-appell tiegħi wara dawk magħmula mill-predeċessuri tiegħi, jiġifieri Mr Speaker Gonzi u Madam Speaker Spiteri Debono, sabiex l-amministrazzjoni tal-Parlament tinħall minn dik ta’ l-Eżekuttiv u titlaq għal rasha bħal Parlamenti stabbiliti oħra.  

Fost affarijiet oħra, il-Parlament tagħna jrid fix-xhur li ġejjin jadatta ruħu biex ilaħħaq mal-kwantita kbira ta’ dokumentazzjoni li se tkun gejja mill-Unjoni Ewropea.  Id-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea jiġu magħġuna f’istituzzjonijiet ta’ l-istess Unjoni.  Il-Parlament Malti jrid jgħarbel dawn id-direttivi, biex imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji u li jkunu ta’ ġid għall-poplu Malti. 

Huwa għalhekk li qed insaħħu l-istrutturi parlamentari tagħna, partikolarment fejn jirrigwarda l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej.  Qed nibnu, b’koperazzjoni ma’ Parlamenti oħrajn,  struttura ta’ skrutinju li tkun f’pożizzjoni li tgħarbel id-dokumentazzjoni kollha li tiġi mill-Unjoni Ewropea.  Dan l-aħħar il-Parlament impjega miegħu l-ewwel minn grupp ta’ research analysts li se jipprovdu l-għajnuna meħtiega biex il-Kumitat Permanenti tal-Kamra jkun jista’ jaħdem b’aktar effiċjenza.  

Hawnhekk irrid insemmi wkoll l-uffiċċji li ħloqna għall-Presidenti tal-Kumitati Permanenti tal-Kamra fl-ispazju li qabel kien jakkomoda d-Direttorat ta’ l-Unjoni Ewropea; u nsemmi wkoll l-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta’ Committee Clerks biex inkomplu nsaħħu dawn il-Kumitati li l-funzjoni tajba tagħhom hija indispensabbli għall-aħjar andament tal-Parlament Malti.  U hawnhekk nappella għall-ikbar impenn mill-Membri tal-Parlament fix-xogħol parlamentari tagħhom, inkluż fix-xogħol tal-Kumitati tal-Kamra.   

Id-diplomazija parlamentari saret waħda mill-għodod effettivi fix-xena politika internazzjonali.  Huwa għalhekk illi l-Parlament Malti kif ukoll l-Uffiċċju tiegħi qiegħed kulma jmur jinvolvi ruħu f’dan il-qasam.  Hawn insemmi illi kien ta’ unur li b’suċċess laqqajna f’Malta fi Frar illi għadda, ir-raba’ Konferenza ta’ l-iSpeakers tar-reġjun Ewro Mediterranju biex imbaghad f’Marzu l-Parlament Malti kien rappreżentat fl-ewwel laqgħa ta’ l-Assemblea Parlamentari tal-Euromed.   

Il-Parlament Malti qed jagħti wkoll importanza lid-dimensjoni Mediterranja billi fil-laqgħat ta’ l-Unjoni Interparlamentari d-delegazzjoni Maltija qed tkompli tisħaq fuq l-inizjattiva tagħha li titwaqqaf Assemblea Parlamentari għall-pajjizi tal-Mediterran.  Hemm fora oħra, bħall-Konferenza ta’ l-iSpeakers ta’ l-Unjoni Ewropea, illi l-Parlament Malti  jipparteċipa fihom u fejn jista’ jagħti kontribut validu lejn rikonnoximent aħjar tad-dimensjoni Mediterranja fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Dan barra l-laqghat l-oħra kollha li delegazzjonijiet parlamentari Maltin jattendu u jipparteċipaw fihom bl-aktar mod attiv.  

Illum qed niċċelebraw il-festa tas-Sette Giugno meta għall-ewwel darba qegħdin nagħmlu hekk bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea.  Is-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, magħna, mal-65 Parlamentari Malti, se jkunu qed jiċċelebraw dan l-avveniment il-ħames membri Maltin tal-Parlament Ewropew li l-elettorat se jtella’ ftit jiem oħra.  Minn hawnhekk nieħu l-okkażjoni sabiex pubblikament nirringrazzja lil dawk il-Membri Parlamentari li tul din l-aħħar sena qdew dmirhom l-ewwel bħala Osservaturi fil-Parlament Ewropew u issa bħala Membri.  Il-Membri li se jiġu eletti biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Parlament Ewropew, għad li ma jkunux membri tal-Parlament Malti, huma l-eredi ta’ l-evoluzzjoni politika twila li rat l-oriġini tagħha mill-avvenimenti tas-Sette Giugno.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

More Press Releases Right arrow