Left arrow Go Back

PROGRAMMI U FONDI MILL-UE GĦALL-PROMOZZJONI KULTURALI

PR878
Date Icon 25/05/2004

PROGRAMMI U FONDI MILL-UE GĦALL-PROMOZZJONI KULTURALI

Meta kien qed jinawgura website dwar Culture 2000 kif ukoll sensiela ta’ Seminars Informattivi dwar Kultura 2000, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-kultura tagħna tagħżilna minn kull nazzjon ieħor u darba sseħibna fl-Unjoni Ewropea, li tirrispetta l-kulturi u l-identitajiet tal-pajjiżi membri fl-UE, irridu nagħmlu kull sforz biex insaħħu l-kultura tagħna.

Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura kien jemmen li l-kultura kienet mhux biss tgħinna biex inżommu l-identita’ tagħna iżda tikkontribwixxu ukoll lejn is-settur turistiku. Hu qal li kien jirriżultalu li madwar 200,000 turist fis-sena jżuru pajjiżna għall-wirt kulturali u storiku tagħna. Hu qal li dan kien fid-direzzjoni t-tajba għaliex kienet il-politika tal-Gvern li fil-qasam turistiku – li minnu jiddependi kwart tal-ġid nazzjonali – għandna nippromwovu pajjiżna aktar bħala esperjenza milli bħala destinazzjoni.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat il-poplu sar aktar konxju mill-kultura ta’ pajjiżna u dan kien qed jesprimieh b’kull mezz. Hu qal li kien ta’ inkoraggiment jinnota l-interess li qiegħed dejjem jikber fil-lingwa Maltija, f’wirjiet kulturali, kunċerti mużikali u f’attivitajiet marbuta ma’ l-istorja millenarja ta’ pajjiżna li tmur lura 7,000 sena.

Francis Zammit Dimech qal li kif diġa’ kien innota l-Unjoni Ewropea kienet tirrispetta d-diversita’ ta’ kultura tal-pajjiżi membri u kienet anke tippromwovi dawn il-kulturi permezz ta’ programmi u finanzjament. Hu qal li programm ta’ l-Unjoni Ewropea, li l-iskop tieghu huwa li jgħin biex tiġi inkoraggita l-kreazzjoni u l-mobilta’ kulturali, l-aċċess tal-kultura għal kulħadd, it-tifrix ta’ l-arti u l-kultura, id-djalogu interkulturali u tagħrif dwar l-istorja tal-popli Ewropej, kien igib l-isem ‘Kultura 2000’, li Malta bdiet tipparteċipa fih mis-sena li ghaddiet.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li s-sena l-oħra, l-area ta’ priorita’ kienet il-performing arts u Malta ħadet sehem fi proġett ta’ kooperazzjoni ma’ Ċipru li ġabar fih il-Kavallier ta’ San Ġakbu, it-teatru nazzjonali f’Ċipru u Kneehigh Theatre mir-Renju Unit. Hu qal li għal dan il-proġett kienu allokati 124,623 Euro, bl-ewwel wirja ssir barra fil-Birgu f’Ottubru li għadda. Hu qal li din is-sena, il-priorita’ kien il-Wirt Kulturali fejn diġa’ kienu sottomessi applikazzjonijiet minn 20 organizzazzjoni kulturali Maltin. Hu qal li 18 minn dawn l-20 applikazzjoni kienu fis-settur tal-wirt kulturali. Dan kien jirrifletti mhux biss il-mod kif pajjiżna hu mogħni minn wirt kulturali uniku, iżda anke l-fatt li l-poplu Malti kien qed isir aktar konxju minn dan il-wirt.

Francis Zammit Dimech qal li llum kien qed iniedi l-website tat-Taqsima tal-Programm ta’ l-UE u s-seminars informattivi. Hu qal li l-website kienet se sservi ta’ għodda għal applikanti potenzjali biex ikunu aġġornati mal-programm. Din il-website se jkollha wkoll informazzjoni dwar programmi ta’ l-UE li għalkemm ma jkollhomx il-kultura bħala l-kriterju ewlieni, jikkontribwixxu wkoll għall-fondi kulturali. Dawn jinkludu l-Programmi Leonardo Da Vinci, il-Programm taż-Żgħażagħ u fondi strutturali. Il-website se jkollha wkoll aċċess għal links oħra importanti bħall-EU website.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Gvern kien qed iniedi wkoll seminars informattivi dwar ‘Kultura 2000’. Hu qal li dawn kienu l-aktar relevanti għal dawk li jinteressaw rwiehhom f’fondi għal programmi kulturali Ewropej.

Francis Zammit Dimech qal li Malta kienet għaddejja minn rinaxximent kulturali ġdid wara r-rinaxximent kulturali li segwa l-akkwist ta’ l-Indipendenza fl-1964. Hu qal li kull rinaxximent iġib miegħu sforzi ġodda biex nagħrfu l-għeruq tagħna, biex nippromwovu l-arti, il-mużika, il-folklor u dak kollu li jiddistingwina minn kull nazzjon ieħor. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex jaħtfu l-opportunitajiet kbar li qed toffrilna s-sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-qasam kulturali. Hu qal li proġetti kulturali mhux biss jikkontribwixxu biex jikber l-għerf fil-pajjiż iżda jgħinu wkoll fl-iżvilupp ekonomiku.

DOI - 25.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow