IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI JAĊĊETTA LI JTELLA’ L-PRIVATIZZAZZJONI TAS-SEA MALTA GĦAD-DISKUSSJONI TAL-KUMITAT TAL-KONTIJIET PUBBLIĊI
Il-Gvern jesprimi sodisfazzjon li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni fl-aħħar, wara sensiela ta’ stqarrijiet bl-isfida tal-Gvern, aċċetta li jtella’ l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta għad-diskussjoni tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament. Hemmhekk, f’kumitat fil-kontroll tiegħu bħala Kap ta’ l-Oppożizzjoni jista’ jkun mistħarreġ kull suspett li jista’ għandu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u trid tkun imwieġba kull mistoqsija li jista’ għandu.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qal li qabel itella’ l-privatizzazzjoni tas-Sea Malta quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jrid li ssir inkjesta. Din hi talba sorprendenti m’hux lanqas għax il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għandu s-servizzi ta’ l-Awditur Ġenerali u ta’ l-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika li jissodisfaw ir-rekwiżit t’indipendenza tant li jirrapportaw lill-Parlament, m’hux lill-Gvern.
Il-Gvern iqis li għax il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi hu immexxi mill-Oppożizzjoni u għax jipproċedi fil-miftuħ, dan il-mezz ikun ħafna aktar konvinċenti u trasparenti milli kellu jitwaqqaf bord t’inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti. Id-differenza reali hi jekk l-allegazzjonijiet li qed jagħmel l-Onor. Alfred Sant hux se jkun hu li jibdilhom f’terms of reference ta’ l-investigazzjoni li jrid li ssir. Hu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni li għandu jieħu r-responsabbiltà tas-suspetti li qed jgħid li għandu u li s’issa għadhom mistura u m’hux espressi pubblikament.
L-Onor. Alfred Sant għandu jgħid jafx jew jissuspettax sarx tbagħbis fit-transazzjoni tal-privatizzazzjoni jew jekk jaħsibx li xi ħadd ixxaħħam u jekk iva min kien.
Inkella l-Onor. Alfred Sant għandu jgħid jekk deherlux li flok il-bejjiegħ prospettiv li miegħu sar il-ftehim preliminari l-ġimgħa li għaddiet, is-Sea Malta kellhiex tinbiegħ lil ħaddieħor. Dan il-punt hu importanti għax fit-18-il xahar tal-proċess pubbliku ta’ privatizzazzjoni mmexxi mill-Privatisation Unit, l-Onor. Alfred Sant ma lissinx kelma, iżda beda jdoqq it-tnabar meta sema’ liema offerta kienet se tintlaqa’.
L-Onor. Alfred Sant qal illum “li l-proċess ta’ privatizzazzjoni fil-pajjiż m’hux isir b’mod serju u trasparenti u qed ikunu biss ftit nies li jkunu jafu x’inhu għaddej.” L-Onor. Sant għandu jgħid mingħajr ħjiel ta’ dubju għal min qed jgħid u x’qed jissuspetta fih.
Hu kruċjali li l-Onor. Alfred Sant jgħid x’inhu li jissuspetta issa, m’hux wara li ssir inkjesta jew wara li jiltaqa’ l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jordna lill-Awditur Ġenerali jistħarreġ din il-materja: inkella dak li s’issa żamm mistur ma jkunx jaf bih min suppost qed jinvestiga hux minnu.
Jekk il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni jrid li qabel il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, issir inkjesta skond l-Att dwar l-Inkjesti, allura għandu jgħid ukoll għalhiex m’għandux fiduċja fl-Awditur Ġenerali. Il-Gvern hu tal-fehema li jekk l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika m’għandhomx il-fiduċja tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, allura jkun xieraq li tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Intant l-Onor. Alfred Sant jirkeb fuq l-ittra li Ms. Marlene Mizzi bagħtet nhar it-Tnejn lill-Prim Ministru. Dan m’hux sorprendenti m’hux lanqas għax kliem Ms. Marlene Mizzi kien jixbaħ ħafna dak li diġà kien qed jgħid l-Onor. Alfred Sant tul il-ġimgħat li għaddew. L-argumenti ta’ Ms. Marlene Mizzi twieġbu nhar it-Tnejn fid-dettall mill-Prim Ministru u l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ anqas ipprova jitratta mqar wieħed mill-argumenti tal-Gvern f’dik l-ittra.
L-Onor. Alfred Sant jitkellem fuq l-amministrazzjoni ta’ Ms. Marlene Mizzi fis-Sea Malta daqs li kieku din għamlet xi miraklu finanzjarju. Bejn il-ħatra tagħha f’April 1997 u r-riżenja tagħha, is-Sea Malta tilfet Lm3.6 miljun. Meta ħadet il-kumpanija f’idejha l-assi tal-kumpanija kienu jammontaw għal Lm2.59 li llum m’hux biss sfaxxaw fix-xejn iżda s-Sea Malta għandha dejn ta’ Lm1.2 miljun aktar milli għandha assi.
Dan il-miraklu finanzjarju li l-Onor. Alfred Sant tant jammira hu dak li Ms. Mizzi kellha x’turi fl-argumenti tagħha biex is-Sea Malta tibqa’ f’idejn il-Gvern u l-Gvern jonfoq aktar flus fiha biex ikollha vapuri ġodda.
L-Onor. Alfred Sant għamel l-argument patetiku li Ms. Marlene Mizzi kienet oħra minn sensiela ta’ Chairmen li rriżenjaw matul l-amministrazzjoni preżenti. Hu ironiku għall-aħħar li hu l-Onor. Alfred Sant li jagħmel din ir-rimarka meta fi żmien l-amministrazzjoni tiegħu kien hu li rriżenja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261939
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...
PR261938en