IL-PRIVATIZZAZZJONI TAL-MIA: IL-GVERN IWIEĠEB GĦAR-RIMARKI TAL-COUNTRY COMMERCIAL GUIDE 2004 TAD-DIPARTIMENT TAL-KUMMERĊ TA’ L-ISTATI UNITI TA’ L-AMERIKA
Il-Malta Country Commercial Guide 2004 tad-Dipartiment tal-Kummerċ ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerka jagħmel rimarki rigward il-privatizzazzjoni tal-Malta International Airport plc u speċifikatament fejn dan kien jinteressa lil Alterra Partners, li kellha interessi Amerikani.
Id-dokument Amerikan jirrimarka kif l-Alterra Partners għamlet protest fil-Qrati Maltin biex tilmenta dwar l-esklużjoni tagħha fi stadju tal-proċess tal-privatizzazzjoni. Id-dokument Amerikan ma jirrapportax it-tweġiba tal-Gvern Malti li hi stess baqgħet m’hux imwieġba minn Alterra Partners, u allura ma jistax ħlief jitqies li Alterra Partners jaqblu mat-tweġiba tal-Gvern.
Il-Gvern iqis li hu f’loku li jtenni dak li qal fil-kontro-protest fejn kien spjegat x’seħħ tassew tul il-privatizzazzjoni tal-Malta International Airport:
- Alterra Partners kienu ntagħżlu bħala offerenti preferuti permezz ta’ ittra datata 20 ta’ Diċembru 2001, taħt dawk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-istess ittra maħruġa taħt il-firma taċ-Chairman tal-Privatisation Unit, dak iż-żmien fil-Ministeru tal-Finanzi.
- Dik l-ittra fost affarijiet oħra kienet tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Gvern fil-konfront ta’ diversi punti ta’ negozjati li kienu għadhom iridu jsiru; u bħala waħda mill-kundizzjonijiet ta’ dik l-għażla, l-Gvern kien b’mod ċar u inekwivoku informa lil Alterra Partners illi l-Gvern kien qiegħed iżomm offerenti oħrajn għal negozjati ulterjuri, kemm il-darba n-negozjati bejn il-Gvern u l-Alterra Partners ma jwasslux lill-partijiet għal konklużjoni finali fuq id-dokumentazjoni fiż-żmien konċess fl-ittra.
- Hu ċar li l-għażla ta’ Alterra Partners bħala l-offerenti preferuti ma kinetx waħda inkondizzjonata; anzi sa mill-bidu nett Alterra Partners ġew infurmati illi għalkemm il-Gvern kien għażel li jinnegozja magħhom bi preferenza fuq offerenti oħrajn, fl-ebda stadju ma rrinunzja d-dritt tiegħu li jinnegozja ma’ offerenti oħrajn fil-każ illi l-partijiet ma jaslux f’konklużjoni sodisfaċenti f’qasir żmien.
- Dan dejjem kien il-ftehim bejn il-partijiet waqt diskussjonijiet ta’ qabel l-20 ta’ Diċembru 2001; u pożizzjoni li kienet stabbilita anki f’diskussjonijiet ma’ l-offerenti qabel l-20 ta’ Diċembru. F’kull stadju tal-proċess tal-privatizzazzjoni, din kienet pożizjoni konsistenti tal-Gvern, u rikkonoxxuta u aċċettata mill-offerenti kollha.
- Tant kien evidenti li l-Gvern seta’ jerġa’ jistieden offerenti oħra għal negozjati, li kull offerent li kien ġie shortlisted u li kien għamel garanzija bankarja ma’ l-aħħar u l-aħjar offerta tiegħu baqa’ jestendi l-validità tal-garanzija anki wara li ntagħżlu Alterra Partners bħala offerenti preferuti. L-Alterra Partners kienu jafu b’dan.
- Illi wara l-għażla ta’ l-Alterra Partners bħala l-offerenti preferuti bdew in-negozjati magħhom fit-22 ta’ Diċembru 2001 u komplew l-għada 23 ta’ Diċembru 2001. Matul dawn in-negozjati kien deher ċar min-natura tal-punti għad-diskussjoni, li l-partijiet ma setgħux jilħqu ftehim f’qasir żmien u għalhekk il-partijiet ftehmu li n-negozjati kellhom jitkomplew wara l-festi. In-negozjati reġgħu bdew fit-3 ta’ Jannar 2002. Għal ħmistax-il ġurnata, il-partijiet innegozjaw fuq l-aspetti kważi kollha tat-tranżazzjoni u waslu fuq diversi punti ta’ diverġenza, iżda kien hemm ukoll punti kruċjali oħrajn li fuqhom ma ntalħaqx ftehim.
- Kien għalhekk illi fit-18 ta’ Jannar 2001, wara telephone conference mar-rappreżentanti ta’ l-Alterra Partners, il-Gvern informahom illi kien għad hemm mill-anqas seba’ punti kruċjali fejn il-pożizzjoni sostantiva tal-partijiet kienet diverġenti. L-istess Alterra Partners ingħataw żmien biex jirrispondu, u f’każ illi jaqblu mal-pożizzjoni tal-Gvern, ikun jista’ jsir ftehim f’qasir żmien. Għal kuntrarju, jekk ir-risposti ma jkunux sodisfaċenti, l-Gvern kien ser jikteb lill-offerenti l-oħrajn biex jistedinhom għal negozjati. F’dan l-istadju għalhekk Alterra Partners kienu diġà jafu b’din il-pożizzjoni tal-Gvern.
- Ir-risposti li waslu mingħand Alterra Partners permezz ta’ laqgħat ulterjuri magħhom ma kinux jissodisfaw it-talbiet tal-Gvern. F’dawn iċ-ċirkostanzi kien jidher ċar li il-partijiet kienu waslu f’impasse fuq punti sostanzjali.
- F’laqgħa tat-23 ta’ Jannar 2002 bejn rappreżentanti tal-Gvern u ta’ Alterra Partners ġew diskussi l-punti fejn ma kienx hemm qbil u r-rappreżentanti tal-Gvern reġgħu tennew il-pożizzjoni tagħhom li fiċ-ċirkostanzi l-Gvern ma kellux alternattiva ħlief li kien ser jikkomunika ma’ l-offerenti oħrajn biex jistedinhom għal negozjati.
- Kien biss fl-24 ta’ Jannar 2002 illi l-Gvern imbagħad eżerċita d-dritt li jerġa’ jdaħħal lil offerenti l-oħra fil-proċess. Permezz t’ittra datata 24 ta’ Jannar 2002 il-Gvern ikkomunika maż-żewġ offerenti li ma kinux intagħżlu oriġinarjament bħala preferuti li jekk huma jaċċettaw il-kundizzjonijiet tal-Gvern, kien ippreparat jikkunsidra li jistedinhom jersqu għal negozjati. L-Alterra Partners ġew infurmati b’dan il-pass li ħa l-Gvern b’diversi telefonati li saru lill-rappreżentanti tagħhom. Minkejja dan kollu, in-negozjati bejn il-partijiet ma waqfux, iżda baqgħu għaddejjin f’tentattiv illi jiġu sorvolati kemm il-punti sostanzjali kif ukoll oħrajn ta’ inqas importanza. Fl-ebda stadju wara li ġew infurmati b’dan il-pass, Alterra Partners ma’ oġġezzjonawx.
- Fl-1 ta’ Frar 2002 il-Consortium Medgateway informa lill-Gvern li ma kienx lest jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu.
- B’ittra datata 1 ta’ Frar 2002 il-Consortium Malta Mediterranean Link (‘MML’) informa lill-Gvern li kien lest jaċċetta l-kundizzjonijiet kollha fl-ittra tal-24 ta’ Jannar 2002 u l-Gvern informahom biex jiġu Malta ħalli jiċċaraw xi punti biex il-Gvern jiddeċiedi jibdiex negozjati magħhom.
- Alterra Partners ġew ukoll infurmati b’din il-pożizzjoni u li l-Gvern, kif kien preċedentement avżahom, kien ser jibda’ jinnegozja wkoll ma’ l-MML u ngħataw kopja ta’ l-ittra ta’ l-24 ta’ Jannar li kienet intbagħtet lill-offerenti oħrajn. Infatti l-pożizzjoni tal-Gvern f’dan l-istadju kienet li ser jerġa’ jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u wara żmien ta’ negozjati ma’ kull wieħed mill-konsorjza jagħti żmien lil kull wieħed minnhom biex jagħmel l-aħjar offerti tiegħu biex tittieħed deċiżjoni aħħarija mill-Gvern.
Hu ċar minn dawn il-fatti li, dak li jgħid id-dokument Amerikan, li kienet l-esperjenza ta’ Alterra Partners, li d-Dipartiment tal-Kummerċ Amerikan ma kienx għal kollox informat dwar dak li fil-fatt ġara.
Il-Privatisation Unit qed jieħu l-miżuri kollha biex jgħaddi l-informazzjoni korretta lid-Dipartiment tal-Kummerċ ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerka.
Stqarrijiet Oħra:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en