IFFIRMATI L-KUNTRATTI TA’ XOGĦOL FINANZJAT MILL-5 PROTOKOL FINANZJARJU BEJN MALTA U L-ITALJA GĦALL-BINI MILL-ĠDID TA’ TOROQ ARTERJAL
L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta illum wara nofsinhar iffirmat kuntratti ma’ tliet kumpanniji Taljani li ser ikunu qegħdin jibnu mill-ġdid numru ta’ toroq arterjali madwar Malta, liema xogħol ser ikun iffinanzjat mill-Ħames Protokoll Finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
€30 miljun jew Lm12.5 miljuni gew allokati għal dan ix-xogħol, li irid jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Il-Protokol fil-fatt jitlob li dawn ix-xogħlijiet ikunu invoiced sa tmiem is-sena finanzjarja Taljana, jiġifieri sa tmiem Settembru 2005.
Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq inqasmu fi tliet lots, b’kull wieħed imur għand kuntrattur Taljan skond kif stipulat fit-termini tal-Protokol. Il-‘lots’ huma magħmulin kif ġej:
Lot 1
- Minn Tarġa Gap lejn il-junction Tal-Qlejja, lejn il-junction tal-Imtarfa
Lot 2
- Mill-junction tal-Imtarfa lejn il-junction ta’ Bieb De Rohan, Żebbug lejn is-Siġġiewi
Lot 3
- Mill-junction tas-Siġġiewi tul Triq l-Imdina lejn Ħal Qormi
- Minn Triq Ħal Luqa, Qormi lejn Triq Ħal Qormi Luqa (tgħaddi mill-junction ta’ Ħal Farruġ lejn il-junction tal-Cargo Terminal)
Il-kuntratti li ġew iffirmati llum jagħtu lok li jiżdiedu xogħlijiet oħra fuq toroq oħrajn minbarra dawk imsemmija.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor Jesmond Mugliett, waqt konferenza tal-aħbarijiet qabel l-iffirmar tal-kuntratti, qal li l-bidu tax-xogħlijiet fuq dawn it-toroq huwa żvilupp kruċjali fit-titjib tat-toroq ta’ pajjiżna.
"Dawn it-toroq ser jinbnew skond l-għola standards u t-twettiq ta’ dan ix-xogħol ser iġib miegħu importazzjoni ta’ teknoloġija li minnha ser tibbenefika l-industrija lokali tal-kostruzzjoni tat-toroq. Parti mill-materjal li ser jintuża fir-rikostruzzjoni ta’ dawn it-toroq, bħaż-żrar li jintuża fit-tarmak, ser jiġi mpurtat mill-Italja. Dan iż-żrar ta’ kwalita għolja ser jiżgura li dawn it-toroq ikollhom wiċċ li ma jiżloqx,” kompla jgħid il-Ministru Mugliett.
Hu qal li l-fondi ġejjin mill-Protokol Finanzjarju Taljan, il-Fondi Stutturali u dawk ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropeja flimkien ma’ l-allokazzjoni ta’ fondi oħra mill-Gvern qed jippreżentaw opportunita’ unika biex l-infrastruttura tat-toroq f’Malta u Għawdex tkun tista’ tittejjeb b’mod konsiderevoli fis-sentejn li ġejjin.
Il-Ministru Mugliett temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Gvern Taljan għal din l-għajnuna finanzjarja li bla dubju ta’ xejn, ser tgħin lil pajjiżna jagħmel qabża fil-kwalita’ f’dan il-qasam.
Il-kumpanniji Taljani li ntgħażlu biex iwettqu dawn ix-xogħlijiet huma:
- Ergon Engineering,
- F.lli Anastasi Snc u
- F.lli Basillotta Srl.
Dawn ser ikunu qed jagħmlu xogħol ta’ mmaniġġar u superviżjoni fuq dawn ix-xogħlijiet. Tnejn minn dawn, Ergon Engineering u F.lli Anastasi Snc., impjegaw lil Polidano Brothers Ltd. u Asfaltar Co. Ltd., rispettivament bħala sub-contractors. It-tielet kuntrattur, F.lli Basillotta Srl ser ikun qed jimpjega ħaddiema Maltin direttament.
Bħalissa, l-kuntratturi għaddejjin bil-mobilitazzjoni tal-apparat u ħaddiema biex ix-xogħol ikun jista’ jibda mill-aktar fis possibbli. Hu mistenni li x-xogħol fuq tnejn minn dawn il-lots jinbeda qabel nofs dan ix-xahar.
Minħabba li ser ikun għaddej xogħol fuq it-tliet lots, li huma fl-istess ħin, l-Awtorita Dwar it-Trasport ta’ Malta qed tikkordina l-programm tax-xogħlijiet tal-kuntratturi anke għall-finijiet ta’ treġija tat-traffiku, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. Barra minn hekk, l-ADT ħejjiet ukoll pjan ta’ treġija tat-traffiku li ser jiġi implimentat waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.
L-Awtorita għadha kemm temmet ix-xogħlijiet ta’ għoti ta’ tarmac fuq numru ta’ toroq li ser jintużaw biex jiddawwar it-traffiku meta tingħalaq xi arterja biex din tinbena mill-ġdid. Il-pubbliku ser ikun imwissi qabel ma jingħalqu t-toroq imsemmija u jkun avżat dwar liema toroq alternattivi jista’ juża.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938