APPARAT TA’ L-OPTIMUSIC GĦALL-ISKOLA SAN MIGUEL
L-Iskola San Miguel Febres Cordero, li nfetħet fil-15 ta’ Ġunju, 1989, ikkommemorat il-15-il anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tagħha.
Għal din l-okkażjoni, l-HSBC Cares for Children Fund u Vodafone Malta Foundation irregalaw lill-iskola apparat magħruf bħala OptiMusic – sistema ta’ dawl u sound kompjuterizzata. Dan l-apparat jgħin lill-istudenti bi problemi ta’ komunikazzjoni. Dan għaliex l-OptiMusic jgħinhom jimanipulaw l-ambjent ta’ madwarhom permezz tal-moviment. B’hekk l-apparat jagħti iċ-ċans lill-istudenti li jikkontrollaw ħsejjes u dawl programmat mal-moviment limitat tagħhom.
L-iskola San Miguel hija atrezzata b’apparat modern, fost l-oħrajn il-multisensorial room, u hardware u software ġdid tal-kompjuter. Żvilupp kontinwu jsir ukoll fuq is-sistema ta’ seating u l-heated pool. Barra minn hekk, l-għalliema jingħataw taħriġ kontinwu biex jagħmlu użu aħjar mill-materjal edukattiv li hemm fil-klassijiet u biex ikunu aġġornati bl-aħħar sistemi edukattivi. Il-kurrikulu ta’ l-iskola hu ddisinjat apposta biex dawn it-tfal, kemm individwalment kif ukoll bħala grupp, jilħqu l-potenzjal tagħhom. Għal dan l-iskop, f’dawn l-aħħar snin ġew introdotti sistemi edukattivi ġodda ta’ numeracy u litteriżmu, x-xjenza, PSD, ICT, l-istudju soċjali u r-reliġjon.
San Miguel hija skola ta’ l-istat li tilqa’ fiha studenti b’diżabilita’ fiżika u mentali. In-numru ta’ studenti fl-iskola bħalissa huwa ta’ 46 u l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-3 u d-19-il sena.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-introduzzjoni ta’ dan l-apparat juri kemm din l-iskola qed iżomm mal-metodoloġiji ta’ tagħlim l-aktar addattati għat-tfal b’din it-tip ta’ diżabilta’. L-iskola ta’ San Miguel qed tagħmel isem tajjeb u qed tiżviluppa bħala ċentru ta’ riżorsi, mhux biss għall-istudenti regolari tagħha iżda wkoll għal studenti oħra. Fil-futur qrib irridu nesploraw il-possibilita’ li din l-iskola tibda tibni ‘networks’ anke ma’ skejjel normali. “L-iskop tagħna hu li noffru edukazzjoni ta’ kwalita għal kull tifel u tifla, b’hekk inkunu qed nimmassimizzaw ir-riżorsi li għandna f’pajjiżna” qal il-Ministru Galea. ‘Huwa kruċjali li naraw kif l-iskejjel speċjali jistgħu jintegraw kemm bejniethom kif ukoll ma’ l-iskejjel l-oħra normali ta’ l-istat temm jgħid il-Ministru Galea. Preżenti wkoll għal din l-attività kien hemm ukoll il-Kap ta’ l-Iskola, is-Sur George Borg, Dr Philip Farrugia Randon mill-HSBC Cares for Children Fund u s-Sinjura Gemma Mifsud Bonnici mill-Vodafone Malta Foundation.
Other Press Releases:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en