Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU GHAR-RIZORSI U L-INFRASTRUTTURA, L-ONOR. DR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH WAQT L-INAWGURAZZJONI TAR-RESTAWR TA’ PORTES DES BOMBES – 4 TA’ MARZU 2003

pr296
Date Icon 05/03/2003

“Il-wirt storiku ta’ pajjiżna irid jitħares mhux biss biex jitgawda minnha iżda biex inħalluh lil ta’ warajna aħjar milli sibnieh. Din il-ħidma tinvolvi investiment qawwi li l-Gvern ma jistax jindirizzah waħdu.

Wara li waqqaf l-infrastruttura neċessarja biex iħares il-wirt storiku fil-bliet fortifikati ta’ pajjiżna u biex jitwettqu proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni, il-Gvern ħoloq ukoll unit attrezzat u b’nies imħarrġa biex isir xogħol ta’ restawr skond livelli internazzjonali.

Tul din il-leġislatura l-Gvern mar pass ieħor ’il quddiem billi fi proġetti kapitali, li jinkludu fihom bini storiku, qed idaħħal fil-kuntratti klawsoli li jesiġu r-restawr ta’ dan il-bini storiku bħala parti mill-proġett.

F’dawn l-aħħar erba’ snin il-Gvern wasal fi ftehim dwar l-iżvilupp ta’ tliet proġetti kapitali ewlenin: il-proġett tal-Kottonera, il-progett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal.

  • Il-proġett tal-Kottonera jinkludi fih diversi bini storiku. S’issa ż-żewġ konsorzji li qed iwettqu dan il-proġett għamlu diversi xogħlijiet. Il-Cottonera Waterfront Group diġa għamel diversi xogħlijiet ta’ restawr u tindif fosthom fuq il-faċċata ta’ Caraffa Stores, il-ħabs il-qadim, Seagate Vaults u l-imħażen taħt il-Forti Sant’Anġlu. Il-Port Cottonera Consortium wettaq l-akbar proġett ta’ restawr li sar s’issa f’dawn l-inħawi, dak tar-restawr tal-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.
  • Il-Konsorzju MIDI, li qed iwettaq il-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tignè, intrabat li jinvesti Lm5 miljun f’restawr ta’ bini storiku fiż-żewġ naħat tal-proġett. S’issa diġa ġiet restawrata l-kappella ta’ San Luqa li, wara li nġiebet għall-istat oriġinali tagħha, qed tintuża bħala marketing and sales office tal-MIDI. Fil-bidu tal-proġett ġie żmantellat it-Torri ta’ l-Arloġġ li nbena fis-Seklu 19. Il-ġebel inħażen biex issa se jinbnew mill-ġdid il-faċċati tal-Blokk tat-Torri ta’ l-Arloġġ. Se jitnaddaf ukoll il-Forti Tigne’ li kien fi stat ħażin ħafna u saritlu ħsara fl-arkitettura storika tiegħu minn vandali. Fl-istess waqt għaddejja ħidma ta’ restawr tas-swar u l-bini f’Forti Manoel li tul iż-żmien li ma kienx użat u saritlu ħsara kbira l-aktar minn vandaliżmu. Tnaddaf ukoll il-foss madwar il-forti minfejn tneħħew mijiet ta’ trakkijiet ta’ skart li ġie depositat fih.
  • Fil-Proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal qed isir investiment ta’ Lm1.5 miljun f’restawr tal-bini storiku li hemm fis-sit. Bħalissa qed jiġu restawrati l-faċċati ta’ l-imħażen ta’ Pinto u Forni. Qed tinbena ukoll il-parti ta’ l-imħażen li twaqqgħu fl-aħħar gwerra dinjija. Ir-restawr jinkludi ukoll l-imħażen minn ġewwa kif ukoll il-Power Station il-Qadima. Xogħol ieħor hu l-kxif tal-moll li nbena fi żmien il-kavallieri ta’ San Ġwann li se jservi bħala parti mill-ħajt tal-laguna li hu maħsub li tinbena f’dan is-sit.

F’dawn il-proġetti ta’ restawr is-settur privat qed jinvesti mal-Lm10 miljun. Bħala riżultat qed insalvaw parti importanti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna li ma kienx jitħares li kieku ma’ nstabitx din il-formola.

Illum qed ninawguraw il-proġett ta’ restawr ta’ Porte des Bombes. Dan il-Bieb ukoll jifforma parti mill-fortifikazzjonijiet li bniet l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann biex tħares lil Malta minn xi attakk. Tul iż-żmien dan il-Bieb tkabbar, inqata’ minn mas-swar u nbidel minn parti mill-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna għal ark trijonfali. Bl-introduzzjoni tal-vetturi dan il-Bieb sofra ħafna mit-tniġġiż u kien għalhekk li kien importanti li jiġi restawrat biex mhux biss ma ssirlux aktar ħsara iżda jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu. Nixtieq nirringrazzja lil kulmin ta sehmu biex dan il-proġett seħħ.

Ninsabu lejlet deċiżżjoni importanti għal pajjiżna. Nhar is-Sibt li ġej se nivvutaw dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Sħubija li tfisser utilizazzjoni ta’ fondi importanti għall-iżvilupp ta’ pajjiżna li jinkludu programmi ta’ fondi biex titħares il-kultura u l-identita’ ta’ kull nazzjon membru ta’ l-UE. Jien nemmen li bl-involviment ta’ kulħadd – Gvern, settur privat, NGOs u anke permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea – l-wirt storiku ta’ pajjiżna jerġa’ jwarrad bis-sbuħija.

Dan huwa l-impenn bla riservi tal-Gvern preżenti u r-restawr ta’ Bieb il-Bombi għandu jitqies fl-istess ħin bħala simbolu importanti ta’ l-identità tagħna ta’ l-istorja Ewropea tagħna, tar-rabta bejn il-passat u l-futur, tal-bżulija tal-ħaddiem tagħna, u tal-kuraġġ tagħn

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow