Left arrow Mur Lura

PROĠETT TAL-KNŻ GĦAL AKTAR PARTEĊIPAZZJONI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIL-KUNSILLI LOKALI

PR1058
Date Icon 23/06/2004

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) nieda proġett pilota bl-iskop li jibdew joperaw kunsill lokali taż-żgħażagħ.  Il-proġett pilota huwa primarjament wieħed edukattiv intiż biex iżid l-għarfien tal-proċess demokratiku fost iż-żgħażagħ u jħarriġhom f’dan l-istess proċess.  Il-proġett huwa mmirat li jiġbed il-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ bejn 14 u 18-il sena biex fost affarijiet oħrajn jħeġġeg:

Ċittadinanza Attiva: li ż-żgħażagħ jieħdu interess fil-ħajja tal-lokalità tagħhom, fil-problemi li din taffaċja u l-isfidi li għandha, u jkunu kapaċi jieħdu rwol pro-attiv fit-titjib tal-lokalità fl-aspetti varji tagħha.

Parteċipazzjoni fil-proċess Demokratiku: li ż-żgħażagħ jagħrfu li l-demokrazija taħdem bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fl-istadji varji tal-proċess kollu; fid-diskussjoni u fl-ideat, fit-tmexxija, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet. Li jaraw kif b’mod konkret dan il-proċess iwassal għat-twettiq tal-proposti, frott id-diskussjoni miftuħa.

Djalogu: li ż-żgħażagħ jaraw fil-prattika l-importanza tad-djalogu fil-proċess demokratiku u kif huma bħala ċittadini għandhom id-dritt li jwasslu l-ħsibijiet tagħhom lil min qiegħed jirrappreżentahom.

Tmexxija: li ż-żgħażagħ jiffurmaw ruħhom bħala mexxejja fost sħabhom u b’hekk ikollhom l-opportunità jtejbu l-kwalitajiet tagħhom u joffruhom għas-servizz tas-soċjetà.

Rikonoxximent: li bħala membri tal-komunità lokali, iż-żgħażagħ jingħataw ir-rikonoxximent bħala msieħba fil-komunita’ u fuq livell nazzjonali.

Ugwaljanza: li ż-żgħażagħ jgħożżu l-fatt li f’soċjetà demokratika kulħadd għandu l-istess dritt li jsemma’ leħnu.

Il-Kunsill diġa kellu laqgħat ta’ informazzjoni mal-Kunsilli Lokali u ġew identifikati 11-il kunsill li se jipparteċipaw fil-proġett pilota.  Il-Kunsilli identifikati huma: Balzan, Birkirkara, Fgura, Raħal il-Ġdid, Pieta`, San Ġwann, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Xgħajra, Żejtun u Żurrieq

Fl-ewwel parti tal-proġett se titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali f’kull lokalita li qed tieħu sehem fil-proġett. Waqt l-Assemblea jiġu diskussi l-kwistjonijiet ewlenin li fil-fehma taż-żgħażagħ jolqtu lil-lokalità.  Dawn imbagħad jiddeċiedu li jinqassmu f’workshops, li jiltaqgħu ftit taż-żmien wara, bejn Lulju u Awissu.

Il-Kunsill għandu jaħtar Sindku (Junior Mayor) li xogħolu/ha jkun li jmexxi l-laqgħa tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ. Matul Settembru/Ottubru, il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ ikollu tlett affarijiet importanti x’jagħmel:  L-ewwel, li jiddiskuti il-prioritajiet ta’ l-oqsma li jkunu ġew identifikati matul il-workshops;  it-tieni li jattendi seminar ta nofs ta’ nhar għal dawk kollha li jkunu jiffurmaw Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ u li matulu jkun hemm sessjonijiet dwar is-sehem taż-żgħażagħ fis-soċjetà u l-proċess demokratiku u ċ-ċittadinanza attiva u għajnuna prattika għat-tfassil tal-proposti lill-Kunsill Lokali;  u t-tielet li jitlob laqgħa mal-Kunsill Lokali biex jiġu ppreżentati l-proposti u jkun hemm skambju ta’ ideat dwar il-lokalità, il-proġetti eċċ

F’Ottubru (lejn l-aħħar) jew Novembru terġa titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali, li għaliha jerġgħu jkunu mistiedna ż-żgħażagħ kollha tal-lokalità.  Matulha ssir preżentazzjoni mill-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ dwar l-esperjenza tagħhom.  Il-Kunsill Lokali (Sindku u Kunsilliera) jkunu mistiedna jattendu wkoll u jikkumentaw fuq il-proġett.  Imbagħad issir sessjoni qasira li matulha jsir eżerċizzju ta’ djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-Kunsill Lokali.  F’Novembru jew Diċembru issir laqgħa organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) biex jiġi evalwat il-proġett u biex jiġi diskuss il-futur tiegħu. Għal din il-laqgħa jkunu mistiedna dawk kollha li kienu nvoluti fil-proġett.

Waqt it-tniedija tal-proġett Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, faħħar lill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-inizjattiva li ħadu biex ikomplu jsaħħu l-proċess demokratiku li jeżisti f’pajjiżna.  Il-Ministru Galea faħħar ukoll l-impenn tal-Kunsilli Lokali li mill-ewwel wrew interess għal din l-inizjattiva u dan juri li dawn il-kunsilli huma verament interessati fl-opinjonijiet u l-kontribut li jistgħu jagħtu ż-żgħażagħ fil-komunita’.

Waħda mill-funzjonijiet tal-KNŻ hi li jippromwovi parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fil-ħajja politika u soċjali ta’ pajjiżna u jemfasizza dejjem iktar il-bżonn li leħen iż-żgħażagħ jingħata iktar widen fil-fora u fil-livelli kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għalkemm il-Kunsill huwa kompost minn għaqdiet taż-żgħażagħ, il-KNŻ għandu d-dmir li jaħdem ukoll fl-interessi u għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ li mhumiex assoċjati f’xi għaqda.  Il-Kunsill għandu wkoll l-iskop li jġib ‘il quddiem il-formazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u li jippromwovi spirtu ta’ ko-operazzjoni, pluraliżmu u ugwaljanza fost iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, kif ukoll maturità ta’ ħsieb u azzjoni

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records one of the strongest improvements in gender equality in the EU

PR261938en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...

Aktar Stqarrijiet Right arrow