ĦAMES SWALI ĠODDA GĦALL-ISKEJJEL TA' L-ISTAT
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea ħabbar il-bini ta' ħames swali f'ħames skejjel ta' l-iStat. Dawn il-proġetti huma parti mill-programm li għandu l-Gvern biex fi żmien tmien snin l-iskejjel kollha ta' l-istat jiġu immodernizzati b’ambjenti u faċilitajiet għall-aħjar tagħlim tat-tfal. Il-programm ta' immodernizzar qed jitwettaq mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada, l-FTS (Foundation For Tomorrow's Schools), u għalih il-Gvern ikkommetta investiment ta' aktar minn 60 miljun lira.
Il-Ministru tkellem dwar dan waqt konferenza stampa fejn ippreżenta l-pjanti u d-disinji għal dawn il-ħames swali li se jsiru fl-iskejjel primarji tal- Gudja, Marsaxlokk, Mqabba, Ħal Safi u Siġġiewi. L-investiment kumplessiv għal dawn il-ħames swali hu ta' aktar minn Lm 1.5 miljun u jinkludi l-bini tas-swali, l-landscaping tal-madwar u xogħlijiet oħra konnessi. Il-Fondazzjoni għadha l-isfida li toħloq dawn l-ispazji kemm jista jkun mingħajr ma tnaqqas l-ispazji rikreattivi li jeżistu u li fl-istess ħin ikunu estetikament attraenti u li jmorru mal-bini tal- madwar li f'xi każi hu ukoll bini antik.
Dawn is-swali qed jiġu ddisinjati skond kunċetti moderni li jippermettu użu differenti u flessibli ta' dawn l-ispazji. Il-Fodazzjoni qed tipprova toħloq swali multi-purpose li ma jkunux bħas-swali li għandna fi skejjel oħra b'palk fiss, iżda jkunu swali li jkunu jistgħu jintużaw għal attivitajiet differenti, minn-kunċerti u prize days għal attivitajiet sportivi, minn spazji għad-drama u l-mużika għal użu mill-komunita’ tal-lokal.
Il-Fondazzjoni qed tagħmel dak kollhu meħtieġ biex is-swali jinbnew skond l-istandards u l-ħtiġijiet li joħorġu mill-Kurrikulu Nazzjonali, b'aċessibilita' kompleta skond linji ta' gwida tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u b'mod li jaqdu l-ħtiġijiet ta' l-iskola u l-komunita' ta' llum u ta' għada.
Il-Fondazzjoni diġa wettqet diversi inizjattivi fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel primarji u sekondarji u daħlet għal numru ta' proġetti kbar bħal ma huma l-immodernizzar ta' l-iskola Sir Adrian Dingli f'Pembroke, l-iskola Primarja tal-Gżira u oħrajn. Il-Fondazzjoni għandha wkoll pjani biex jinbnew ħames skejjel ġodda u diġa beda x-xogħol fuq l-ewwel skola ġdida u kumpless sportiv reġjonali bħal ma nbena fil-Kottonera li qed jinbnew fil-limiti ta’ Ħal Kirkop u Ħal Safi.
Il-Ministru Louis Galea qal li dawn is-swali kienu meħtieġa ħafna f'dawn il-lokalitajiet u l-amministrazzjonijiet ta' dawn l-iskejjel ilhom żmien jistennew li dawn isiru. Il-Ministru qal li ix-xogħlijiet fuq dawn is-swali mistenni li jibda qabel is-sajf u għandhom jitlestew fi żmien sentejn. Il-Ministru qal li b'hekk dawn l-iskejjel ikunu jistgħu jagħmlu aktar attivitajiet għall-istudenti kif ukoll għall-komunita'.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932