Left arrow Go Back

“M’HUX AĊĊETTABBLI LI JKOLLNA ŻIEDA FIL-PREZZIJIET” - IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR862
Date Icon 25/05/2004

“M’HUX AĊĊETTABBLI LI JKOLLNA ŻIEDA FIL-PREZZIJIET” - IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, l-Onor. Edwin Vassallo, kellu laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ ufficjali tad-Dipartimenti tal-Gvern u persuni fin-negozju. Din il-laqgha kienet kontinwazzjoni ta’ laqgħat oħra li saru fil-ġimgħat li għaddew, bhala parti minn skeda ta’ konsultazzjoni maħsuba biex ikun hemm qsim ta’ esperjenzi u informazzjoni bejn l-istess uffiċjali minn Dipartimenti tal-Gvern u persuni fin-negozju.

“Din il-laqgħa hija maħsuba biex tkun parti minn proċess ta’ għoti ta’ informazzjoni kemm mill-Gvern lil min qiegħed fin-negozju, kif ukoll ta’ għoti ta’ informazzjoni min-naħa ta’ min qiegħed fin-negozju lill-Gvern.  Iżjed ma jkollna ż-żewġ naħat itejjbu s-servizz li qed jagħtu, iżjed ikollna suq intern moqdi tajjeb, u dan ifisser li l-konsumatur ikun moqdi bl-aħjar mod.  Hija l-intenzjoni tiegħi,” qal is-Segretarju Parlamentari Vassallo, “li mhux biss kemm jista’ ikun innaqqas il-piżijiet tal-burokrazija fuq min qiegħed fin-negozju, biex in-negozju jkun jista’ jaħdem aħjar, iżda rridu wkoll li nnaqqsu l-burokrazija li joħloq in-negozjant fuq il-konsumatur”

F’din il-laqgħa, li għaliha kienu mistiedna diversi uffiċjali minn diversi Dipartimenti biex jisimgħu l-ilmenti u s-suġġerimenti ta’ min qiegħed fin-negozju, kif ukoll biex jagħtu l-informazzjoni lil min qiegħed fin-negozju, kienet laqgħa li għaliha attendew numru kbir ta’ imporaturi u sidien ta’ negozji. F’din il-laqgħa ġew diskussi proċeduri tad-Dwana u d-diffikultajiet li għadhom qed jiltaqgħu magħhom l-importaturi.  Ġie spjegat ukoll kif jaħdem il-proċess tas-sorveljanza fis-suq sabiex ikun garantit li mhux qegħdin jitqiegħdu prodotti perikolużi jew li jistgħu jagħmlu ħsara lill-konsumaturi fis-suq.

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo stqarr ma’ dawk preżenti li: “l-Gvern mhux ser jaċċetta li jkollna żieda fil-prezzijiet taz-zokkor, u ma jistax ikun li jaċċetta li jkollna żieda fil-prezz taz-zokkor. Minn hawn u ftit ieħor ser tkun qed taħdem proċedura li permezz tagħha jingħata sussidju fuq iz-zokkor, u dan biex il-prezz taz-zokkor jibqa’ stabbli u ma jkollniex żieda fil-prezz taz-zokkor. Għalhekk ma nistax nifhem kif f’din iċ-ċirkustanza fejn dan li qiegħed ngħid huwa tagħrif pubbliku, jkollna min irid jgħolli l-prezz taz-zokkor li kien impurtat żmien ilu.  Il-Gvern ukoll għandu informazzjoni li s-sena li għaddiet kien mixtri biżżejjed zokkor li ma jistax ikollna possibilita’ ta’ nuqqas ta’ zokkor.  Il-Gvern għandu l-possibilita’ legali li jista’, jekk jiddeċiedi li hekk ikun meħtieġ, joħroġ ‘price order’ fuq iz-zokkor kemm-il darba jkun meqjus li qed jiffaċċja sitwazzjoni, fejn il-liġi tippermettilu jieħu din l-azzjoni.” 

“Għalhekk il-parir tiegħi huwa biex ħadd ma jaċċeta li jixtri zokkor bi prezz għola minn dak magħruf.  Din l-informazzjoni qiegħed nagħtiha fuq l-informazzjoni li għandi llum, li donnu qed ikollna min qiegħed jipprova joħloq nuqqas ta’ prodotti oħra mportati li huwa stess beda jġib.  Il-kompetizzjoni ħielsa ma tistax tippermetti li issa jkollna min ikollu dominju fis-suq.”

Dwar il-kumplament ta’ l-importazzjoni kif ser tkun qed taffettwa s-suq tal-manifattura lokali, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kkummenta li dak li qed jiġri fis-suq, issa miftuħ, ta’ l-importazzjoni ta’ l-ikel diġa’ ġara fis-setturi oħra ta’ l-importazzjoni.  Maż-żmien u dan fi ftit gimgħat, kull importazzjoni ta’ kull prodott ser issib postha u kull prodott jistabbilixxi ruħu fis-suq bħala prodott tajjeb jew mhux daqshekk tajjeb.  Illum kull importatur qed jipprova kull tip ta’ importazzjoni. 

Il-konsumatur ukoll qed jipprova kull prodott offrut, iżda fi ftit xhur ikunu stabbiliti liema mill-prodotti mportati llum ser jirbħu l-kompetizzjoni.  Infatti diġa’ għandna prodotti manifatturati Malta li l-konsumatur qed iqis li huma aħjar fil-kwalita’ mill-prodotti simili li qed ikunu mportati.  Min qiegħed fil-manifattura Maltija u qiegħed joffri prodott tajjeb mhux ser jitlef postu mis-suq.  Hekk ukoll ir-raħħala u l-bdiewa tagħna li qegħdin joffrulna prodott frisk m’għandhomx jaqgħtu qalbhom li ser jililfu posthom fis-suq. Il-haxix tal-friża li jinbiegħ b’ħaxix u frott frisk, mhux ser jikkompeti ma’ prodott lokali għaliex il-prodott lokali għandu l-vantaġġi tiegħu.  Il-kompetizzjoni mhix ser tintrebaħ fuq il-kwistjoni biss tal-prezz iżda wkoll tal-kwalita’.

Diversi suġġetti oħra kienu diskussi f’din il-laqgħa.  Is-Segretarju Parlamentari wiegħed li huwa ser ikun qrib ta’ dawk kollha li jkunu jridu jkellmuh u talab lil dawk preżenti biex ikunu pronti u jirrappurtawlu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.  “L-impenn tiegħi huwa li nnaqqsu kemm jista’ jkun kull tfixkil li intom bħala negozjanti tiltaqgħu miegħu iżda daqshekk ieħor l-impenn tiegħi huwa li nara li l-konsumatur jinqeda mill-aħjar li jista’ u jieħu l-valur tal-flus li jħallas”. 

DOI – 25.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow