DISKORS TAL-FTUĦ MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI, FIL-KONFERENZA “LEJN L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ POLITIKA IMPRENDITORJALI – FEJN INT L-INDIVIDWU FIN-NEGOZJU TKUN PRIJORITÀ” – SAN ĠILJAN – 25 TA’ ĠUNJU 2004
Sinjuri:
Pajjiżna jinsab għaddej minn tibdil kbir. Matul dawn l-aħħar seba’ ġimgħat bdejna ngħixu rejaltà ġdida li bilfors fissret proċess ta’ adattament u li f’ċerta każijiet involviet tibdil fil-mod kif isir jew jitmexxa n-negozju. Wara li pajjiżna ħa d-deċiżjoni finali dwar is-sħubija fl-UE - tista’ tgħid tnax il-xahar qabel – bdejna fażi ta’ preparazzjoni nazzjonali li kienet tolqot mhux biss l-infrastruttura legali, izda wkoll dik amministrattiva. Naturalment dan fisser ukoll li s-setturi ekonomiċi kollha ta’ pajjiżna bdew il-proċess biex jippreparaw ruħħom għal dak il-mument storiku meta s-suq tagħna kien ser isir parti integrali mis-suq intern tal-UE.
Il-Gvern kien preparat biex l-għada li jispiċċaw iċ-ċelebrazzjonijiet għas-sħubija, isegwi bir-reqqa kollha mhux biss l-andament tas-suq, imma wkoll il-mod ta’ kif l-infrastruttura amministrattiva kienet qiegħda twieġeb għal dak li kien qiegħed iseħħ minn ġurnata għall-oħra. F’moħħna kellna l-impatt fuq l-operaturi ekonomiċi kollha, kemm dawk il-kbar kif ukoll in-negozji ż-żgħar ta’ pajjiżna, tal-biedja u nkluż dak ta’ l-agro-industrija. Ridna naċċertaw irwieħna li r-regoli tas-suq ħieles jiġu segwiti bir-reqqa b’mod li l-interess aħħari tal-konsumatur ikun protett. Ridna wkoll, però, li naraw illi s-sistemi li daħħalna biex intaffu l-impatt u biex nissorveljaw is-suq kienu qiegħdin jiffunzjonaw.
Konna nafu li għall-ewwel ftit taż-żmien, kien ser ikun hemm bidla mill-konsumatur fl-għazliet tiegħu għal konsum sakemm jesperimenta bi prodotti ġodda li tfaċċaw fis-suq tagħna bi prezzjijiet kompetittivi. Imma konna u għadna konvinti li wara ftit taż-żmien il-konsumatur Malti kien ser japprezza ferm iżjed minn qabel li l-prodott lokali kien kompetittiv kemm fil-kwalità kif ukoll fil-prezz.
Ridna għalhekk li jkollna stampa aġġornata ta’ dak li kien qiegħed jiġri ġurnata b’ġurnata mill-1 ta’ Mejju ’l quddiem. Biex nkunu nistgħu nagħmlu dan, kellna bilfors nintroduċu sistemi amministrattivi li setgħu holqu xi tip ta’ nkonvenjent għal min irid jagħmel in-negozju imma li huma neċessarji għall-interess nazzjonali li aħna rridu nżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu.
Naturalment issa li beda jkollna esperjenza ta’ proċeduri ġodda, nistgħu nkunu f’pożizzjoni li nerġgħu nagħtu ħarsa lejn dawn is-sistemi u fejn hemm bżonn ntejbu l-operat tagħhom billi nintegraw u nissimplifikaw permezz ta’ sinerġiji bejn u ma’ xulxin, speċjalment bejn dipartimenti, ministeri u entitajiet tal-Gvern.
Ninsab ċert, li b’Malta fl-Unjoni Ewropea, in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju ser ikollhom aktar faċilitajiet sabiex itejbu l-operat tan-negozji tagħhom. Ġejt infurmat wkoll li ħafna negozjanti diġà raw differenzi kbar permezz tas-sħubija. Dan jinkludi t-tnaqqis tal-burokrazija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-importazzjoni, it-tneħħija tal-levies u t-tibdil fil-mod ta’ kif tinġabar il-VAT.
F’suq żgħir u limitat bħalma hu dak ta’ gżiritna, huwa importanti li bħala Gvern inkunu pronti fil-mod ta’ kif nirrispondu għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar. Il-kompetittività tagħna hija relatata mal-kapaċità tagħna li nkunu flessibbli u nadattaw l-istrutturi tagħna sabiex jappoġġjaw lil min irid jinvesti kemm minn barra minn Malta kif wkoll ġewwa Malta stess.
Huwa importanti ħafna li nifhmu dan. Jiena rrid infaħħar lil dawk l-uffiċjali pubbliċi kollha – u hemm ħafna minnhom – li qiegħdin jaqdu funzjoni kruċjali fil-proċess li għaddejin minnu bħalissa. Naturalment kull impjegat fis-settur pubbliku irid jifhem li għandu sehem x’jagħti f’dan ir-rigward. Irridu nfittxu mhux biss li nkunu produttivi, imma li nkunu konxji u napprezzaw l-importanza ta’ l-effiċjenza fil-mod kif nagħtu s-servizzi tagħna. Mhux aċċettabbli li xi industrija jew intraprenditur jitlef opportunità għaliex ikun hemm dewmien żejjed minn naħa tal-Gvern. Lanqas m’hu aċċettabbli li nagħtu servizz jew informazzjoni parzjali lil min ikun qiegħed ġenwinament ifittex opportunitajiet ta’ investiment. Fl-aħħar mill-aħħar, in-negozju joħloq il-ġid li minnu ngawdu aħna lkoll.
Jidher biċ-ċar li qiegħed jikber l-interess għall-investiment ġewwa pajjiżna. Dan jindikawh kemm l-istatistika ppublikata li qed tirrapporta numru dejjem jikber ta’ individwi li jiddeċiedu li jaħdmu għall-rashom, kif wkoll l-applikazzjonijiet li qiegħed ikollha l-Malta Enterprise ta’ negozjanti barranin li jkunu jixtiequ jinvestu f’Malta. Matul Mejju li għadda, il-Malta Enterpise iffirmat għaxar ‘Letters of Intent’ ma’ kumpaniji separati. Dan żgur jagħti sinjal ċar li qed jiżdied l-interess u l-kunfidenza li jsir negozju ma’ Malta.
Dawn l-opportunitajiet, minbarra li joħolqu l-ġid permezz ta’ ritmu ekonomiku aktar mgħaġġel, joħolqu wkoll opportunitajiet ta’ xogħol. Jidher ċar li dan it-tip ta’ investiment ġdid huwa kollu bbażat fuq il-ftuħ ta’ operazzjonijiet ta’ daqs żgħir jew medju. L-indikaturi juru li dan huwa l-qasam li joffri l-akbar opportunitajiet għalina u għaldaqstant hemm bżonn li niffukaw aktar fuq dawk is-setturi li jirrendu l-aktar u ninċentivaw lil dan is-settur tan-negozju.
L-indikaturi ekonomiċi qed jindikaw wkoll li l-infiq minn naħa tal-konsumaturi qed jiżdied. Dan jawgura tajjeb kemm għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif wkoll għan-negozjanti u s-self employed, l-aktar dawk li huma fis-settur tar-retail. Dan hu rifless ukoll fid-dħul tal-Gvern li s’issa hu fil-linja proġettata mill-Gvern u għalhekk jawgura tajjeb għall-pjan li għandna biex nindirizzaw id-defiċit ta’ pajjiżna – l-akbar u l-aqwa priorità li jiena għandi quddiemi bħalissa.
Huwa għalqadstant importanti li nkomplu nkabbru l-fiduċja fin-negozju. Dan irid isir permezz ta’ azzjoni ffukata fuq diversi aspetti. Naf li s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, qed jaħdem bla heda sabiex ikomplu jseħħu t-tibdiliet u r-riformi neċessarji kemm fl-istrutturi governattivi kif wkoll fis-setturi tan-negozji żgħar u s-self-employed.
Naħseb li rridu nkomplu nsaħħu fuq dak li bnejna. Dan is-settur li huwa s-sinsla ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna jrid jissaħħaħ bit-twettiq sħiħ taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji ż-Żgħar. Proprju għalhekk nistieden lil kulħadd biex inkunu flessibbli u nfittxu sinerġija bejn l-entitajiet tal-Gvern bi sforz nazzjonali ħalli nżidu l-kompetittività ta’ negozji.
Issa li aħna membri tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun li nħossu aktar l-pressjoni ta’ kompetituri barranin. Dan m’għandux ikun ta’ theddida imma ta’ opportunità. Kull negozjant jew imprenditur għandu jfittex kif ser ikun aktar kompetittiv, mhux biss billi jassigura l-aqwa livelli ta’ produttività, imma billi jfittex opportunitajiet ta’ sħubija ma’ negozji simili li flimkien jistgħu joffru prodotti u servizzi aħjar u bi prezz anqas.
Dan huwa l-mudell tal-valur miżjud li huwa parti integrali mill-politika ekonomika ta’ dan il-Gvern. Pajjiżna diġà jgawdi livell għoli ta’ għixien u l-unika mod kif dan nistgħu ntejbuh, bil-limitazzjonijiet tar-riżorsi tagħna, huwa billi nżidu l-valur ta’ dak li nipproduċu jew aħjar billi nagħmlu aktar b’anqas!
F’dawn il-ġranet li għaddew kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ numru mdaqqas ta’ operaturi ekonomiċi importanti f’pajjiżna. Fost ħwejjeġ oħra huma staqsewni dwar il-viżjoni tal-Gvern għal pajjiżna. It-tweġiba hi ovvja. Il-Gvern tiegħi qal mill-ewwel li rridu naraw lil-pajjiżna jikber fl-Ewropa. Hi viżjoni li tara lill-pajjiżna jkompli jiżviluppa bħala ċentru Ewropew u Mediterranju fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, fil-qasam tat-turiżmu, fil-qasam ta’ l-industrija fejn hemm valur miżjud għoli, u fil-qasam tat-tekonoloġija avvanzata speċjalment dik ta’ l-informatika.
Hi viżjoni li tara lis-settur tan-negozji ż-żgħar tagħna jkompli jiffjorixxi u jkun is-sinsla ta’ l-ekonomija tagħna.
Hi viżjoni li tara lil poplu tagħna jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, mhux biss billi jkollu l-opportunitajiet tax-xogħol imma li d-dħul tiegħu jkun tali li jgħix ħajja ta’ kwalità. Irridu li naraw lil-poplu tagħna jgħix f’ambjent nadif għaliex nafu li l-ambjent hu importanti għalina u għal uliedna imma huwa importanti wkoll għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija tagħna, speċjalment it-turiżmu.
Pajjizna hu ġojjel f’nofs il-baħar mediterranju, illum membru fl-Unjoni. Bil-hidma tagħna lkoll jista’ jikber biex isir ċentru ta’ attività ekonomika, kulturali u politiku f’dan ir-reġjun li jżżewweġ il-kosta ta’ l-Ewropa tan-nofs in-nhar mal-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq.
Imma biex naslu rridu nidħlu għall-isfida biex flimkien inneħħu minn nofs kull xkiel li stajna ġarrejna sa’ llum, imma li issa wasal iż-żmien li jinżabar darba għal dejjem. Fil-ġimgħat li ġejjin beħsiebni jiena personalment inniedi proċess li jħares lejn l-awtoritajiet u agenzji kollha li l-Gvern għandu jew li jiffinanzja biex naċċertaw rwieħna li qed isir kull sforz biex nilħqu l-għola livelli ta’ effiċjenza, bi spiża li tkun mhux biss ġustifikata imma kontrollata, u bl-anqas burokrazija possibbli. Naf li din hi aġenda iebsa, imma daqstant ieħor naf li ser insib l-kooperazzjoni ta’ kulħadd biex jintlaħaq l-iskop – li wara kollox huwa skop tagħkom daqs kemm hu tiegħi.
Nixtieq nirringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta’ l-impenn tiegħu u ta’ l-istedina sabiex inkun nista’ nindirizza din il-konferenza. Nawgura li dak li ser tiddiskutu llum iħalli l-frott u jkompli jkattar l-impenn tagħkom favur il-ħolqien ta’ ambjent li jistimola u jixpruna l-imprenditorjat f’pajjiżna.
Grazzi
Stqarrijiet Oħra:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en