Left arrow Go Back

IPPUBBLIKAT L-EWWEL KTIEB MILL-UNIVERSITÀ TAT-TIELET ETÀ F’GĦAWDEX

PR858
Date Icon 24/05/2004

IPPUBBLIKAT L-EWWEL KTIEB MILL-UNIVERSITÀ TAT-TIELET ETÀ F’GĦAWDEX

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor Giovanna Debono ġiet ippreżentata bl-ewwel kopja tal-ktieb Iż-Żifna ta’ Żmienhom, b’xogħlijiet ta’ l-istudenti ta’ l-Università tat-Tielet Eta’ f’Għawdex.

Iż-Żifna ta’ Żmienhom jinkludi fih ġabra ta’ novelli miktuba mill-anzjani studenti ta’ l-Università tat-Tielet Età ta’ Għawdex, li reġgħet twaqqfet fl-1999. Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb seħħet wara li numru ta’ anzjani kitbu diversi rakkonti dwar it-tifkiriet u l-impressjonijiet tagħhom ta’ Għawdex fl-antik bħala parti mill-kors Captured Memories, liema rakkonti ġġeneraw interess qawwi. Il-pubblikazzjoni tinkludi 34 rakkont miktuba bil-Malti kif ukoll il-verżjoni ta’ l-istess rakkonti bl-Ingliż flimkien ma’ diversi illustrazzjonijiet.

Iż-Żifna ta’ Żmienhom huwa ppublikat mill-Università tat-Tielet Età ta’ Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, iċ-Ċentru Ewropew tal-Ġerontoloġija ta’ l-Università ta’ Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

F’diskors ta’ l-okkażjoni l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono ferħet lill-“istudenti” għal din l-inizjattiva li certament ser tkompli ssaħħaħ l-identità socjali u kulturali ta’ Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lil dawk kollha li kitbu t-tifkiriet ta’ tfulithom u li issa huma miġbura f’din il-pubblikazzjoni għaliex issa dawn it-tifkiriet personali saru proprjetà kollettiva tas-socjetà kollha kemm hi. Il-Ministru Debono qalet li dawn il-memorji ser ikunu l-mezz li bih ilkoll għandna napprezzaw is-sagrifiċji kbar li dawn l-anzjani għamlu fi żminijiethom u l-passi ta’ ġgant li għamlet is-soċjetà Għawdxija biex illum hi dik li hi.

Il-Ministru Debono rringrazzjat ukoll lill-għalliema li qed jagħmlu l-Università tat-Tielet Età f’Għawdex possibbli. Il-Ministru stqarret li hekk kif l-Università tat-Tielet Età reġgħet infetħet fl-1999 f’Għawdex kien hemm xi wħud li ddubitaw li din ser terġa’ ma tkunx success. “Iżda l-fatti juru mod ieħor tant li llum qed nassistu għal din l-attività – il-preżentazzjoni ta’ l-ewwel pubblikazzjoni ta’ anzjani f’Għawdex li fittxew li jkomplu jwessgħu l-orizzonti tagħhom b’iktar tagħlim anke jekk f’età avvanzata”.

Il-Ministru għal Għawdex appellat biex ikunu dejjem iktar l-anzjani li jfittxu li jżommu ruħhom attivi permezz tat-tagħlim. Hija qalet li l-entużjażmu ta’ l-anzjani lejn il-ħajja huwa kkumplimentat min-naħa tal-Gvern b’żieda ta’ servizzi u ta’ kwalità f’servizzi eżistenti. Il-Ministru Debono fakkret li matul dawn l-aħħar ħames snin il-Ministeru għal Għawdex fetaħ l-ewwel Centru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani, beda s-servizz tal-platt sħun fid-djar, fetaħ Residenza Sant’Anna u tejjeb is-servizzi tal-handyman, telecare u għajnuna fid-dar kif ukoll is-sala ta’ l-irġiel anzjani fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

DOI - 24.05.2004

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION Malta hosts the second INNEXA International Summit to foster new innovation partnerships

PR261937en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Jittella’ t-tieni summit internazzjonali INNEXA biex jitrawmu sħubijiet ġodda fl-innovazzjoni

PR261937

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow