KONFERENZA MINISTERJALI F’BUDAPEST DWAR IS-SAĦĦA U L-AMBJENT - IL-FUTUR TA’ WLIEDNA
Fil-belt kapitali ta’ l-Ungerija Budapest bejn it-23 u l-25 ta’ Ġunju se tkun qed tiltaqa’ ir-raba’ konferenza Ministerjali li se tiddiskuti l-impatt ta’ l-ambjent fuq is-saħħa tat-tfal. Għal din il-konferenza organizzata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, hu mistenni li jattendu l-Ministri responsabbli mis-Saħħa u l-Ambjent minn 52 pajjiż fl-Ewropa. Ma’ dawn se jingħaqdu wkoll organizzazzjonijiet mhux-governattivi u soċjali, biex flimkien jieħdu deċiżjonijiet u jaffermaw l-impenn tagħhom biex inaqqsu l-perikli għal saħħitna kawżati minn theddid ambjentali, l-aktar fost it-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Louis Deguara se jmexxi d-delegazzjoni Maltija għal din il-konferenza li se tinkludi wkoll rappreżentanza mill-Ministeru għall-Ambjent u Affarijiet Rurali u l-Ministeru għat-Toroq u Żvilupp Urban.
F’din il-konferenza Malta digà kellha rwol importanti meta f’Marzu li għadda organizzat konferenza pre-ministerjali li għaliha attendew rappreżentanti minn 47 pajjiż. F’Malta d-delegati hejjew il-qafas ta’ dikjarazzjoni li issa għandha tiġi diskussa fuq livell ministerjali u finalment iffirmata mill-ministri ta’ 52 pajjiż f’Budapest l-Ungerija.
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mal-Ministeru ta’ l-Ambjent u Affarijiet Rurali, fuq talba ta’ l-Uffiċċju Reġjonali ta’ l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, qegħdin jorganizzaw attività fl-iskola primarja tan-Naxxar Dun Karm Scerri biex jingħata għarfien għal din il-konferenza, li se tiddiskuti temi li għandhom relevanza għat-tfal, saħħithom u l-ambjent. L-attività għandha t-tema “Is-Saħħa u l-Ambjent ta’ Madwarna” u tiffoka fuq tliet oqsma; il-perikli fit-toroq, l-obesità u t-tniġġis ta’ l-arja.
Il-Ministru Louis Deguara qal li dawn it-tliet oqsma ġew identifikati minn diversi studji li jpoġġu f’riskju t-tfal Maltin u se jkunu punti ewlenin li ser jigu ttrattati minn pjan ta’ azzjoni li se joħroġ mill-konferenza - Children’s Environment And Health Action Plan (CEHAPE).
Il-gvern permezz ta’ kampanji kontinwi jippromwovi dieta li ma tħaxxinx u li ma tagħmilx ħsara għas-saħħa. Dawn il-kampanji huma mmirati b’mod speċjali lejn it-tfal biex titnissel fihom kuxjenza dwar dieta bilanċjata. Dwar l-arja, il-gvern dan l-aħħar introduċa regolamenti ġodda dwar it-tipjip. Għandna persentaġġ għoli ta’ żgħażagħ li jpejjpu u dan huwa inkwetanti ferm. Però għandna numru akbar ta’ tfal u żgħażagħ li intortament huma esposti għad-dħaħen tas-sigaretti, kemm fid-djar kif ukoll f’postijiet pubbliċi u dawk ta’ divertiment. Il-gvern qiegħed jieħu miżuri biex dawn il-perikli jiġu minimiżżati kemm jista’ jkun.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qal li l-Gvern huwa konxju tar-rabta li teżisti bejn is-saħħa u fatturi ambjentali, kif ukoll tal-vulnerabilità tat-tfal għall-effetti fuq is-saħħa minħabba l-impatt ambjentali. Il-promozzjoni tas-saħħa f’kull aspett u qasam hija iċ-ċavetta biex inkunu aktar b’saħħitna. Fuq livell lokali t-tfal tagħna nistgħu inħarsuhom minn korrimenti u mard billi s-setturi kollha involuti jaħdmu biex jitfassal pjan koordinat biex uliedna jgħixu f’ambjent nadif. Pjan li biex ikun implimentat fuq bażi nazzjonali jeħtieġ illi l-koperazzjoni li kien hemm bejn diversi ministeri u entitajiet differenti, biex saret il-konferenza pre-ministerjali u din l-attività tal-lum, tkompli tissaħħaħ.
Fil-kuntest internazzjonali, fil-konferenza f’Budapest wieħed mill-għanijiet hu li tinħoloq solidarjetà bejn it-52 pajjiż u kif jista’ jsir possibbli l-bdil ta’ informazzjoni biex jiġu sostnuti pajjiżi fejn it-theddid ambjentali għat-tfal huwa aktar preżenti. Dawn il-pajjiżi jistgħu jiġu mgħejjuna kemm teknikament kif ukoll finanzjarment biex joperaw b’aktar effettività.
It-tfal ta’ l-iskola primarja tan-Naxxar assistew għal esibizzjoni u taħdida mit-taqsima tal-pulizija tat-traffiku li spjegaw lit-tfal kif jevitaw il-perikli fit-toroq. Uffiċjali mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa kellmu lit-tfal fuq ikel bnin u t-tfal flimkien ma’ l-għalliema ppreparaw kolazzjon b’ingredjenti li ma jagħmlux ħsara għas-saħħa. Fid-daħla ta’ l-iskola ittellgħet ukoll esibizzjoni dwar l-arja fl-ambjent fejn jgħixu t-tfal.
Il-Ministri Louis Deguara rringrazzja kemm lill-iskola, lis-sezzjoni tal-pulizija tat-traffiku u lid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa għall-involviment tagħhom f’din l-attività u dan jawgura tajjeb għall-aktar inizjattivi biex uliedna jitrabbew f’ambjent mingħajr riskji.
Website tal-Konferenza: hhtp://www.euro.who.int/budapest2004
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en