Left arrow Mur Lura

IL-KAPIJIET TA’ L-ISPTARIJIET TA’ L-UNJONI EWROPEA JILTAQGĦU F’MALTA

PR924
Date Icon 01/06/2004

Matul l-ewwel ġranet ta’ Ġunju 2004 ser titlaqqa’ f’Malta l-Assemblea Plenarja tal-HOPE – il-Kumitat Permanenti ta’ l-Isptarijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-programm tal-attivitajiet qed jiġi koordinat mid-delegazzjoni Maltija għal HOPE, mmexxija minn Dr. John M. Cachia, Kap tad-Delegazzjoni Maltija u li hija taħt it-tmexxija tad-Dipartiment ta’ l-Isptarijiet fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’.

HOPE tirrapprezenta b’mod ħaj kif jitħaddem il-proċess ta’ konsultazzjoni fl-Unjoni Ewropea, liema proċess iwassal biex jissawru policies li eventwalment jissarrfu f’direttivi u regolamenti li japplikaw fl-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea. HOPE iġġib flimkien dipartimenti responsabbli mill-isptarijiet fil-ministeri tas-saħħa Ewropej, assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ sptarijiet minn pajjiżi li joffru servizzi fi skemi ta’ sigurta’ soċjali u federazzjonijiet nazzjonali ta’ kunsilli lokali minn dawk il-pajjiżi ewropej fejn servizzi ta’ sptarijiet huma taħt ir-responsabbilita’ tal-kunsilli lokali. Dawn ingħaqdu flimkien u ħolqu ‘forum’ li jirrappreżenta l-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea u l-isptarijiet fl-istess Unjoni Ewropea.  

Din l-assoċjazzjoni, li għandha status ta’ NGO, hija partner ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tal-Kunsill tal-Ministri tas-Saħħa. Tiġi konsultata b’mod formali, tkun mistiedna titkellem fil-‘fora’ kollha fejn il-Kummissjoni tkun qed tiddiskuti issues li jinvolvu sptarijiet, u anki tieħu sehem fi proċessi konsultattivi ristretti fejn saħansitra ikunu mistiedna biss Ministri tas-Saħħa. Dan huwa l-metodu l-aktar komuni li bih l-Unjoni Ewropea taċċerta ruħha li qed tisma’ u tagħti vuċi liċ-ċittadini u l-istakeholders prinċipali.  

Matul l-Assemblea ta’ Malta , HOPE ser tkun qegħda tikber għal 24 membru sħiħ – il-pajjiżi kollha ħlief il-Polonja – hekk kif dipartimenti ta’ l-isptarijiet u assoċjazzjonijiet ta’ sptarijiet mill-pajjiżi ġodda jingħaqdu fi ħdan din l-organizzazzjoni. Malta saret membru sħiħ mill-1 ta’ Mejju 2004 b’riżoluzzjoni approvata fil-Portugall f’Mejju 2003. Malta b’hekk qegħda tkun l-ewwel fost il-membri ġodda ta’ HOPE li tospita l-Assemblea Plenarja.  

B’riżultat ta’ dan it-tkabbir, ser jiġu diskussi fil-laqgħa ta’ Malta numru ta’ riformi fit-tmexxija ta’ HOPE sabiex fir-realta’ ġdida ta’ 24 membru sħiħ tkun tista’ tibqa’ effettiva u rappresentattiva. HOPE trid tkompli tkun fuq quddiem nett billi permezz ta’ studji u riċerka jiġu proposti soluzzjonijiet prattiċi u sodisfaċenti li jindirizzaw il-problemi u l-ħtiġijiet fil-qasam ta’ l-isptarijiet.

Fl-Ewropa l-isptarijiet huma kontinwament taħt pressjoni kemm minħabba żviluppi kbar fit-teknoloġija u s-sistemi ta’ kura, kif ukoll minn tibdil impost mid-demografija hekk kif l-anzjani tagħna ser jibdew iħallu impatt ferm ikbar fuq ir-riżorsi meħtieġa u allura fuq is-sostenibilita’ tas-solidarjeta’ li hija waħda mis-sisien fondamentali tar-ruħ soċjali Ewropea.  

HOPE ser tkun qegħda tintegra fiha wkoll sistemi tas-saħħa kif offruti fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-pajjiżi baltiċi. Hemm realtajiet li jinvolvu taħriġ u tqassim ta’ riżorsi umani; żvilupp ta’servizzi fuq bażi ta’ ħtieġa, valur miżjud, u kwalita’; kif ukoll sfidi bħal nuqqas ta’ faċilitajiet adegwati u nuqqas ġenerali ta’ fondi għas-saħħa minħabba prijoritajiet ekonomiċi aktar importanti.  

Ser jiġu diskussi wkoll ir-rispons ta’ HOPE għal dokumenti u policies kurrenti li bħalissa qegħdin fuq quddiem tal-aġenda Ewropeja tas-Saħħa. Dawn jinkludu azzjoni konkreta dwar kif jistgħu jitħaddmu d-direttivi dwar il-ħin tax-xogħol sabiex jinħoloq bilanċ bejn id-direttivi u r-riżorsi disponibbli sabiex dawn id-direttivi jiġu fis-seħħ. Hemm ukoll diskussjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li ġie konkluż f’Diċembru 2003 dwar kif tista’ jitħaddem b’mod għaqli l-prinċipju ta’ mobilita’ ta’ pazjenti u servizzi, mingħajr ma jiġi mittiefes il-prinċipju tas-sussidjarjeta’ fil-qasam tas-saħħa, jiġifieri li kull pajjiż jibqa’ awtonomu f’dak li għandu jkun il-pakkett ta’ servizzi pubbliċi tas-saħħa li joffri liċ-ċittadini tiegħu.  

Ser ikun hemm update fuq il-problemi kawżati minn listi ta’ stennija fid-diversi sptarijiet u pajjiżi Ewropej. Ser jiġu diskussi wkoll sistemi mħallta ta’ saħħa, fejn numru sostanzjali ta’ ċittadini jużaw servizzi privati u l-impatt ta’ dan kollu fuq servizzi finanzjati kemm mit-taxxi kif ukoll minn skemi ta’ ħarsien soċjali.  

Il-President attwali ta’ HOPE, M. Gerard Vincent, li huwa wkoll id-Direttur Ġenerali tal- Federazzjoni ta’ l-Isptarijiet Pubbliċi Franċiżi, bagħat messaġġ qasir lid-delegazzjonijiet kollha li ser ikunu qed jiltaqgħu f’Malta fl-4 u l-5 ta’ Ġunju 2004. F’dan il-messaġġ, is-sur Vincent saħaq fuq il-ħtieġa li f’Malta jsir proċess intensiv ta’ riflessjoni sabiex id-direzzjoni u d-deċiżjonijiet li jittieħdu isaħħu lil HOPE, bħala assoċjazzjoni ewlenija u relevanti fil-qasam tal-politika ta’ l-isptarijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow