Left arrow Mur Lura

IL-GVERN INVESTA LM64 MILJUN FIL-WIRT STORIKU U KULTURALI TA’ PAJJIŻNA

PR956
Date Icon 05/06/2004

Meta inawgura l-progett ta’ restawr tal-faccata tal-Palazz ta’ l-Inkwizitur, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li għalkemm qatt m’hu biżżejjed, l-investiment li sar f’dawn l-aħħar 16-il sena fil-wirt nazzjonali tagħna hu impressjonanti.  

Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li fl-1988 kien hemm nefqa rikorrenti u kapitali ta’ miljun  lira għall-mużewijiet, l-arti u l-kultura, in-nefqa telgħet b’erba’ darbiet u nofs aktar is-sena l-oħra. Mill-1988 inbniet l-infrastruttura biex inkunu nistgħu nħarsu l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna billi

      ·        Twaqqfu l-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina.
·        Twaqqaf il-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet.
·        Twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Malta għar-Restawr.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bejn l-1988 u l-aħħar tas-sena l-oħra

§        Il-Proġetti ta’ Riabilitazzjoni nvestew Lm7.5 miljun f’diversi proġetti mxerrda mas-sitt ibliet mdawwra bis-swar ta’ Malta .
§        Il-Unit tar-Restawr investa aktar minn Lm3 miljun f’iżjed minn 100 proġett ta’ restawr.
§        Kienu investiti Lm2.9 miljun f’xogħol ta’ rikostruzzjoni u restawr taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
§        Kienu investiti Lm4.6 miljun biex ġie restawrat u riabilitat il-Kavalier ta’ San Ġakbu li nbidel f’Ċentru ta’ Kreattivita’.
§        Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr investa Lm3.1 miljun f’ċentru li hu ta’ kontribut kbir biex nikkonservaw il-patrimonju stroriku, artistiku u kulturali ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn it-Lm21-il miljun huma kollha investiment ġdid fil-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna li seħħ bħala riżultat ta’ ħolqien ta’ strutturi li qed jikkontribwixxu bis-sħiħ biex inħarsu u nsaħħu l-patrimonju ta’ pajjiżna.  

Ma’ dan l-investiment irridu ngħoddu wkoll il-flus li l-Gvern jivvota kull sena għall-mużewijiet, il-kultura u l-arti. Hu qal li bejn l-1988 u l-2003 intefqu madwar Lm43 miljun biex il-mużewijiet, il-kultura u l-arti setgħu jkunu amministrati tajjeb, u biex seta’ jsir investiment biex jitjiebu l-faċilitajiet fihom.   

Illum wieħed jista’ jżid ukoll il-flus li jkun mogħtija minn entitajiet bħall-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu fuq proġetti bħal tal-lejla, u dawn il-flus huma b’żieda ma’ allokazzjonijiet oħra fil-Budget li diġa semma.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li qed jagħti din l-informazzjoni għaliex hemm min ried jagħti l-impressjoni kompletament żbaljata, li l-Gvern kien qed inaqqas l-investiment tiegħu fil-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li mhux talli l-Gvern ma naqqasx il-fondi lill-Heritage Malta, iżda ġew miżjuda fuq tas-sena l-oħra b’Lm460,000. Hu fakkar li fil-budget ta’ din is-sena hemm Lm4.4 miljun ivvutati għal programmi u inizjattivi relatati mal-kultura, għal kontribuzzjonijiet mill-Gvern lejn entitajiet marbuta mal-kultura u għal investiment kapitali għal proġetti kulturali. Flimkien ma’ dawn il-flus hemm aktar minn miljun lira oħra ivvutati għal proġetti ta’ riabilitazzjoni u ta’ restawr ta’ fortifikazzjonijiet, fortizzi u bini storiku. Francis Zammit Dimech  qal li dan kollu juri l-impenn tal-Gvern favur il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.  

Il-Ministru ghat-Turizmu u l-Kultura qal li barra minn dawn l-istrutturi l-Gvern qed jesiġi li f’kuntratti għall-proġetti kapitali ta’ natura urbana, fejn bħala parti mill-proġett ikun hemm bini storiku, dan ikun irid jiġi restawrat mill-operaturi tal-proġett. Hu qal li permezz ta’ klawsoli bħal din diġa ġew investiti miljuni ta’ liri fi proġetti ta’ restawr bħala parti mill-proġetti tal-Kottonera, ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-Cruise Liner Passenger Terminal.

Hu qal li fil-Kottonera kien restawrat il-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni u  l-Imħażen ta’ Caraffa. F’Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne nħattet il-faċċata tal-Clock Tower u l-Kwartieri ta’ l-Uffiċjali li issa nbnew mill-ġdid faċċata ta’ fejn qed tinbena l-pjazza, kienet restawrata s-St. Luke Garrison Chapel,u qed ikunu restawrati s-swar u l-bini li jdur madwar il-pjazza f’Manoel Island. Bħala parti mill-proġett għall-Cruise Liner Passenger Terminal diġa kienu restawrati l-faċċati ta’ l-Imħażen ta’ Pinto u Forni, filwaqt li parti mill-faċċata li kienet imwaqqa’ ttellgħet mill-ġdid.  

Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor ta’ restawr u riabiliazzjoni qed isir mis-settur privat u mill-volontarjat, jew bi sħab bejn il-Gvern u s-settur privat. Hu qal li r-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur jidħol fl-aħħar kategorija ta’ proġetti għaliex hawnhekk għandna  proġett bi sħab bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, li ħarġet il-fondi neċessarji u l-Unit għar-Restawr li pprovda n-nies esperti biex dan il-proġett seta’ jiġi attwat.

Il-Ministru qal li llejla kien qed jigi inawgurat il-proġett ta’ restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur. Hu qal li l-faċċata ta’ dan il-Palazz dejjem ingħatat importanza. Meta f’nofs is-Seklu 16 il-bini kollu f’dan il-blokk ġie akkwistat biex il-Palazz jokkupa l-blokk kollu, intalab permess biex ikun hemm faċċata ġdida u meta x-xogħol beda, l-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur kienet f’fomm ħafna nies minħabba li kellha poter simboliku qawwi peress illi fl-istorja kienet taghti dik id-dehra li l-Inkwiżitur ried jipproġetta għalih innifsu u għall-Inkwiżizjoni.  

Bil-koperazzjoni bejn l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, Heritage Malta u l-Unit għar-Restawr fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet, il-faċċata tal-Palazz ta’ l-Inkwiżitur issa ngħatat d-dehra glorjuża li kellha biex titgawda mir-residenti tal-Birgu, mill-Maltin u mill-eluf ta’ turisti li qed iżuru din il-belt storika ta’ pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil kull minn ta sehemhu biex dan il-proġett seta’ jsir realta’. Hu qal li l-Birgu qed jerġa’ jingħata d-dehra li kellu fis-snin l-imgħoddija u li dan kien jawgura tajjeb  għall-istorja u l-kultura ta’ pajjiżna li kienu intrinsikament marbuta ma’ l-ibliet qodma u mdawwra bis-swar ta’ Malta.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE

PR261938

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirre...

Aktar Stqarrijiet Right arrow