SEHEM MALTA FIL-PROGRAMM TA’ L-U.E. LEONARDO DA VINCI
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea inawgura servizz ieħor li għandu jgħin lil studenti u ħaddiema żgħażagħ, biex ikollhom aktar informazzjoni dwar opportunitajiet li jeżistu fl-Ewropa. In-National Resource Centre for Vocational Guidance Network tipprovdi informazzjoni “on-line” dwar opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali, kif ukoll dwar opportunitajiet oħra li jeżistu għal min qiegħed f'dan il-qasam.
Kull min huwa nteressat f’dawn il-programmi, jista’ jmur fil-Foyer tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, l-Furjana, fejn se jkun hemm żewġ kompjuters apposta, minfejn wieħed ikun jista’ jaċċessja din l-informazzjoni. F'dawn il-jiem, se jsiru ukoll diversi laqgħat ma' għalliema tal-‘guidance’ biex jingħataw tagħrif dwar l-opportunitajiet li jeżistu u dwar kif taħdem is-sistema biex dawn l-għalliema jkunu jistgħu jiggwidaw liż-żgħażagħ.
Il-Ministru Louis Galea, waqt l-inawurazzjoni qal li l-programmi ta' l-Unjoni Ewropea qed joffru diversi opportunitajiet lil tfal, żgħażagħ, ħaddiema, għalliema u diversi organizzazjonijiet f'kull qasam. Il-Ministru qal li sa mill-bidu pajjiżna kien kapaċi jaħtaf l-opportunitajiet li kienet qed toffri l-UE u llum ninsabu minn ta' quddiem, b'parteċipazzjoni attiva u bi proġetti mill-aqwa.
Il-Ministru qal li hu jemmen li l-programmi edukattivi ta' l-UE jagħtuna idea ta' kif taħdem l-UE, kif nistgħu ingawdu bi sħubija u kif, jekk naħdmu tajjeb, inġibu lejn pajjiżna ħafna benefiċċji u fondi. Il-Ministru qal li jemmen li hekk kif ksibna suċċess wara l-ieħor fil-programmi edukattivi ta' l-UE, hekk ukoll se nkunu kapaċi niksbu suċċessi f'oqsma oħra.
Il-Ministru temm jgħid li fit-8 ta' Marzu, se nkunu qed nieħdu deċiżjoni mportanti ħafna, deċizjoni li jew inkomplu nkattru dawn l-opportunitajiet bi sħubija jew inkella nerġgħu inwaqqfu din il-parteċipazzjoni, kif kien seħħ bejn l-1996 u l-1998 meta l-Gvern precedenti pprova jinnegozja ma’ l-UE l-idea ta' Svizzera fil-Mediterran, illum magħrufa bħala 'partnership'.
Malta bdiet tieħu sehem fil-programm Leonardo da Vinci fil-bidu tas-sena 2000. Dan il-programm hu intiż biex isaħħaħ it-taħriġ vokazzjonali li jsir fil-pajjiżi tal-UE. L-aktar żewġ azzjonijiet popolari ta’ dan il-programm huma:
- Mobility Projects - maħsuba biex joffru opportunitajiet lill-individwi fl-edukazzjoni vokazzjonali, apprendisti, ħaddiema u instructors/trainers, li jieħdu esperjenza ta’ xogħol u/jew taħriġ f’intrapriżi u kulleġġi Ewropej.
- Pilot Projects - maħsuba biex jiffinanzjaw proġetti ta’ riċerka jew metodoloġija ġdida ta’ tagħlim li jkunu jridu jitwettqu minn organizazzjonijiet Ewropej.
Minkejja li Malta ilha biss tieħu sehem f’dan il-program tletin xahar biss, is-sehem ta’ Malta f’dawn iż-żewġ azzjonijiet kien tajjeb ħafna.
Mobility Projects - (bejn Mejju 2000 u Settembru 2002) ħadu sehem 248 parteċipant (ie. 54 student/apprendist; 98 ħaddiem; 64 trainer/instructor)
Pilot Projects - (bejn Novembru 2000 u Novembru 2002) Malta kellha 3 proġetti magħżula mill-Kummissjoni Ewropea f’kompetizzjoni ma’ proġetti Ewropej. Għal dawn it-tlett proġetti, l-UE qed tagħti s-somma ta’ 1,207,843 Euros (Lm 503,267).
Għall-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-Mobility Action tal-Leonardo da Vinci li għalqet fl-14 ta’ Frar 2003, kien hemm 48 applikazzjoni. Minn dawn it-48 applikazzjoni, kien hemm 16 minn istituzzjonijiet fil-livell post-sekondarju u terzjarju (Verdala International School, 7 mill-MCAST, 7 mill-Universita' u waħda mill-Malta Restoration Centre).
Barra minn dawn kien hemm 4 applikazzjonijiet oħra minn azjendi privati tal-manifattura. It-28 applikazzjoni l-oħra ġew minn dipartimenti governattivi jew azjendi parastatali, p.e. ETC, Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita, Sedqa, Awtorita’ tat-Trasport, Fondazzjoni Skejjel t’Għada, MEPA u Appoġġ.
Dawn il-figuri juru l-firxa wiesa ħafna ta’ applikazzjonijiet li jixhdu r-rispons qawwi tal-pubbliku Malti lejn il-programmi tal-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932