Left arrow Go Back

FTUĦ TA’ BUSINESS TRAINING ROOM F’GĦAWDEX

PR875
Date Icon 25/05/2004

FTUĦ TA’ BUSINESS TRAINING ROOM F’GĦAWDEX

L-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex inawgurat Business Training Room fl-Uffiċċju li għandha l-Malta Enterprise fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija.

Din il-unit, li hi l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Għawdex, għandha l-għan li tkun il-post centrali minn fejn isiru seminars ta’ informazzjoni ndirizzati lill-intraprendituri Għawdxin kif ukoll sessjonijiet u korsijiet ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid imfassla skond il-ħtiġijiet tas-suq lokali. It-twaqqif ta’ din it-training room għandu jagħti spinta oħra lill-qasam ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani f’Għawdex filwaqt li sservi bħala sors ta’ informazzjoni u għarfien dwar il-possibilitajiet u l-faċilitajiet eżistenti fir-rigward ta’ l-intrapriża lokali.

Waqt diskors ta’ l-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono tkellmet dwar il-ħtieġa li l-intrapriżi lokali jżommu rwieħhom aġġornati ma’ prattiċi internazzjonali u ma’ żviluppi oħra fil-qafas leġislattiv u tekniku li jinbidlu minn żmien għal ieħor.

Il-Ministru Debono qalet li l-futur ta’ l-intrapriża f’pajjiżna jiddependi ħafna fuq il-ħiliet tagħna li nadattaw għal dak li jeħtieġ is-suq. “Dak li aħna konna kapaċi nwettqu snin ilu sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna bdiet isserraħ b’mod qawwi fuq il-qasam tal-manifattura, illum, iktar minn qabel, nistgħu nwettquh sabiex inżommu lilna nfusna kompetittivi fuq firxa iktar wiesa’ ta’ opportunitajiet li jistgħu jirrendu iktar mill-qasam tal-manifattura fil-preżent”.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-ftuħ ta’ din il-unit ġdida f’Għawdex huwa konferma ta’ kemm il-Gvern jifhem il-ħtieġa li nadattaw irwieħna għall-ħtiġijiet tas-suq. "Permezz tal-ftuħ ta’ din il-unit il-Gvern qiegħed jersaq eqreb tal-poplu sabiex, b’mod prattiku joffrilu s-servizzi u l-għajnuna tiegħu sabiex l-intraprenditur lokali ikun kapaċi jaġġorna ruħu u jaħtaf l-opportunitajiet eżistenti”.

Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-opportunitajiet ġodda li ġġib lill-intrapriża lokali. Il-Ministru qalet li pajjiżna jinsab fil-bidu ta’ żminijiet mill-iktar interessanti. Jeħtieġ li f’dawn iż-żminijiet l-intrapriża ta’ pajjiżna tkompli taqdef ’il quddiem u tfittex li tisfrutta il-ħafna opportunitajiet li s-sħubija ġġib magħha. Il-Ministru Debono qalet li, fuq kollox, jeħtieġ li l-intrapriża lokali ttejjeb l-investiment tagħha permezz ta’ diversi miżuri fosthom li żżomm lilha nnifisha aġġornata permezz ta’ informazzjoni kif ukoll li tinvesti fit-taħriġ, u taħriġ mill-ġdid, sabiex ir-riżorsi tagħna jkollhom dejjem iktar, ħiliet ġodda. Hija qalet li inizjattivi bħal din li ħadet il-Malta Enterprise hawnhekk f’Għawdex tista’ tagħti riżultati mill-iktar pożittivi jekk is-settur privat ukoll jagħraf l-importanza ta’ taħriġ u edukazzjoni kontinwa anke fil-qasam tax-xogħol.

Il-Ministru Debono qalet li s-suċċess ta’ pajjiżna, ukoll bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, jiddependi ħafna mis-suċċess ta’ l-intrapriżi żgħar u medji li jikkaraterizzaw l-ambjent ekonomiku tagħna. Hija qalet li l-Gvern dan jirrikonoxxih tant li ħoloq organizzazzjoni bħall-Malta Enterprise li qed tfittex li tgħin u tagħti s-sostenn kollu possibbli lill-intrapriża ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Debono temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat pubblikament lill-Malta Enterprisegħall-ftuħ ta’ din l-ewwel unit f’Għawdex.

DOI - 25.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow