INŻOMMU S-SAĦĦA ’L FUQ MILL-POLITIKA PARTIĠĠJANA
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jiddeplora bil-qawwa l-istqarrija ta’ l-Onor. Dr. Michael Farrugia, il-kelliem ewlieni għas-Saħħa ta’ l-Oppożizzjoni, stqarrija mimlija tagħwiġ ta’ fatti u insinwazzjonijiet, immirati biex joħolqu allarm fost il-poplu u biex forsi jigu akkwistati l-voti fl-elezzjoni tat-12 ta’ Ġunju.
L-Onor. Michael Farrugia jidher li mhux qed jirnexxilu jirreżisti t-tentazzjoni li ma jużax is-saħħa bħala għodda politika. Dan minkejja d-diversi appelli mill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità biex is-saħħa nħalluha ’l fuq mill-politika partiġġana.
Dr. Michael Farrugia għal raġunijiet politiċi qiegħed jorbot is-servizzi tas-saħħa ma’ l-elezzjonijiet tat-12 ta’ Ġunju. Bħallikieku l-Gvern jipprovdi s-servizzi ta’ kura u jieħu deċiżjonijiet fil-qasam tas-saħħa skond jekk tkunx ġejja elezzjoni jew le. Dak kollu li l-gvern jagħmel fil-qasam tas-sahha huwa fl-interess tal-pubbliku u mhux fl-interess għall-voti.
Jista’ Dr. Michael Farrugia jinforma lill-pubbliku Malti minn fejn jirriżulta li l-gvern Malti intrabat ma’ l-Unjoni Ewropea li jrid jagħmel riformi fis-settur tas-saħħa biex inaqqas l-ispiża tieghu? Din hija biss qlajja ta` l-Onor. Michael Farrugia.
Dwar l-allegazzjoni ta’ ħlas għas-servizzi ta’ kura, li qiegħed jerġa’ jagħmel l-Onor. Dr. Michael Farrugia, kulħadd għadu jiftakar meta Dr. Michael Farrugia kien qal li minn Marzu tal-2001, kien se jibda jintalab ħlas għal servizzi mogħtija fl-isptar. Id-data waslet u l-poplu baqa’ jieħu s-servizzi b’xejn. Imma Dr. Farrugia qed jerga’ jbeżża’ u jallarma lill-poplu Malti bi ħlas għas-servizzi ta’ kura u bl-għeluq tac-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u tal-Gżira.
Il-kelliem għas-Saħħa ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed jipprova ibezza wkoll lil dawk li jbatu bil-marda tad-dijabete u jinsinwa li dawn mhux se jibqgħu jieħdu l-mediċini b’xejn għal din il-marda. Il-gvern kemm–il darba qal li l-mediċini għal din il-marda se jibqghu b’xejn. Imma l-Onor. Michael Farrugia jkompli jtambar il-kuntrarju. Ta’ min ifakkar li l-Onor. Michael Farrugia hu ex-Ministru li daħħal ħlas fuq kull riċetta għall-mediċini.
Dr. Michael Farrugia appella lill-gvern biex ma jibqax mutu dwar il-pjanijiet li għandu għall-qasam tas-saħħa. Il-Gvern qatt ma kien mutu, imma jagħmel l-affarijiet bis-serjetà. Barra minnhekk illum għandna Gvern kommess li jiddiskuti ma’ l-imsieħba soċjali u mhux jimponi.
Il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ wasal fil-fażi finali fl-ippjanar tar-riforma fil-qasam tas-saħħa u ma jdumx ma joħroġ white paper dwar dan. Riformi immirati biex filwaqt li se jġibu titjib fis-servizz, jagħmlu s-settur tas-saħħa sostenibbli. F’dawn ir-riformi, il-gvern mhux talli m’ghandux x’jahbi kif qieghed jallega Dr. Michael Farrugia, imma l-Ministeru tas-Sahha hu fiduċjuz li minnhom se jiggwadanja l-poplu kollu.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunitá jerġa’ għal darb’oħra jappella lil Onor. Michael Farrugia biex juri aktar serjetà u filwaqt li jevita jallarma lill-pubbliku, ma jużax is-settur tas-Saħħa bħala strument politiku.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938