APPARAT ĠDID GĦALL-ISPTAR ĠENERALI T’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ġiet ippreżentata b’apparat ġdid għall-użu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, permezz ta’ donazzjoni mill-Gozo Cancer Club.
Din id-donazzjoni ta’ apparat, b’valur ta’ madwar Lm7,000, tikkonsisti f’Dialysis Chair u Wall Panel b’Outlets doppji, kif ukoll Holter Recording. Il- Gozo Cancer Club huwa magħmul minn pazjenti tal-kanċer, familjari tagħhom u anke persuni oħra mhux neċessarjament affettwati mill-kanċer.
Id-Dialysis Chair u l-Wall Panel se jintużaw fir-Renal Unit li l-Ministeru għal Għawdex inawgura f’Awissu 2000. In-numru ta’ pazjenti residenti f’Għawdex li jeħtieġu trattament fir-Renal Unit żdiedminn 5 pazjenti f’Awissu 2000 għal 11-il pazjent f’Diċembru 2003. Dan flimkien ma’ diversi pazjenti oħra residenti f’Malta li, iżda, jkunu Għawdex u jeħtieġu trattament. Illum, qed jagħmlu użu mir-Renal Unit 7 pazjenti, peress li 4 pazjenti għamlu trapjant tal-kliewi iktar kmieni din is-sena.
L-apparat li kien hemm fir-Renal Unit s’issa kien kapaċi jitratta żewġ pazjenti fl-istess ħin, filwaqt li pazjent ieħor jiġi trattat fl-Isolation Section tal-Unit. L-apparat il-ġdid issa se jkun jista’ jitratta erba’ pazjenti flok tnejn fl-istess ħin. Pazjenti ta’ ċertu tip ta’ kanċer ikunu jistgħu jgħixu ħajja itwal jekk jieħdu t-trattament tad-dialysis li toffri r-Renal Unit.
Il-Holter Recording jintuża fid-Dipartiment ta’ l-ECG sabiex isiru testijiet marbuta mal-funzjoni tal-qalb. Dan l-aħħar, it-tip ta’ apparat li kien jintuża mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex, li kien jista’ jakkomoda pazjent fil-ġimgħa u li kien misluf lilu mill-Isptar San Luqa, reġa’ ittieħed lura Malta , għaliex kien meħtieġ mill-istess sptar. Dan kien ifisser li matul dan l-aħħar perijodu, il-waiting list ta’ pazjenti li kienu jeħtieġu dawn it-tip ta’ testijiet kienet twalet. Issa, il-Gozo Cancer Club qiegħed jagħti b’donazzjoni għall-użu ta’ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex holter recording iktar modern minn dak preċedenti li jista’ jakkomoda tlett pazjenti fil-ġimgħa.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono irringrazzjat lill-Gozo Cancer Club għal din id-donazzjoni sostanzjali ta’ llum li qed tiġi minn għaqda mhux governattiva li għandha għal qalbha settur delikat mill-qasam u l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa fil-gżira ta’ Għawdex.
Hija qalet li l-involviment tas-settur privat, speċjalment dak volontarju, f’qasam daqshekk importanti għall-kwalita’ ta’ ħajja li ngħixu huwa ċertament inizjattiva ta’ min jinkoraġġiha. Il-Ministru Debono faħħret lill-Gozo Cancer Club li sa mit-twaqqif tiegħu fl-1997 ta żewġ donazzjonijiet oħra ta’ apparat għall-użu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex: Spirometer għal testijiet fil-pulmun u Colonofiberscope għal testijiet oħra nterni. Din ta’ llum, qalet il-Ministru Debono, hija l-ikbar għotja li ta dan il-club b’riżq il-pazjenti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-Ministru Debono sostniet li l-qasam tas-saħħa huwa wieħed mill-oqsma l-iktar importanti għall-ħtiġijiet tas-soċjeta’ ta’ llum. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex għaraf dan u qiegħed lil dan is-settur fost l-ogħla prijoritajiet fil-ħidma tiegħu matul dawn l-aħħar snin. Hija qalet li l-Ministeru tagħha ħadem sabiex kemm jista’ jkun, il-bżonnijiet mediċi tal-pazjenti residenti f’Għawdex ikunu jistgħu jintlaħqu f’Għawdex stess.
Hija rreferiet għall-proġetti ta’ modernizzar li l-Ministeru għamel matul dawn l-aħħar sitt snin u semmiet, fost l-oħrajn, il-ftuħ ta’ l-ewwel Renal Unit f’Għawdex u l-Isolation Unit, il-ftuħ mill-ġdid tad-Dipartiment ta’ l-isterilizzar u l-modernizzar fis-sezzjoni taż-żamma tar-records mediċi tal-pazjenti, il-modernizzar ta’ wieħed miż-żewġ operating theatres u l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda fid-dipartiment ta’ l-Outpatients, it-tkabbir fid-dipartiment tal-Emerġenza, il-modernizzar fis-swali ta’ l-irġiel, nisa u anzjani rġiel u l-ftuħ ta’ Residenza Sant’Anna kif ukoll l-akkwist ta’ apparat li jiffaċilita x-xogħol tal-mediċi u l-ħtiġijiet tal-pazjenti f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet ukoll li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed iħejji l-preparamenti neċessarji sabiex fil-ġejjieni qrib iwettaq modernizzar tas-sala tal-Maternita’, tinfetaħ Gyneacology unit u jsir tibdiliet oħra fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en