GHAJNUNA FINANZJARJA MILL-ITALJA GHAL 2 PROGETTI FIL-KON KATIDRAL TA’ SAN GWANN
F’diskors li ghamel il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, meta attenda ghall-iffirmar ta’ ftehim ghall-finanzjament ta’ zewg progetti li se jsiru fil-Kon Katidral ta’ San Gwann, Dr. Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih li l-wirt storiku ta’ pajjiżna kien qed jipparteċipa minn għajnuna finanzjarja ta’ Lm30 miljun fi tliet snin li l-Gvern Taljan kien qed jagħti lil pajjiżna, taħt il-Ħames Protokoll Finanzjarju, u li kien marbut mas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Hu qal li kien jieħu pjaċir ukoll jinnota li minn mindu twaqqaf il-proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta 15-il sena ilu, dan investa Lm2 miljun f’restawr u riabilitazzjoni fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien responsabbli għal żewġ proġetti li kienu se jitwettqu fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann bl-għajnuna tal-Gvern Taljan. Hu qal li dawn iż-żewġ proġetti huma
- Ir-restawr ta’ l-orgni tas-Seklu 16 li jinsab fl-Oratorju, stmat li jiswa 240,000 Euro.
- Ir-restawr tal-Kappella tal-Lingwa Taljana, stmat li jiswa 402,400 Euro.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern Taljan qabel li jagħti għajnuna ta’ Lm267,500 ghal dawn iż-żewġ proġetti filwaqt li l-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta (VRP) se joħroġ Lm26,000.
Dr. Zammit Dimech qal li l-proġetti se jitwettqu mill-VRP bil-kollaborazzjoni sħiħa tal-Fondazzjoni tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann, li llum hi responsabbli għat-tmexxija ta’ l-istess Kon-Katidral. Hu qal li dawn iż-żewġ proġetti, li huma t-tnejn ta’ importanza kbira, huma parti minn sensiela ta’ proġetti li saru fil-Kon Katidral fl-aħħar 15 il-sena.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li meta twaqqaf il-VRP, l-ewwel xogħol li sar kien proprju fil-Kon-Katidral fejn intużat għajnuna finanzjarja sew mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Gvern Taljan u minn sorsi lokali. It-Taqsima tax-Xogħlijiet kellha team ta’ manutenzjoni li kien jagħmel xogħol kontinwu fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. L-aħħar xogħlijiet li saru kienu r-restawr tal-bronz importanti ta’ l-Algardi li tħallas kollu kemm hu mill-VRP u r-restawr taż-żewġ leġiji li saru bejn il-VRP u l-Fondazzjoni.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-kappella ta’ l-Italja qed issir wara ftehim li ntlaħaq f’laqgħat li saru f’Ruma ma’ l-Istitut Ċentrali tar-Restawr, li hu l-punt ta’ riferiment għall-Gvern Taljan dwar dawn il-proġetti. Hu qal li hemmhekk, il-ġimgħa li għaddiet, kien ippreżentat il-proġett li ressaq Dottor Sante Guido li fil-fatt kien diġa’ ġie sottomess għall-approvazzjoni, skond il-Protokoll. Hu qal li Dottor Guido kien diġa ta xhieda tal-kapaċita’ tiegħu fil-qasam tar-restawr f’diversi xogħlijiet li għamel Malta, inkluż fil-Kon kattidral ta’ San Ġwann.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infastruttura qal li l-proġett tal-Cappella d’Italia jikkonsisti fir-restawr tal-kappella kollha, inklużi t-tliet pitturi, l-artal, l-monumenti, il-pittura tal-ħajt u l-induratura. L-unika ħaġa li mhux se ssir hi l-pittura prinċipali li kienet restawrata xi snin ilu.
Francis Zammit Dimech qal li l-VRP kien qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jassigura li x-xogħol jsir skond standards Ewropej u skond in-normi f’dan ir-rigward. Il-Ministru Zammit Dimech temm jghid li kien konvint li dan il-proġett kien se jkompli jgħin biex dan il-ġojjell ta’ wirt storiku jiġi konservat u fl-istess ħin jingħata d-dehra li jixraqlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932