Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTRU GHAR-RIZORSI U L-INFRASTRUTTURA - PROĠETTI KAPITALI LI SE JIĠĠENERAW L-INĦAWI TAL-PORTIJIET

pr476
Date Icon 08/03/2003

Meta l-Kap ta’ l-Oppozizzjoni l-Onor. Dr. Alfred Sant kien qed iżur l-inhawi ta’ Marsamxett, is-Sea Passenger Terminal, il-Forti Sant’Iermu u l-Forti Ricasoli, ried jagħti l-impressjoni li f’dawn l-inħawi, il-Gvern preżenti m’għamel xejn u qed jipproponi x’se jagħmel hu, għal dawn l-inħawi.

Il-proposti ta’ Dr. Alfred Sant huma proposti riċiklati ta’ dak li diġa` qed jitwettaq u li hemm propost għal dawn il-lokalitajiet.

Dan qalu l-Ministru ghar-Rizorsi u l-Infrastruttura l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech, meta ndirizza lill-media dwar il-proġetti kapitali li qed jitwettqu fl-inħawi tal-Kottonera, ix-Xatt ta’ Pinto, Manoel Island u Tigne`.

Francis Zammit Dimech qal li jidher li Dr Alfred Sant ilu xhur kbar ma jersaq lejn l-inħawi li żar dalgħodu. Kieku kien ikun jaf illi

  • Fix-Xatt tal-Kottonera twaqqa’ l-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi, twaqqa’ l-pont ikrah u monstruż li kien qed ikerraħ il-Forti Sant’Anġlu, ġiet restawrata l-faċċata ta’ Caraffa Stores, wasal biex jitlesta l-blokk ta’ appartamenti residenzjali u stabbilimenti kummerċjali fuq in-naħa tal-Birgu u l-Kalkara, ġie restawrat il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni (li b’investiment ta’ Lm4.6 miljun inbidel f’Casino), u ttejbet l-infrastruttura mhux biss biex jitwettaq il-proġett iżda wkoll biex issolvi problemi eżistenti fl-inħawi. Sadattant ingħata kuntratt ta’ miljun lira għall-provista ta’ electrical service modules li ser jissupplixxu l-irmiġġi bl-elettriku, ilma, ADSL, telephone u cable television. Kuntratt ieħor ta’ Lm600,000 ingħata lil kumpannija Finlandiża u Ingliża għall-bini ta’ 200 irmiġġ. Il-marina għandha titlesta din is-sena.
  • Ix-xogħol fuq il-bini tal-Cruise Liner Passenger Terminal mhux biss miexi kif ippjanat, iżda jinsab fi stadju aktar avvanzat. Tlesta x-xogħol fuq il-bini alternattiv għar-residenti u l-ħwienet li kienu effetwati mill-proġett. Beda x-xogħol ta’ restawr ta’ l-imħażen ta’ Pinto u Forni u x-xogħol tat-triq li ser tgħaddi minn wara l-imħażen biex tieħu post dik eżistenti. Sadanittant beda jinkixef il-moll fejn ser tinbena laguna, filwaqt li twettaq xogħol temporanju biex passiġġieri li jżuru Malta bil-yachts jinqdew aħjar.
  • Il-Proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne` qabad ritmu mgħaġġel fuq in-naħa ta’ Tigne` fejn qed jinbnew appartamenti u sar l-eskavar meħtieġ biex isir l-iżvilupp ta’ Tigne` Sports li jikkonsisti f’appartamenti għar-residenti u faċilitajiet sportivi għall-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne`. Beda x-xogħol tat-triq li qed tinbena taħt l-art. Sar xogħol ta’ restawr sew fuq is-St Luke’s Garrison Chapel f’Tigne`, kif ukoll fuq Forti Manoel. Tqiegħdu wkoll pontoons mal-moll f’Manoel Island biex ikunu jistgħu jorbtu aktar yachts.
  • Fil-Forti Ricasoli qed isir xogħol ta’ restawr fuq il-fortifikazzjonijiet u s-swar. Permezz ta’ dan l-intervent, b’investiment ta’ madwar Lm110,000, qed issir konservazzjoni ta’ swar li kienu fi stat perikoluż.
  • Il-Gvern laħaq ftehim ma’ l-Ordni Sovrana tal-Kavallieri ta’ San Ġwann dwar il-Forti Sant’Anġlu fejn dan il-Forti ngħata b’ċens għal 99 sena u fejn l-Ordni ntrabtet li tkompli tirrestawra dan il-Forti b’nefqa ta’ tliet miljun dollaru Amerikan. Barra minnhekk tneħħa l-pont li kien inbena fis-snin sebgħin u li kien jistona mal-post filwaqt li twaqqa’ bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi li kien jmiss mas-swar ta’ l-istess forti. Wara dawn l-interventi l-Forti Sant’Anġlu qed jingħata mill-ġdid il-prestiġju li kien igawdi fiż-żmien l-imgħoddija bħala l-għassies ta’ l-ibliet ta’ madwaru.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-Onor. Alfred Sant ghamel sentejn fil-Gvern u m’għamel xejn ħlief ħabbar il-proġetti u qal li telqu meta fil-fatt ma kien għadu sar assolutament xejn u spiċċa biex flok telqu l-proġetti, telaq hu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow