JITFASSLU R-REGOLI TA’ L-ANTI DOPING
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Mpjiegi Louis Galea ġie ppreżentat bir-rapport dwar il-politika u r-regoli ta’ l-Anti Doping għal Malta li fassal l-Anti Doping Advisory Board, kumitat li ilu mwaqqaf minn Novembru li għadda mill-ex-Ministru ta’ l-Isport Jesmond Mugliett. Dan sar biex Malta tkun konformi mal-pajjiżi kollha tad-dinja u b’hekk kull pajjiż ikun jista’ jiffirma dik li tissejjaħ id-dikjarazzjoni ta’ Copenhagen , fejn Malta tkun qed tikkonforma mar-regoli tal-World Anti Doping Agency (WADA). Il-WADA hi aġenzija dinjija li twaqqfet proprju bl-iskop li tikkoordina u tikkumbatti l-użu llegali ta’ sustanzi pprojbiti fl-isport.
Il-funzjonijiet ta’ l-Anti Doping Advisory Board kienu li jagħti parir sabiex titwaqqaf Politika Nazzjonali u Pjan ta’ Azzjoni speċifikament fuq anti doping. Il-Bord ta wkoll parir, flimkien ma’ l-avukat ġenerali, dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-WADA, u issuġġerixxa metodi ta’ kif għandna nimplimentaw din il-Konvenzjoni. Ġie preparat abbozz ta’ regolamenti li eventwalment għandu jwassal għall-Avviż Legali dwar l-Anti Doping.
Il-Ministru Galea qal li “l-isport huwa mportanti kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali u għall-edukazzjoni ta’ kulħadd. Għalhekk għandna nikkumbattu kull ostaklu li jista’ jkun hemm kontra l-isport, bħad-doping”. Dr Louis Galea irringrazzja wkoll lis-sitt membri li ħadmu f’dan il-kumitat – Dr Stephen Zammit (Chairperson), Ms Lara Gerada, Dr John Buhagiar, Dr Janet Mifsud, Mr John Farrugia, Mr Joe Cassar, Dr Peter Fenech u Mr Joe Dimech. “Dan huwa l-ewwel pass lejn it-thejjija biex f’Malta wkoll ikollna Anti Doping Body u nkunu nistgħu niffirmaw il-Konvenzjoni ta’Copenhagen qabel l-Olimpjadi biex l-atleti tagħna jkunu jistgħu jieħdu sehem”, kompla jsostni l-Ministru.
“Diversi għaqdiet ser jieħdu spinta l-quddiem la darba kollox jiġi finalizzat. Sal-ġimgħa l-oħra l-FIFA wkoll iffirmaw ftehim mal-WADA li huma wkoll ser jikkonformaw ma’ dawn ir-regoli”. Il-Ministru Galea għamel appell biex l-atleti kollha jżommu l-isport nadif u biex jikkompetu b’mod ġust u onest.
Stqarrijiet Oħra:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937