IL-FORTIZZA SANT’IERMU SER TINGĦATA ĦAJJA ĠDIDA B’AVVENIMENTI KULTURALI
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq beda studji preliminari sabiex aktar ’l quddiem, il-Gvern iniedi numru ta’ proġetti kapitali ġodda. Huwa maħsub li l-Fortizza ta’ Sant’Iermu u ż-żona tal-madwar huma fost il-wirt li l-Gvern ser ikun qed jirrijabilita b’dan il-mod.
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret f’Sant’Iermu dalgħodu, fejn saret it-tnedija tal-Malta World Music Festival, organizzat minn ‘East to West’, u li ser isir fil-pjazza tal-parati tal-Forti bejn it-2 u t-3 ta’ Lulju, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li l-festival mużikali li ser jittella’ huwa okkażjoni idejali sabiex titqajjem kuxjenza dwar dan il-forti u l-potenzjal tiegħu.
Minkejja li kemm-il darba ttellgħu attivitajiet mużikali jew kulturali f’Sant’ Iermu, din hija l-ewwel darba li l-attivita’ ser tittellgħa fil-parti t-isfel tal-Fortizza.
Bi tħejjija għal dan l-avveniment, fil-pjazza tal-parati tal-Forti ser ikun għaddej xogħol ta’ tindif u manutenzjoni biex dan is-sit jkun jista’ jibda jintuża għal attivitajiet kulturali differenti, partikolarment fix-xhur tas-sajf. Minbarra ‘East to West’, il-Gvern diġa’ ġie avviċinat minn promoturi oħra li huma nteressati li jtellgħu attivitajiet kulturali oħra f’dan is-sit storiku.
Dwar dan il-punt, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-akbar prijorita’ tal-Gvern fir-rigward ta’ Sant’Iermu bħal issa hi, li jitwaqqaf id-degrad u jitrażżnu l-ħsarat li kienu qed isirulu. Il-Gvern bħalissa qed jagħmel ukoll arranġamenti sabiex jinstab post alternattiv għall-karristi u sabiex jitfassal il-proġett biex ikun żviluppat il-Villaġġ tal-Karnival.
"Attivitajiet bħal dawn jagħmlu lill-pubbliku iktar familjari mal-Forti Sant’ Iermu u b’hekk tabilħaqq tkun bdiet ir-rijabilitazzjoni tiegħu. L-għan aħħari huwa li nagħtu Sant’Iermu lura lill-poplu Malti u nagħmlu minnu ċentru ta’ attivita’ f’kull ħin u f’kull żmien tas-sena. Iż-żieda fl-użu tal-post flimkien mat-titjib fl-infrastruttura u fl-ambjent huma element essenzjali ta’ kull proġett ta’ riġenerazzjoni," qal il-Ministru Mugliett.
Il-Ministru qal li l-Gvern diġa’ beda jħares lejn il-brief li kien sar fis-snin disgħin għall-iżvilupp tal-Forti u l-inħawi tal-madwar. Il-Perit Mugliett qal ukoll li l-ħtieġa għall-ħarsien tal-wirt kultural tal-Belt Valletta hija marbuta mal-proġetti ta’ riġenerazzjoni oħra li għaddejjin bħalissa, jew li ser jinbdew f’qasir żmien, bħall-proġett tax-Xatt tal-Belt u l-iżvilupp tas-sit tat-Teatru Rjal.
DOI 28.05.2004
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937