Tinbiegħ Lm1,127 miljun proprjetà f’erba’ snin
F’cerimonja li fiha l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qassam il-warrants lil periti godda, huwa qal li fl-aħħar erba’ snin, 43,526 proprjeta’ bidlu l-idejn. Il-proprjeta’ mibjugħa tiswa Lm1,127 miljun. Dan ifisser li fl-aħħar erba’ snin inbiegħet proprjeta’ li tiswa’ Lm614-il miljun aktar, jew 120 fil-mija aktar milli nbiegħet fl-erba’ snin ta’ qabel.
Francis Zammit Dimech qal li l-bejgħ tal-proprjeta’ hu marbut ma’ l-industrja tal-bini u li għalhekk ir-riżultati miksuba f’dawn l-aħħar erba’ snin f’dan is-settur jirriflettu l-qagħda b’saħħitha f’dan is-settur. Hu qal li m’hemmx dubju li l-industrja tal-bini f’dawn l-aħħar erba’ snin marret tajjeb. Hu qal li jekk nieħdu l-perjodu Jannar/Settembru ta’ kull sena, minħabba li għad m’hemmx iċ-ċifri ta’ l-aħħar tliet xhur tas-sena l-oħra, insibu li
- Sehem dan is-settur lejn il-Prodott Gross Domestiku kiber minn Lm24.9 miljun fl-1999 għal Lm35.2 miljun fl-2002, żieda ta’ Lm10.3 miljun jew 41.4 fil-mija.
- Il-perċentwal tal-kontribut għall-Prodott Gross Domestiku żdied minn 2.66 fil-mija għal 3.28 fil-mija, żieda ta’ 0.62 fil-mija jew 23.3 fil-mija.
- Id-dħul mix-xogħol kiber minn Lm16.78 miljun għal Lm23.38 miljun, żieda ta’ Lm6.6 miljun jew 39.3 fil-mija.
- Il-profitti żdiedu minn Lm8.1 miljun għal Lm11.8 miljun, żieda ta’ Lm3.7 miljun jew 45.7 fil-mija.
- L-impjiegi żdiedu minn 5,888 għal 6,692 f’Settembru 2002, żieda ta’ 804 impjieg jew 13.7 fil-mija.
Francis Zammit Dimech qal li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-industrja tal-bini mistennija tmur aħjar. Dan għaliex is-sħubija mistennija ġġib magħha għadd kbir ta’ proġetti li jridu jitwettqu u li huma marbuta ma’ diversi setturi - fosthom dak ta’ l-infrastruttura u l-ambjent.
F’sentejn u tmien xhur, il-pajjiż se jgawdi minn għotjiet ta’ Lm81 miljun mill-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ Lm30 miljun mill-Italja. Dan ifisser infieq iżjed ta’ Lm37 miljun mill-Gvern għal proġetti li kieku ma jkollniex fondi biex inwettquhom.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li f’dawn il-jiem ġie ppubblikat stħarriġ ikkummissjonat mill-Malta Business Bureau, wara studju li sar mill-Professur Ali Bayar, il-President tal-Global Economic ModellingNetwork (EcoMed) u Professur ta’ l-Ekonomija fl-Universita’ ta’ Brussels u Kap tal-Unit dwar l-Ekonomija Ewropea fid-Dipartiment ta’ l-Ekonomija Applikata fi Brussel.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minn dan l-istħarriġ jirriżulta li bi sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-aktar settur li mistenni jikber se jkun dak tal-kostruzzjoni. Jirriżulta li filwaqt li s-sħubija tissarraf f’żieda ta’ 8.96 fil-mija aktar xogħol u ta’ 6.56 fil-mija aktar impjiegi, f’każ li ma nissieħbux dan is-settur inaqqas l-attivita’ tiegħu b’0.95 fil-mija u l-impjiegi jonqsu b’0.96 fil-mija.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li fost dawk li jagħtu sehem importanti għas-settur tal-kostruzzjoni hemm il-periti. Hu qal li l-periti huma responsabbli mhux biss għall-ippjanar iżda wkoll biex jitwettaq ix-xogħol proprju u biex il-proġetti jkunu ta’ l-ogħla livell u jinkorporaw mhux biss il-kumditajiet li wieħed jistenna llum iżda wkoll is-sigurta’ meħtieġa.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li mira mportanti li trid tintlaħaq meta jitfasslu proġetti ta’ kostruzzjoni, hija li jkun hemm żvilupp sostenibbli. Hu qal li f’dan il-kuntest, il-periti kellhom sehem importanti x’jagħtu. Hu qal li f’pajjiżna kien hawn eluf ta’ djar u appartamenti vojta u mitluqa. B’ippjanar tajjeb, ħafna minn dawn id-djar antiki setgħu jinbidlu fi djar moderni bil-kumditajiet kolha u mingħajr ma jintmissu l-karatteristiċi tagħhom.
Francis Zammit Dimech qal li din kienet it-tielet darba li l-periti kienu qed jingħataw il-warrant skond il-liġi l-ġdida li daħlet fis-seħħ f’Ottubru 1999. Hu qal li l-Bord tal-Warrants tal-Periti kien għamel diversi suġġerimenti dwar it-taħriġ li jingħataw l-istudenti fil-preparazzjoni għall-professjoni tagħhom. Fakkar li l-Bord kien irrakkomanda li l-istudenti għandhom jingħataw aktar esperjenza fl-oqsma tal-professjoni tagħhom.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kien kuntent li l-Bord tal-Warrants tal-Periti kien qed jiffunzjona tajjeb. Dan kien jawgura tajjeb għall-professjoni tal-periti li kienu l-għassiesa ta’ dak kollu li jiġri fis-settur tal-kostruzzjoni, li kienu responsabbli li jaraw li jinżamm bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ambjent u li kienu jiżguraw is-sigurta’ tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura kull suċċess fil-professjoni tagħhom lil 24 perit li kienu qed jingħataw il-warrant.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932