LEJN RIFORMA TAL-MATSEC
Sa sena oħra iridu jiġu deċiżi il-bidliet mehtieġa biex is-sistema ta’ l-eżamijiet MATSEC tirrifletti aħjar l-istandards u l-kontenut li jitlob il-Kurrikulu Nazzjonali. Il-bidliet miftehma għandhom jidħlu fis-seħħ fuq fażijiet b’mod li jkunu daħlu kollha fuq firxa ta’ tlitt snin sa l-eżamijiet tas-sena 2007. Is-sistema ta’ l-eżamijiet tal-MATSEC fil-livell ordinarju tas-SEC għandha taħseb ukoll biex tagħti certifikat validu u rikonoxxut tal-ħiliet u l-livell edukattiv li kull student u studenta jkunu kisbu wara li temmew l-iskola sekondarja. Dan sostnieh il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Dr Louis Galea, meta dalgħodu kellem lill-Bord tal-MATSEC, lill-Kunsill Nazzjonali għall-Kurrikulu, Kapijiet u għalliema ta’ skejjel waqt Seminar fil-Lukanda Forum organizzat mill-Kunsill Nazzjonali għall-Kurrikulu.
Il-Ministru Galea fisser li meta Malta aġġornat il-Kurrikulu Nazzjonali, l-edukaturi, mill-iċken sa l-ogħla livell, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-livelli kollha biex it-tfal kollha jiksbu edukazzjoni bażika ta’ kwalita` sa l-għeluq ta’ sittax il-sena. B’hekk iż-żgħażagħ Maltin u Ghawdxin kollha jkollhom il-bażi meħtieġa biex jagħmlu għażla tajba kif titlob id-dinja tax-xogħol tal-lum.
Il-Ministru Galea qal li hemm diversi mistoqsijiet li jeħtieġ jitqanqlu biex tinstab tweġiba tajba għalihom. Fost dawn insibu :
- Kemm qed jiġri li hu il-MATSEC li jiddetermina is-sillabi aktar milli, kif suppost, ikun il-Kurrikulu li jimpingi fuq il-MATSEC?
- X’inhu s-sehem tal-MATSEC, u x’għandu jsir, biex jissaħħaħ l-iżvilupp preżenti ta’ assessjar formattiv u kontinwu abbinat ma’ assessjar summattiv ta’ kwalita` b’mod li dawn ikunu applikati bi professjonalita` u konsistenza?
- Kif ser neliminaw ir-ripetizzjoni bla bzonn fil-kontenut tas-sillabi?
- X’qed jigri tassew fejn jidħlu l-portofolios u l-proġetti ta’ l-istudenti, x’inhu l-benefiċċju ta’ dawn għall-istudenti tagħna, u x’inhi l-pożizzjoni tal-MATSEC għal dawn?
- Ladarba il-Kurrikulu jitkellem dwar pakkett ta’ ħiliet u attitudnijiet aktar milli ġabra ta’ tagħrif, kif fil-prattika il-MATSEC ser ikejjel l-iżvilupp ta’ dan il-pakkett fiċ-ċertifikati li joħroġ?
- Il-MATSEC kif ser jindirizza il-prioritajiet nazzjonali kif indikati fil-Kurrikulu bħal, per eżempju, l-ambjent, l-informatika, l-aċċessibilita`, l-ugwaljanza bejn is-sessi?
- Il-karti ta’ l-eżamijiet kemm jirriflettu dak li jsir fil-kamp ordinarju ta’ l-edukazzjoni u kemm huma involuti l-għalliema tas-suġġetti?
- Kif għandu il-MATSEC jikkontribwixxi fil-mixja ‘l-quddiem u fl-iżviluppi li qed iseħħu fil-kamp edukattiv?
- L-istruttura tal-MATSEC kif żviluppat sal-lum hi l-aħjar struttura jew jinħtieġ strutturi differenti?
Il-Ministru sostna li dawn il-mistoqsijiet u ħafna oħrajn jeħtieġ li jinqabdu f’qafas ta’ djalogu nazzjonali bit-tisħib ta’ dawk kollha li għandhom interess biex flimkien insaħħu u naġġornaw is-sistema ta’ l-eżamijiet.
Il-Ministru Louis Galea qal li is-sistema tal-MATSEC hija rikonoxxuta bħala waħda valida ħafna mhux biss mill-iskejjel kollha Maltin iżda wkoll mill-awtoritajiet edukattivi barranin. Huwa jrid japprezza pubblikament il-kontribut kbir ta’ l-Universita` fis-sistema tal-MATSEC. Fost l-inizjattivi li saħħew is-sistema insibu it-twaqqif tal-Bord ta’ l-Ezamijiet u ta’ dawk li jimmarkaw il-karti, il-Unit ta’ Appoġġ tal-MATSEC, aktar sigurta`, aktar tagħrif, statistika u riċerka.
Il-Ministru Galea qal li anke il-Ministeru tiegħu għamel investiment sostanzjali fis-sistema MATSEC bis-saħħa tad-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet u d-Dipartiment tal-Kurrikulu. Huwa fakkar li fl-1999 id-Dipartiment ta’ l-Ezamijiet assuma ir-responsabbilita` għall-amministrazzjoni ta’ l-eżamijiet. Dan fisser investiment fis-software ghar-registrazzjoni, applikazzjonijiet on-line, time-tables, invigilation, riżultati, ċertifikati u informazzjoni għall-istudenti permezz tal-website tad-Dipartiment.
Sar ħafna xogħol biex l-ambjent tas-swali ta’ l-eżamijiet jitjieb u jisbieh għall-akbar kumdita` ta’ l-istudenti. Xogħol kumpless u delikat huwa dak li jwettaq id-Dipartiment tal-Kurrikulu dwar l-arrangamenti speċjali għal studenti bi bżonnijiet speċjali kif jitlob id-dokument li fassal u adotta l-Ministeru fi ħdan il-Kumitat Ministerjali ghall-Edukazzjoni Inklussiva. Dan id-Dipartiment jieħu ħsieb ukoll it-taħriġ tal-kapijiet u għalliema fl-assessjar, il-portofolios, u l-kitba tal-karti tal-eżamijiet.
Il-Ministru Galea qal li Gvern, Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, Universita` u MCAST iridu jsibu is-soluzzjonijiet meħtieġa biex l-istruttura tal-MATSEC tissaħħaħ, tinvolvi aktar lill-għalliema u tiffaċilita` aħjar il-bżonnijiet ta’ l-istudenti billi issir aktar student-friendly.
Minħabba l-arranġamenti meħtieġa għal studenti bi bżonnijiet speċjali jeħtieġ soluzzjoni aħjar għas-servizzi psikoloġiċi li tipprovdi id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Iridu jiġu diskussi u adottati miżuri li jsaħħu it-trasparenza u l-assikurazzjoni sew ta’ standards kif ukoll ta’ ekwita` fis-sistema ta’ l-eżamijiet. L-attenzjoni kontra l-iżbalji u taħriġ kontinwu huma ukoll ħwejjeġ li jridu jingħataw importanza.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni temm l-intervent tiegħu billi sostna li l-Kurrikulu u il-metodoloġija u l-pedagoġija tat-tagħlim fil-klassi iridu jkunu riflessi fl-eżamijiet. Huwa appella għal aktar sforzi biex naġġornaw il-kultura u l-attitudnijiet fost l-għalliema kif ukoll biex studenti u ġenituri jifhmu aktar x’inhu l-asessjar formattiv. Il-mira tad-djalogu nazzjonali li ser jibda trid tkun li napprezzaw it-tajjeb li diġa` ksibna, nanalizzaw oġġettivament id-difetti u l-bżonnijiet tal-lum, infasslu l-bidliet fuq l-aħjar informazzjoni u riċerka xjentifika u edukattiva, u norbtu ir-riforma f’qafas li jikseb l-akbar konsensus nazzjonali possibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932