PREMJU: THE OUTSTANDING YOUNG PERSON (TOYP) AWARD 2004
Għall-ewwel darba f’Malta ser tittella’ THE OUTSTANDING YOUNG PERSON (TOYP) Award mill-Junior Chamber Malta , flimkien ma’ l-HSBC Bank Malta plc, bl-għanjuna tal-KPMG u l-Kamra tal-Kummerċ. Ir-rebbieħ ta’ dan ir-rikonoxximent ser jitħabbar fit-2 t’Ottubru 2004.
L-iskop ta’ dan il-premju huwa li jiġi rikonoxxut, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, ix-xogħol ta’ individwu, ta’ bejn it-18 u l-40 sena, li jkun għamel differenza fil-komunità jew fil-qasam tiegħu. Il-Junior Chamber qed tittama li dan l-individwu jkun ta’ eżempju biex aktar persuni jaspiraw għal affarijiet akbar, iżidu l-potenzjal tagħhom u jkunu aktar kreattivi.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi, Louis Galea qal li din hija inizjattiva sabiħa għaliex ser tagħti opportunità mhux biss lil dawk li jissemmew ta’ spiss fil-medja, imma wkoll lil dawk l-individwi kollha li jaħdmu bla heda għall-ġid tal-komunità u x-xogħol tagħhom ma jiġix rikonoxxut, kif ukoll dawk li f’ħajjithom kellhom xi ostakoli li rnexxielhom jgħelbu u kienu ta’ eżempju għalina lkoll.
Hemm għaxar kategoriji li wieħed jista’ jieħu sehem fihom, u dawn huma miftuħa kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel:
1. Xogħol sodisfaċenti fin-negozju, ekonomija u/jew intraprenditorjali,
2. Politika, liġi u/jew affarijiet ċivili,
3. Akademika,
4. Kultura,
5. Tmexxija morali u/jew favur l-ambjent,
6. Kontribut lejn it-tfal, il-paċi fid-dinja u/jew id-drittijiet umanitari,
7. Xogħol volontarju u filantropiku,
8. Xjenza u żvilupp fit-teknoloġija,
9. Titjib personali,
10. Innovazzjoni fil-mediċina.
Wieħed irid jispeċifika minn qabel f’liema kategorija ser jissottometti n-nominazzjoni. Wara, ġurija magħżulin apposta għal din l-okkażjoni, tagħżel l-aħjar persuna minn kull kategorija, ibbażat dejjem fuq ix-xogħol sodisfaċenti tal-persuna.
Għalkemm persuna waħda biss ser tiġi dikjarata “The Outstanding Young Person of theYear” u ppremjata Lm1,000 mill-JCI Malta, ir-rebbieħ/a ta’ kull kategorija ser jingħataw l-opportunità li jiġu sottomessi fil-JUNIOR CHAMBER INTERNATIONAL (JCI) TOYP Program u jkollhom ċ-ċans li jkunu wieħed jew waħda mill-għaxar OUTSTANDING PERSONS of the WORLD, li jiġu onorati fis-sittin JCI World Congress.
Il-Junior Chamber International (JCI) hija federazzjoni mondjali li taħdem biex tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ itejbu u jkabbru l-abilità tagħhom bħala mexxejja, ikabbru r-responsabbiltà soċjali u jkabbru l-kapaċità li joħolqu bidla pożittiva.
Il-Ministru mhux biss faħħar dan il-proġett iżda enfasizza l-importanza ta’ proġetti bħal dawn li mhux biss jgħinu liż-żgħażagħ tagħna jimxu fit-triq it-tajba, “iżda jgħinuhom ukoll ikabbru l-potenzjal tagħhom u jimmiraw aktar fit-tul. Dan il-proġett għandu jinkoraġixxi mhux biss liż-żgħażagħ tagħna jaspiraw aktar f’ħajjithom iżda jgħin ukoll biex organizzazzjonijiet oħrajn jaraw x’isarrfu ż-żgħażagħ u x’effett pożittiv jista’ jkollhom dawn fuq is-soċjetà.”
Għal aktar informazzjoni dwar din il-premjazzjoni wieħed jista’ ara wkoll is-sit www.jcmalta.org jew jibgħat e-mail lil Karl Farrugia Wismayer fuq toyp@jcmalta.org. Wieħed jista’ ukoll jikkontattjaw lilMr Eman Hayman, li huwa r-rappreżentant tal-proġett, permezz tat-telefon fuq 21233873.
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937