INAWGURATA MULTIPURPOSE ROOM FL-ISKOLA SEKONDARJA VINĊENZO BUĠEJA
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea inawgura multi-purpose room fl-iskola sekondarja tas-subien Vinċenzo Buġeja li ssemmiet għal Patri Anthony Parnis O.Carm. Il-multi-purpose room kienet idea tal-Kap ta' l-Iskola, s-Sur Alfred Cachia, li ried joħloq spazju flessibbli għall-użu ta' l-istudenti ta’ din l-iskola.
Il-Ministru Louis Galea faħħar l-inizjattiva tas-surmast u ta' l-għalliema u l-ġenituri f'din l-iskola, li ħadmu flimkien biex seta’ jseħħ dan il-proġett. Fil-fatt is-surmast kien identifika kamra mdaqqsa biex tiġi ttrasformata f'multi-purpose room fejn ikunu jistgħu isiru attivitajiet sportivi fuq ġewwa, drama u attivitajiet oħra.
Ix-xogħlijiet kollha twettqu mill-għalliema u l-ġenituri ta' l-iskola li ħadmu flimkien biex tiġi ttrasformata din il-kamra. Il-hidmax-xogħlijiet kienu jinkludu xogħlijiet ġenerali ta' dawl, tikħil u tibjid kif ukoll finituri ġenerali li jinkludu soffit, purtieri ġodda u projecting room bl-apparat kollhu awdjo-viżiv.
Il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada (Foundation for Tomorrow's Schools - FTS) li għenet biex dan il-proġett iseħħ qed twettaq diversi xogħlijiet f'din l-iskola biex din l-iskola wkoll issir skola ta' għada. Ix-xogħlijiet li qed jitwettqu jinkludu t-tisbieħ ġenerali tal-klassijiet u l-iskola kollha u xogħlijiet fuq il-faċċata ta' l-iskola. Hu ppjanat li jissewwew jew jinbidlu l-aperturi kollha, ikompli t-tisbieħ fuq il-faċċata u tiswija ta' ħsarat strutturali fuq il-boundry wall. Il-Fondazzjoni qed tippjana wkoll biex fil-futur qrib jibda x-xogħol fuq estenzjoni ġdida li ser tinbena fuq il-bini eżistenti. Din l-estenzjoni hi meħtieġa biex l-iskola jkollha aktar laboratorji għat-tagħlim ta' l-edukazzjoni teknoloġika u laboratorji u klassijiet oħrajn. Il-Fondazzjoni se tkun qed tkompli x-xogħol li nbeda mis-surmast fuq laboratorju tal-home economics.
Fl-iskola Vinċenzo buġeja hemm aktar minn 400 student. Il-faċilitajiet rikreattivi huma limitati u hemm diffikultajiet ta' aċċessibilita'. Biex dawn il-problemi jingħelbu, tħejja rapport minn Perit tal-Fondazzjoni bil-ħsieb li l-faċilitajiet rikreattivi jittejbu u jissebħu. Il-Fondazzjoni lestiet ukoll lift-shaft u bdiet l-installazzjoni tal-lift skond il-kriterji tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Il-Ministru Louis Galea qal li f'din l-iskola qed jibda jidher il-frott ta' diversi inizjattivi li ttieħdu tul l-aħħar snin. Il-Ministru semma fost l-oħrajn ix-xogħlijiet tal-Fondazzjoni, l-introduzzjoni tat-Technology Education u iniżjattivi li qed jittieħdu mill-iskola u l-ġenituri b'riżultat tad-deċentralizzazjoni. Il-Ministru qal li l-Kap ta' l-iskola s-Sur Alfred Cachia kien kapaċi joħloq sħubija tajba bejn l-amministazzjoni, l-għalliema u l-ġenituri, kien kapaċi wkoll jimmotiva l-istaff tant li kienu huma stess li wettqu uħud mix-xogħlijiet għall-ġid ta' l-istudenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932