L-MCAST JINGĦATA L-ERASMUS CHARTER
L-MCAST, l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, kiseb l-ERASMUS University Charter,jiġifieri l-MCAST ġie aċċettat bħal Istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Għolja għall-finijiet tal-Programmi Edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-MCAST kien wieħed mill-264 istituti li ġie aċċettat minn fost it-324 li applikaw. Il-Ministru Louis Galea sostna li dan hu pass ieħor importanti fl-istima li qed jibni l-Kulleġġ.
“Bis-saħħa ta’ dan iċ-Charter l-istudenti li qed jagħmlu l-korsijiet tal-Higher National Diploma, fil-futur qarib, ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi taċ-Charter fl-oqsma ta’ mobilita`, trasparenza ta’ kwalifiki, u xogħol fil-pajjizi membri tal-Unjoni. L-istudenti tal-MCAST, bħal dawk ta’ l-Universita`, ser ikunu jistgħu ikomplu t-taħrig tagħhom permezz tal-programm ERASMUS. Għal dan l-iskop l-MCAST ser isaħħaħ l-Uffiċċju Internazzjonali biex għalliema u studenti jkunu jistgħu jieħdu l-benefiċċji tal-programmi edukattivi tal-Unjoni Ewropea,” qal Louis Galea.
L-MCAST ħabbar ukoll li fl-2007 ser jorganizza konferenza annwali taħt il-programm Erasmus ta’ l-Unjoni Ewropeja. Din ser tkun is-17-il Konferenza tal-European Association of Institutions in Higher Education (EURASHE). Dan ġie miftiehem fl-14-il edizzjoni ta’ din il-konferenza wara li d-Direttur Amministrattiv tal-MCAST, Dr James Calleja, li huwa wkoll membru tal-Bord Eżekuttiv ta’ din l-Assoċazzjoni, għamel il-preżentazzjoni tiegħu u ġie milqugħ ferm tajjeb mill-160 delegat li kien hemm preżenti.
L-EURASHE huwa parti mill-programm ta’ l-Erasmus, li jaqa’ taħt il-programm Socrates. Il-programm Erasmus jieħu ħsieb l-Edukazzjoni Terzjarja, u l-iskop tiegħu huwa li jkun hemm edukazzjoni ta’ kwalità, ikun hemm ko-operazzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, ikun hemm aktar mobilità bejniethom u li jkun hemm rikonoxximent tal-kwalifiki.
Għal dan l-iskop inħoloq il-European Credit Transfer System (ECTS). Din hi sistema li tirrikonoxxi l-kwalifiki ta’ l-istudenti minn universitajiet u kulleġġi Ewropej differenti. Dan mhux biss joħloq aktar ko-operazzjoni, iżda jżid ukoll il-mobilià ta’ l-istudenti madwar l-Ewropa kollha. Il-mira ta’ numru ta’ studenti li jieħdu sehem fi programmi ta’ mobilità sa l-2010 huwa ta’ 3 miljun student skond il-Kummisjoni Ewropea. Dan ifisser li mill-124,000 student fis-sena li hemm bħalissa, in-numru jrid jitla’ sa 375,000 student fis-sena.
Bejn s-snin 2000 u 2006, l-Unjoni Ewropea allokat ‘budget’ ta’ 950 miljun euro, li jirrifletti l-impenn serju li l-UE qed tagħti lil dan il-proġett.
Il-Ministru Louis Galea irringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex dan il-proġett iseħħ, inkoraggixxa lill-istaff kollu ta’ l-MCAST u lill-istudenti kollha biex jieħdu sehem attiv fil-ħidma tal-Kulleġġ.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938