Left arrow Go Back

Il-proġett fil-Ponta ta’ Tigne miexi kif ippjanat

PR230
Date Icon 20/02/2003

Meta zar xoghlijiet li qeghed isiru mill-Konsorzju MIDI fil-progett tal-ponta ta’ Tigne’, Dr. Francis Zammit Dimech, Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fit-twettiq tal-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne, il-Gvern ħaseb li jitħalltu flimkien il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, li hu tant preżenti f’dawn iż-żewġ siti, u li jkun hemm ċentru urban li hu uniku għal pajjiżna.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li filwaqt li xogħol ta’ restawr kien qed isir sew fil-Ponta ta’ Tigne’ kif ukoll f’Manoel Island, l-iżvilupp urban kien konċentrat fuq in-naħa ta’ Tignè, fejn wara li kien żmantellat il-Blokk tat-Torri ta’ l-Arloġġ f’Tigne biex jerġa’ jinbena, tħaffret ħofra kbira fejn se tinbena triq taħt l-art, se jkun hemm faċilitajiet għall-parkeġġ, ħwienet u żvilupp ta’ pjazza.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal fuq in-naħa ta’ Tigne

  • Ġiet restawrata il-Kappella ta’ San Luqa, li issa qed tintuża bħala l-marketing and sales office tal-MIDI. Ix-xogħol ta’ restawr li sar f’din il-kappella hu ta’ l-ogħla livell u ta lil din il-kappella d-dehra oriġinali tagħha.
  • Ġie żmantellat it-Torri ta’ l-Arloġġ li nbena fid-19 il-Seklu. Il-ġebel inħażen biex qed jinbnew mill-ġdid l-faċċati tal-Blokk tat-Torri ta’ l-Arloġġ li se jingħata lill-Gvern u l-faċċata tal-Retail and Leisure Mall li se jkollu ground tal-football bħala saqaf.
  • It-tindif tal-Forti Tigne’ li kien fi stat ħażin ħafna b’vandaliżmu lill-arkitettura storika tiegħu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li issa beda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċentru urban li fil-ħames snin li ġejjin se jinkludi:

  • Il-bini mill-ġdid tal-Blokk tat-Torri ta’ l-Arloġġ, li jinkludi kmamar għall-Assożjazzjoni Sportiva Tigne’.
  • Bini ta’ 12-il residenza li se jingħataw lura lill-Gvern biex jgħaddihom lil residenti li kienu joqgħodu Tigne’. Se jingħataw ukoll lill-Gvern 24 slot għall-parkeġġ taħt l-art.
  • Il-bini mill-ġdid tal-ground tal-football, kif ukoll kmamar u gyms li se jiġu trasferiti lill-Gvern li se jgħaddihom lis-Sliema Wanderers’ Football Club.
  • Żvilupp ta’ pjazza li jinkludi spazju miftuħ terz akbar minn Pjazza Reġina fil-Belt, b’boutiques, u żvilupp ta’ catering outlets fil-livell ta’ l-art, duplex apartments u uffiċji f’żewġ livelli fuq dak ta’ l-art u tlitt livelli ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art.
  • 192 residenza f’Tigne South.
  • Żvilupp ta’ retail & leisure mall li jinkludi sistema kbira ta’ distribuzzjoni tat-traffiku taħt l-art flimkien ma’ parkeġġ pubbliku għall-karrozzi li jipprovdi parkeġġ għal dawk li jmorru Tigne’ u parkeġġ għar-residenti ta’ Tigne South.
  • Triq pubblika taħt l-art li tgħaddi minn Tigne’ Point u li se tingħata lura lill-Gvern.
  • Landscaping u ħolqien ta’ passaġġi għall-pubbliku biex jissebbħu l-inħawi fin-Nofsinhar li jħarsu lejn ix-xatt madwar il-Ponta ta’ Tigne.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett, li kien ilu jissemma’ għal aktar minn 40 sena u li nfirex biex minbarra Manoel Island, ikopri ukoll il-Ponta ta’ Tigne, issa qabad ritmu tajjeb. Hu qal li l-investiment ta’ Lm140 miljun li l-konsorzju MIDI kien qed jagħmel fl-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi kien bla dubbju ta’ xejn investiment tajjeb li mhux biss kien se jirrendi għall-konsorzju iżda kien se jibdel dawn l-inħawi f’ċentru urban li ħafna jqisuh bħala l-ewwel ċentru urban kbir li ġie ippjanat f’Malta minn mindu inbniet il-belt Valletta.

Francis Zammit Dimech fakkar li fl-ippjanar ta’ dan iċ-ċentru il-konsorzju MIDI ma ħalla xejn milli jkun hemm l-aħjar xogħol ta’ restawr u ta’ bini. Hu qal li s-serjeta’ li bih qed jitwettaq dan il-proġett diġa qed jagħti r-riżultati mixtieqa lill-konsorzju MIDI li diġa biegħ l-appartamenti li poġġa fis-suq f’Tigne’ South, minkejja li għadhom ma nbnewx.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kien ta’ sodisfazzjon għalih li mhux biss wassal biex intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-konsorzju MIDI, iżda biex wassal għal ftehim mal-partijiet kollha li kellhom residenzi, faċilitajiet sportivi u postijiet tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat tal-proġett. Francis Zammit Dimech qal li kien ukoll sodisfatt mix-xogħol li qed isir li kien qed jimxi mat-timeframes stabbiliti.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

More Press Releases Right arrow