Left arrow Go Back

L-ISTUDENTI TA' L-UNIVERSITA' JIEĦDU LM1,560 AKTAR ILLUM MILLI TAĦT GVERN LABURISTA

pr290
Date Icon 04/03/2003

Jekk wieħed jikkalkula dak li jingħataw bħala għotja l-istudenti ta' l-Universita' illum, minflok l-istipendji li kienu jieħdu taħt il-Gvern precedenti Laburista, jsib li fuq medda ta' erba' snin, l-istudenti universitarji qed jingħataw Lm1,560 aktar taħt is-sistema preżenti.

Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea waqt żjara li għamel fl-uffiċini tal-A.P.C.O., il-kumpanija li qed toffri s-servizz ta' l-iSmart Card lill-istudenti li jieħdu l-Għotjiet ta' Manteniment.

Il-Ministru Galea qal ukoll li meta pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea, l-Għotjiet ta’ Mantinement li llum jirċievuhom aktar minn 11,000 student universitarju u post sekondarju f'Malta u Għawdex, ma jkollhomx dritt għalihom studenti Ewropej li jistgħu jagħżlu li jigu jistudjaw f'Malta.

Il-Ministru sostna li mhux veru li meta nkunu membri tal-UE, il-Gvern se jintroduċi xi limitazzjonijiet fuq id-dħul fl-Universita'. Kien Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li għamel l-Universita' b'xejn, neħħa n-numerus clausus u ta għajnuna soċjali lill-istudenti, biex eluf minn fost ulied il-ħaddiema setgħu jmorru l-Universita'.

Il-Gvern tejjeb sostanzjalment kemm l-ammont ta’ flus li l-istudenti jingħataw biex ma jkunux ta’ piż fuq il-ġenituri tagħhom, jekk iridu jkomplu jistudjaw, kif ukoll is-sistema kif jingħataw dawn l-Għotjiet ta’ Manteniment, sostna l-Ministru Louis Galea.

Is-sistema ta' l-iSmart Card iddaħlet bħala parti mit-tibdil fis-sistema ta' l-istipendji li wettaq il-Gvern preżenti, wara li rega’ kien elett fl-1998. Qabel l-elezzjoni ta’ l-1996, il-Kap tal-Oppozizzjoni, l-Onor. Dr. Alfred Sant, kien bagħat ittra lill-istudenti jgħidilhom li ma kienx se jmiss l-istipendji; u fil-fatt, malli tela’ fil-Gvern, naqqas l-istipendji għal Lm50 fix-xahar u ta l-opportunita' lill-istudenti li jisselfu sa Lm50 oħra fix-xahar, li wara riedu jħallsuhom lura.

Fis-sistema preżenti fejn jidħlu l-istudenti fl-Universita’, student li jagħmel kors ta’ erba' snin fl-Universita', jingħata mat-Lm3,360. Is-sistema preżenti taħseb ukoll għal dawk l-istudenti li huma aktar fil-bżonn. Dawk li jkunu eliġibbli jingħataw għotja supplimentari ta' Lm60 oħra fix-xahar. Il-lum hemm 5,311 student ta' l-Universita' li qed jieħdu dawn l-għotjiet u minnhom 210 jieħdu wkoll l-għotja supplimentari.

Fil-livell post-sekondarju, aktar studenti fil-livell post-sekondarju bdew jirċievu l-għotjiet u l-lum hemm 5,862 student li jirċevuhom. Minn dawn hemm 202 li jieħdu wkoll l-għotja supplimentari.

Fil-Budget għas-sena 2003, l-ammont ivvutat għall-għotjiet ta' manteniment hu ta' Lm7 miljuni.

Is-sistema l-ġdida taħseb ukoll biex il-flus li jingħataw fil-bidu tal-kors u fil-bidu ta' kull sena, jingħataw lill-istudenti fuq Smart Card, li biha l-istudenti jkollhom għajnuna ħalli jaqdu l-bżonnijiet edukattivi tagħhom. Il-lum hemm aktar minn 212 ħanut f'Malta u Għawdex li daħlu fis-sistema u l-istudenti jistgħu jużaw is-Smart Card għandhom.

Minn meta bdiet din is-sistema fis-sena 2000, inħarġu mas-16,000 card li ntużaw f'aktar minn 250,000 transazzjoni li jammontaw għal aktar minn Lm4 miljuni. Kemm ilha titħaddem is-sistema, saru diversi żviluppi biex is-servizz lill-istudenti u lis-sidien tal-ħwienet ikompli jitjieb.

Il-Ministru Louis Galea qal li s-sistema preżenti ta' l-għotjiet ta' manteniment hi waħda li qed tilħaq firxa kbira ta' studenti, uħud minnhom li ma kienux inklużi qabel. Hu sostna li s-sistema tas-Smart Card hi waħda effiċjenti u li tiżgura li flus il-poplu jintużaw kif suppost.

Il-Ministru tenna li mill-informazzjoni li tinġabar mill-A.P.C.O., jidher ċar li l-parti l-kbira tal-flus qed jintefqu fi ħwienet tal-kotba u tal-kompjuters, filwaqt li jirrizulta wkoll li l-istudenti qed ifittxu wkoll is-servizz ta' l-Internet u affarijiet oħra li jgħinuhom fl-istudji speċjalizzati tagħhom.

Il-Ministru qal li bhalissa, l-Bord ta' l-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti (Student's Maintenance Grants Board- SMGB) qed jistudja, flimkien ma’ l-APCO, biex is-sistema tas-Smart Card tintuża għal servizzi oħra meħtieġa mill-istudenti. Il-Gvern investa f'din is-sistema għax toffri diversi opportunitajiet. Il-Bord diġa’ laħaq ftehim biex l-istudenti jkunu jistgħu jużaw is-Smart Card fil-librerija ta' l-Universita', minflok il-'library card' ta' qabel.

Il-Card tkun tista’ tintuża wkoll biex l-istudenti jingħataw aċċess għal postijiet fejn dan ikun ristrett (bhalma huma laboratorji); tista’ tintuża wkoll biex l-istudenti jiksbu informazzjoni minn information kiosks apposta; biex l-istudenti jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ l-għaqdiet studenteski, kif ukoll biex l-istudenti ma jkollhomx bżonn iġorru flus magħhom fl-istituzzjonijiet edukattivi u jinħoloq "cashless environment", u b’hekk jitnaqqsu ċerti riskji.

Il-Ministru qal li l-Gvern preżenti jemmen li s-sistema ta' għotjiet ta' manteniment hi sistema li tiżgura li l-istudenti Maltin u l-ġenituri tagħhom isibu l-appoġġ kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom. Ghalkemm hemm min qed jipprova jbeżża li bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, l-istipendju jkollu jingħata wkoll lill-istudenti li jiġu mill-UE, dan mhux minnu. L-istudenti Maltin se jkomplu jieħdu l-għotjiet; u dawn ma jingħatawx lill-istudenti barranin anke jekk ikunu ġejjin mill-UE. Il-Ministru qal li din il-pożizzjoni hija ċara u l-Avviz Legali stess jistipula li biex student ikun jista jieħu l-għotjiet, irid ikun ċittadin Malti jew ikun ilu jgħix fil-pajjiż almenu għal ħames snin qabel jibda l-kors f’istituzzjoni edukattiva.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow