Left arrow Mur Lura

L-importaturi jaqblu mal-miżuri ta’ salvagwardja fis-settur agrikolu

pr474
Date Icon 08/03/2003

L-importaturi ta’ frott u ħxejjex qablu mal-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri ta’ salvagwardji favur il-produzzjoni agrikola lokali, fid-dawl tal-ftehim li ntlaħaq ma’ l-Unjoni Ewropea biex ikun assigurat li l-bidwi u r-raħħal Malti jkollhom suq lokali garantit permezz ta’ miżuri effettivi ta’ salvagwardja jew protezzjoni.

Dan svelah il-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Ninu Zammit, meta llum, f’Ta’ Qali, segwa l-għażla tal-patata għall-esportazzjoni.

Il-Ministru Zammit spjega li permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern se jkun jista’ jilqa’ minn qabel kontra mportazzjoni li tkun se teffettwa ħażin is-suq lokali billi din jew titwaqqaf, jew tkun limitata jew tkun suġġetta għal tariffi skond il-każ.

Hu qal li permezz ta’ diskussjonijiet li saru, l-importaturi permezz tal-GRTU aċċettaw li l-bidwi Malti jkun protett kontra kull importazzjoni li tagħmillu ħsara u b’hekk ikun jista’ jħares ’il quddiem lejn vantaġġi li qabel ma kellux bħalhom, filwaqt li jkun żamm ukoll il-protezzjoni.

Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-għajnuna finanzjarja li diġà qed tingħata lill-bdiewa u lir-raħħala u qal li fuq perijodu ta’ anqas minn sena diġà ammontat għal kważi Lm3.4 miljun. Hu fakkar li din l-għajnuna, li sejra direttament fil-bwiet tal-produtturi, m’hix taxxabbli, peress li hi marbuta mal-Politika Agrikola Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea u hi miftehma ma’ l-istess Unjoni. Dan ifisser li l-bdiewa u r-raħħala m’għandhomx jiddikjaraw din l-għajnuna bħala dħul għal skop ta’ taxxa.

Dwar l-esportazzjoni tal-patata, il-Ministru Zammit qal li l-proċess għadu fil-bidu u sal-lum kienu aċċettati għas-safar madwar 200 tunnellata, li jinkludu 50 tunnellata patata ta’ varjetajiet diversi li kienu esportati bi prova minn esportaturi prospettivi. Fost dawn kien hemm 25 tunnellata li kienu esportati b’inizjattiva ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u bl-għajnuna tal-Ministeru.

Il-Ministru Zammit fakkar li minbarra l-prezz li ġġib il-patata esportata, il-bdiewa bdew jingħataw għajnuna bir-rata ta’ Lm10m kull tomna art miżrugħa patata, kemm fuq patata għall-esportazzjoni kif ukoll fuq patata mkabbra għas-suq lokali. Hu qal li permezz ta’ din l-iskema, il-bdiewa diġà rċevew madwar Lm65,000.

Hu żied li t-tibdil li qed isir fis-sistema tan-negozju għandu jwassal biex mis-sena d-dieħla l-bejgħ tal-patata ta’ Malta fis-swieq barranin ikun liberalizzat għal kollox. Il-Ministru Zammit qal li ma naqsux l-isforzi u l-impenn biex dan it-tibdil ma jeffettwax negattivament il-fama tajba li tgawdi l-patata ta’ Malta fis-suq Ewropew, tant li ġiet intensifikata l-ħidma biex minn din is-sena, parti konsiderevoli mill-patata ntiża għas-safar tkun ċertifikata minn għaqda barranija indipendenti skond il-kundizzjonijiet tal-Eurepgap Protocol. Barra minn hekk, qed ikun imtejjeb ukoll il-makkinarju tal-għażla u l-ippakkjar.

"Dan kollu hu ta’ awgurju għall-ġejjieni li għandu jispira fiduċja u ħeġġa biex il-prodott lokali jkun jista’ jikkompeti b’suċċess fis-swieq baranin. Permezz t’hekk, il-bdiewa mhux biss isaħħu dak li kisbu fil-passat iżda fi żmien qasir se jkunu huma stess f’pożizzjoni li jinnegozjaw il-prodotti tagħhom,” temm il-Ministru Zammit.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow