Left arrow Mur Lura

diskors mill-Onor. Dr. Joe Borg, ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, waqt il-Konferenza tal-M.I.C. dwar ‘Ir-Riżultat tan-Negozjati’ - mgarr Għawdex - 20 ta' Frar 2003

PR233
Date Icon 20/02/2003

Sinjuri,

Qegħdin ngħixu mument storiku. Qegħdin ngħixumument ta’ deċiżjoni fuq il-futur tagħna u ta’ pajjiżna. Kull wieħed u waħda minna, f'anqas minn tlett ġimgħat, irid jagħti s-sehem tiegħu fid-deċiżjoni nazzjonali li għandna quddiemna. Kull wieħed u waħda minna jrid jistaqsi - Kif l-aħjar li niffaċċjaw l-opportunitajiet u l-isfidi li għandna quddiemna: bħala parti mill-Unjoni Ewropea jew waħedna?
Huwa xieraq għalhekk li l-MIC organizza dinil-konferenza li għandha bħala s-suġġett tagħha r-riżultat tan-negozjati għas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Kif tafu, shubija fl-Unjoni Ewropea ilha, għalħafna snin, waħda mill-miri ewlenin tal-politika ta’ dan il-Gvern. Il-Gvern jemmen li din hija l-unika triq realistika għall-gżejjer tagħna, triq li ser twassal għal benefiċċji kbar għaċ-ċittadini tagħna u għall-mod kif ngħixu.
M’hemmx dubju li fil-maġġoranza l-kbira taghhom,ir-regoli, kif ukoll il-ligijiet u l-istandards kif osservati fl-UE, huma ta’ benefiċċju dirett għal Malta hekk kif qed naħdmu biex naċċertaw l-iżvilupp kontinwu tagħna. Fost dawn insibu, per eżempju:
  • aktar opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżna, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, u aktar drittijiet għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin;
  • ambjent nadif għalina u għal uliedna, b’effett pożittiv dirett fuq is-saħħa taċ-ċittadini tagħna;
  • aċċess sħiħ għas-swieq Ewropej u ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni diġa’ għandha ftehim speċjali;
  • opportunitajiet għal ħaddiema u żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-programmi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

U forsi l-aktar waħda importanti,

  • sehem għalina, flimkien ma’ sħabna l-Ewropej, fit-tmexxijja tal-kontinent tagħna;
Dawn kollha jiġu bi dritt bi sħubija fl-UnjoniEwropea.
Iżda, matul il-proċess tan-negozjati, ħassejna likien hemm ukoll numru żgħir ta’ liġijiet li setgħu kellhom konsegwenzi mhux mixtieqa kieku kellhom jiġu applikati għall-gżejjer tagħna mingħajr l-attenzjoni meħtieġa. Barra minn hekk kien hemm ukoll il-bzonn li nserrħu ras in-nies dwar ċerti aspetti fejn seta’ kien hemm xi dubji. F’dawn l-oqsma ħadna ħsieb ninnegozjaw għadd ta’ arranġamenti speċjali jew perjodi ta’ transizzjoni li jagħtu kas tal-ħtiġijiet specifiċi tagħna.
Fil-fatt ksibna sebgħa u sebgħin arranġamentdifferenti fil-pakkett tan-negozjati - sebgħa u sebgħin arranġament li jagħtu kas il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Malta u Għawdex.
Ksibna arranġamenti speċjali li jiffukaw, fostoħrajn, fuq il-bejgħ tal-proprjeta`, l-agrikoltura, it-tarzna, l-ambjent u s-sajd. Ksibna rikonoxximent għal lingwa Maltija bħala lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni. Ksibna pakkett finanzjarju għalina ta’ 81 miljun lira netti sal-2006. U ksibna ukoll protokoll fuq l-abort, dikjarazzjoni dwar il-fatt li qed nissieħbu bħala pajjiż newtrali u oħra dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex.
Qabel ma ngħaddi sabiex nitkellem fuq dak linnegozja l-Gvern speċifikament għal Għawdex, ta’ min wieħed isemmi xi kisbiet li għamilna fin-negozjati li, filwaqt li japplikaw kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex, għandhom rilevanza partikolari għal gżira Għawdxija.
Is-settur ta’ l-agrikoltura, per eżempju, sejibbenefika minn għajnuna sostanzjali sabiex titkattar il-kompetittivita` tal-bdiewa u r-raħħala tagħna. Din l-għajnuna, li tammonta għal 184 miljun euro fuq medda ta’ għaxar snin, flimkien mal-klawsola tas-salvagward ta’ ħames snin li nnegozjajna, jiżguraw li l-bdiewa tagħna, filwaqt li qegħdin itejbu l-prodott tagħhom u jħejju għall-kompetizzjoni, ikollhom l-għixien tagħhom salvagwardjat.
Fis-settur tas-sajd, kien hawn min ipprova jbeżża’li sħubija se tfisser invażjoni ta’ dgħajjes Ewropej li jkunu jistgħu jistadu fl-ibħra tagħna. Fin-negozjati aħna żgurajna li dan ma jkunx il-kas; li jkomplu jistadu biss dawk li għandhom liċenzja; u ma jinħarġux aktar liċenzji. Barra minn hekk, qed tiġi pprovduta għajnuna finanzjarja għas-sajjieda tagħna sabiex dawn ikunu jistgħu jinvestu fit-tagħmir li għandhom bżonn, u dan apparti l-fondi mill-Unjoni Ewropea li qegħdin jingħataw sabiex jiġu mmodernizzati l-flotta tas-sajd u l-portijiet tagħna w il-pixkerija.

Sinjuri,

Meta nagħtu ħarsa lejn dak li nnegozja l-Gvernspeċifikament għal Għawdex, irridu nżommu quddiem għajnejna li dawn in-negozjati ma sarux f’ “vacuum”, iżda f’kuntest ta’ politika li dejjem mexa biha dan il-Gvern li jagħti kas u importanza lill-bżonnijiet ta’ Għawdex. Din il-politika ġiet mwettqa permezz ta’ rikonoxximent tal-qagħda speċifika t’Għawdex. B’hekk dan il-Gvern fl-1998 reġa’ waqqaf Ministeru apposta għal Għawdex sabiex dawn il-ħtiġijiet jiġu mħarsa - politika li l-Gvern preċedenti kien għoġbu jarmi fit-22 xahar tat-tmexxija tiegħu.
Ħassejna l-ħtieġa li Għawdex għandu jingħatakas partikolari fin-negozjati ma’ l-Unjoni, għaliex il-gżira ta’ Għawdex għandhu ċerti ħtiġijiet differenti minn dawk ta’ Malta.
Għamilna kisbiet fi tlett oqsma prinċipali fejnjidħol Għawdex: dikjarazzjoni biex jitħarsu l-ħtigijiet speċjali ta’ Għawdex, għarfien li Għawdex għandu jitqies bħala reġjun NUTS III, u ċerti arranġamenti speċjali biex titjieb l-kwalita` tal-ħajja ta’ l-Għawdxin.
Id-dikjarazzjoni dwar Għawdex, li se tkun mehmużamat-Trattat ta’ Sħubija, saret sabiex jiġu indirizzati b’mod xieraq l-effetti ta’ l-insularità doppja, tal-fraġilità ambjentali, tad-daqs żgħir u d-densità għolja tal-popolazzjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi naturali.
Il-gżira ta’ Għawdex, flimkien ma’ dik ta’Malta, jikkwalifika għall-ogħla livell ta’ għajnuna mill-UE, cioe’, it-tnejn ġew rikonoxxuti li jaqgħu taħt Objective 1. Mhux biss: permezz tad-dikjarazzjoni li għamilna dwar Għawdex, aħna għamilniha ċara li meta Malta tavvanza u tilħaq livelli li jaqbżu l-massimu li jintitolaha tiġi kunsidrata bħala Objective 1, f’każ li Għawdex ikun għadu ma laħaqx l-istess livell, il-Gvern ikun jista’ jitlob li Għawdex jibqa’ jgawdi mill-ogħla livell ta’ fondi provduti mill-UE. B’hekk il-Gvern assigura li Għawdex jingħata għajnuna finanzjarja fil-proċess ta’ modernizzazzjoni li għaddej minnu sakemm ikollu bzonn.
Il-fondi mill-Unjoni Ewropea jiġu mqassma permezz ta’dak li jissejjaħ Single Programming Document (SPD), programm li jagħti d-dettalji dwar kif pajjiżna ser juża l-fondi ta’ l-UE wara sħubija. F’dan id-dokument il-Gvern ħa ħsieb li jkun hemm prijorita` separata ntitolata "L-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex" li se titratta il-bżonnijiet speċjali ta’ Għawdex.
Il-fatt li Għawdex huwa nkluż bħala prijorita` f’danis-Single Programming Document, huwa eċċezzjoni għar-regoli normali, ġaladarba l-prijoritajiet fil-pajjiżi membri l-oħra jiffukaw fuq setturi partikolari soċjo-ekonomiċi u mhux a bażi ta’ taqsim ġeografiku. B’hekk ġie assikurat li Għawdex ikollu sehem garantit tal-fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea.
Barra d-dikjarazzjoni dwar Għawdex, il-Gvern ħaħsieb jinnegozja għarfien għal Għawdex bħala reġjun NUTS III. Dan l-għarfien ifisser li se jinżammu statistiċi apposta għal Għawdex, statistiċi li jservu ta’ għodda sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-problemi t’Għawdex u s-soluzzjonijiet għalihom.
Kien hemm min kien qed jipprova jbeżża’ li bisħubija s-sussidju fuq il-biljetti tal-vapur għall-Għawdxin, u l-eżenzjoni mill-VAT fuq it-trasport bil-vapur se jispiċċaw. Fin-negozjati aħna żgurajna li dan ma jkunx il-każ, u aċċertajna li kemm dan is-sussidju kif ukoll l-eżenzjoni mill-VAT għat-trasport bil-vapur se jibqgħu. Innegozjajna wkoll perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin wara sħubija sabiex tkompli tingħata l-għajnuna għall-ġarr ta’ prodotti agrikoli bejn il-gżira ta’ Għawdex u ta’ Malta. Wara dawn il-ħames snin, din l-għajnuna ser tibqa’ tiġi mogħtija taħt forom oħra. Il-miżbla tal-Qortin se tingħalaq sa l-2004 u bil-fondi li nirċievu mill-Unjoni Ewropea se jinbena impjant ġdid għat-trattament tad-drenaġġ f’Għawdex. B’hekk se jkollna ibħra aktar nodfa, ċertament din hija aħbar tajba għall-Għawdxin kollha u għas-settur turistiku.
Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li permezz ta’sħubija, aħna se jkollna ħames siġġijiet fil-Kumitat Reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’hekk, Għawdex ser ikollu wkoll l-opportunita` li jipparteċipa f’istituzzjoni fuq livell Ewropew.


Sinjuri,

Studju ekonomiku li ġie ppreżentat il-ġimgħa l-oħraminn ekonomista internazzjonali prominenti wera’ fiċ-ċar li r-rata ta’ espanzjoni tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż tkun 5.87% aktar bi sħubija minn dak li tkun f’kas li ma nissieħbux, dan ikun ifisser li jiġu kkrejati Lm95 miljun aktar kull sena f’Malta u Għawdex f’każ ta’ sħubija. Dawnil-figuri mhumiex sorprendenti.
Jekk wieħed iħares lejn pajjiżi li ssieħbuqabilna, isib li f’kull kas, sħubija ġabet magħha tkabbir ekonomiku qawwi. Huwa faċli li wieħed iwarrab l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra billi jgħid li "aħna differenti minnhom". Waqt li huwa minnu li għandna karatteristiċi speċifiċi li ħadna ħsiebhom matul in-negozjati, jkun żball li wieħed ma jħarisx lejn l-esperjenza ta’ pajjiżi oħra li ssieħbu qabilna.
Qabel l-isħubija tagħha, il-Greċja, per eżempju,kienet ifqar minna. Issa hija aktar sinjura. L-istess kien il-Portugall li llum ukoll huwa aktar sinjur. L-Irlanda wkoll kienet ifqar minna. Il-ġid ras għal ras taċ-ċittadini Irlandiżi issa huwa d-doppju ta’ dak ta’ ċittadini Maltin. Anke f’pajjiż żgħir bħal-Lussemburgu - li jidher li qatt ma ħabbel moħħu dwar jekk ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea kienu qegħdin isiru għall-pajjiżi l-kbar biss, jew jekk kienux għaż-żgħar ukoll - iċ-ċittadini jgawdu minn ġid li huwa erba’ darbiet aktar minn dak ta’ ċittadini Maltin.
Waqt li huwa minnu li sħubija fl-UE mhix serissolvielna l-problemi kollha tagħna, iżda m’hemmx dubju li sħubija tagħtina għodda ġdida u appoġġ, anke finanzjarju, sabiex nkunu nistgħu naċċelleraw l-iżvilupp tagħna.


Sinjuri,

Jiena nqis li dawn in-negozjati kienu suċċessgħaliex f’kull settur, f’kull qasam tan-negozjati, il-Gvern flimkien ma’ l-istakeholders ħejja u nnegozja pożizzjonijiet li kienu tassew nazzjonali.
Tkellimna mas-setturi kollha interessati f’pajjiżna,fi proċess trasparenti u miftuħ fejn instemgħu l-veduti ta’ kulħadd, u fejn kulħadd kellu l-opportunità li jaffettwa r-riżultat. Hu issa d-dmir tiegħi li nirringrazzja lil membri kollha tal-MEUSAC f’dan ir-rigward - fosthom numru ta’ entitajiet Għawdxin, li dejjem sabu mezz biex jattendu minkejja d-distanza li kellhom jivvjaġġaw.
Nixtieq insemmi wkoll is-servizz importanti li ta, ugħadu qed jagħti, iċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni Malta-Unjoni Ewropea, sabiex il-poplu Malti u Għawdxi, fi żmien daqshekk kruċjali, ikun jista’ jieħu d-deċizjonijiet meħtieġa a bażi ta’ informazzjoni soda, kompleta u oġġettiva.
Kif għidt kemm-il darba, filwaqt li huwa importantili neżaminaw ir-riżultati tan-negozjati bir-reqqa, għandna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-istampa aktar wiesa’. It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea li ser isir f’Mejju tas-sena d-dieħla huwa avvenniment uniku fl-istorja tal-kontinent tagħna. Proċess li jerġa’ jgħaqqad il-kontinent Ewropew wara għexieren ta’ snin ta’ diviżjoni. Proċess li jkattar is-solidarjeta` u l-istabilita` bejn il-popli kollha ta’ l-Ewropa.
Ilkoll naqblu li pajjiżna għandu dejjem isostni ujżid ir-rata tiegħu ta’ żvilupp ekonomiku, politiku, soċjali, u kulturali. Issa rridu niddeċiedu kif pajjiżna jista’ jilħaq dan il-għan bl-aħjar mod – flimkien mal-pajjiżi sħabna Ewropej bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, jew billi nfendu għal rasna, waħedna?
Fil-ġimgħatejn li fadlilna sar-referendum, senisimgħu ħafna argumenti favur u kontra sħubija fl-Unjoni Ewropea. Iżda fit-8 ta’ Marzu, irid ikun kull wieħed u waħda minna, li jiddeċiedi, fir-referendum apposta li ġie mwiegħed minn dan il-Gvern. Għandi fiduċja kbira li l-għażla finali tal-poplu Malti u Għawdxi tkun l-aħjar waħda għall-futur tagħna, ta’ uliedna u ta’ pajjiżna. Tkun dik li nsibu postna, kif jistħoqqilna, bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow