MODERNIZZAR FIL-FEMALE ONCOLOGY WARD IWASSAL GĦAL TITJIB TAS-SERVIZZ FL-ISPTAR BOFFA
MODERNIZZAR FIL-FEMALE ONCOLOGY WARD IWASSAL GĦAL TITJIB TAS-SERVIZZ FL-ISPTAR BOFFA
Il-kunċett ta’ sħubija bejn il-Gvern, il-volontarjat u l-privat qiegħed jaqbad l-għeruq fil-qasam tas-saħħa fejn qed tikber dejjem iżjed il-koperazzjoni bejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-volontarjat. Il-gvern japprezza l-ħidma ta’ dawk kollha li b’diversi modi jikkumplimentaw il-ħidma tal-gvern. Min-naħa tiegħu l-gvern jgħin anki finanzjarjament lil bosta għaqdiet volontarji biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom fost dawk l-aktar fil-bżonn.
Dan qalu l-Onor. Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, meta kien qiegħed jinawgura ‘Sala Marguerite’ - sala tan-nisa fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija fl-Isptar Sir Paul Boffa. Kien ilu jinħass il-bżonn li pazjenti nisa f’dan id-dipartiment ikollhom aktar spazju u faċilitajiet aktar komdi. Dan huwa parti minn proġett ta’ ri-organizzazzjoni fid-dipartiment kollu. Issa jkun imiss il-modernizzar tas-sala ta’ l-irġiel u se tinħoloq day ward aktar spazjuża biex il-pazjenti jkunu moqdija aħjar. Fl-aħħar għandha titwaqqaf taqsima ġdida għall-kura paljattiva.
F’Malta l-istess bħal f’pajjiżi barranin qiegħed jikber l-involviment tas-settur tal-volontarjat fil-qasam tas-Saħħa. Minkejja li l-ispiża fil-qasam tas-Saħħa dejjem tiela’ il-gvern jibqa’ obbligat li jipprovdi s-servizz bażiku ta’ kura u li dan ikun aċċessibbli għal kulħadd. Illum qegħdin naraw il-welfare society tieħu post il-welfare state fejn is-soċjetà kollha bi sforz kollettiv issostni lil min hu l-aktar fil-bżonn. Dan hu li sawwar il-welfare society fejn mhux il-gvern biss jaħseb fil-bżonnijiet tas-soċjetà imma s-soċjetà kollettivament timpenja ruħha biex tgħin lil dawk aktar fil-bżonn.
F’dan il-proċess qegħdin naraw li s-settur tal-volontarjat qiegħed jagħti sehem kbir. Fil-każ ta’ l-Isptar Boffa il-volontarjat qieghed għal darb’oħra jagħti kontribut permezz ta’ għajnuna li ssostni lill-pazjenti fid-diffikultajiet tagħhom. Il-marda tal-kanċer tħalli effetti psikoloġiċi fuq il-pazjent u għalhekk ħajja aktar komda u ‘support’ morali jgħinu fis-suċċess tal-kura għas-sintomi fiżiċi tal-marda.
Fil-każ tal-lum għandna l-Malta Cancer Foundation li taghti għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll sigħat ta’ xoghol biex dan il-proġett seta’ jitwettaq. Din il-Fondazzjoni għaddejja b’kampanja kontinwa ta’ ġbir ta’ fondi għall-Isptar Boffa. Sinifikanti hu l-fatt li fit-tmexxija tal-Fondazzjoni hemm ukoll rappreżentanza tad-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija u dan ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn it-tnejn. Dan huwa proġett ieħor f’Boffa li l-Fondazzjoni għoġobha ssostni. M’hemmx dubju li din il-Fondazzjoni hija strumentali biex dan il-kunċett ta’ kollaborazzjoni bejn il-gvern, il-volontarjat u l-privat ikompli jissaħħaħ.
Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin, kull min iżur l-isptar Boffa seta’ jinnota trasformazzjoni kemm fid-dehra kif ukoll fl-għoti tas-servizzi. Illum dan l-isptar jipprovdi kura mill-aqwa grazzi għal tant professjonisti ddedikati li jagħtu dawn is-servizzi. Is-suċċess ifisser aktar visti għall-kura għal min ibati b’din il-marda. Kuljum madwar 100 pazjent u l-familjari tiegħu jattendu għal xi forma ta’ kura fid-Dipartiment ta’ l-Onkoloġija.
Din is-sala se tissemma għal ‘Marguerite Mangion’ li kienet il-kap ta’ Chiswick School u li kienet pazjenta f’dan l-isptar. It-tfal ta’ din l-iskola wegħdu li għas-snin li ġejjin se jgħinu biex is-sala ikollha dehra aħjar. Fost affarijiet oħra se jgħinu biex tingħata dehra ġdida lill-ġnien li hemm mas-sala.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità rringrazzja lil kull min għen biex tinfetaħ din is-sala b’mod speċjali lill-Malta Cancer Foundation li l-ħidma tagħha fost dawk morda bil-kanċer qed tiżdied kuljum. Hu awgura li l-kollaborazzjoni bejn il-management ta’ l-isptar Boffa u l-Fondazzjoni tkompli tissaħħaħ.
DOI - 25.05.2004
Other Press Releases:
PR261937en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261937