Left arrow Mur Lura

INŻOMMU S-SAĦĦA ’L FUQ MILL-POLITIKA PARTIĠĠJANA

PR947
Date Icon 04/06/2004

Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jiddeplora bil-qawwa l-istqarrija ta’ l-Onor. Dr. Michael Farrugia, il-kelliem ewlieni għas-Saħħa ta’ l-Oppożizzjoni, stqarrija mimlija tagħwiġ ta’ fatti u insinwazzjonijiet, immirati biex joħolqu allarm fost il-poplu u biex forsi jigu akkwistati l-voti fl-elezzjoni tat-12 ta’ Ġunju.  

L-Onor. Michael Farrugia jidher li mhux qed jirnexxilu jirreżisti t-tentazzjoni li ma jużax is-saħħa bħala għodda politika.  Dan  minkejja d-diversi appelli mill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità biex is-saħħa nħalluha ’l fuq mill-politika partiġġana.  

Dr. Michael Farrugia għal raġunijiet  politiċi qiegħed jorbot is-servizzi tas-saħħa ma’ l-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju.  Bħallikieku l-Gvern  jipprovdi s-servizzi ta’ kura  u jieħu deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa skond jekk tkunx ġejja elezzjoni jew le.  Dak kollu li l-gvern jagħmel fil-qasam tas-sahha huwa fl-interess tal-pubbliku u mhux fl-interess għall-voti.  

Jista’ Dr. Michael Farrugia jinforma lill-pubbliku Malti minn fejn jirriżulta li l-gvern Malti intrabat ma’ l-Unjoni Ewropea li jrid jagħmel riformi fis-settur tas-saħħa biex inaqqas l-ispiża tieghu?  Din hija biss qlajja ta` l-Onor. Michael Farrugia.

Dwar l-allegazzjoni ta’ ħlas għas-servizzi ta’ kura, li qiegħed jerġa’ jagħmel l-Onor. Dr. Michael Farrugia, kulħadd għadu jiftakar meta Dr. Michael Farrugia kien qal li minn Marzu tal-2001, kien se jibda jintalab ħlas għal servizzi mogħtija fl-isptar.  Id-data waslet u l-poplu baqa’ jieħu s-servizzi b’xejn.  Imma Dr. Farrugia qed jerga’ jbeżża’ u jallarma lill-poplu Malti bi ħlas għas-servizzi ta’ kura u bl-għeluq tac-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u tal-Gżira.  

Il-kelliem għas-Saħħa ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed jipprova ibezza wkoll lil dawk li jbatu bil-marda tad-dijabete u jinsinwa li dawn mhux se jibqgħu jieħdu l-mediċini b’xejn għal din il-marda.  Il-gvern kemm–il darba qal li l-mediċini għal din il-marda se jibqghu b’xejn.  Imma l-Onor. Michael Farrugia jkompli jtambar il-kuntrarju.  Ta’ min ifakkar li l-Onor. Michael Farrugia hu ex-Ministru li daħħal ħlas fuq kull riċetta għall-mediċini.  

Dr. Michael Farrugia appella lill-gvern biex ma jibqax mutu dwar il-pjanijiet li għandu għall-qasam tas-saħħa.  Il-Gvern qatt ma kien mutu, imma jagħmel l-affarijiet bis-serjetà.  Barra minnhekk illum għandna Gvern kommess li jiddiskuti ma’ l-imsieħba soċjali u mhux jimponi.

Il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ wasal fil-fażi finali fl-ippjanar tar-riforma fil-qasam tas-saħħa u ma jdumx ma joħroġ white paper dwar dan.  Riformi immirati biex filwaqt li se jġibu titjib fis-servizz, jagħmlu s-settur tas-saħħa sostenibbli.  F’dawn ir-riformi, il-gvern mhux talli m’ghandux x’jahbi kif qieghed jallega Dr. Michael Farrugia, imma l-Ministeru tas-Sahha hu fiduċjuz li minnhom se jiggwadanja l-poplu kollu.  

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunitá jerġa’ għal darb’oħra jappella lil Onor. Michael Farrugia biex juri aktar serjetà u filwaqt li jevita jallarma lill-pubbliku, ma jużax is-settur tas-Saħħa bħala strument politiku.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow