Left arrow Mur Lura

Proġett ta’ titjib fl-inħawi tal-Bus Terminus tal-Belt

PR226
Date Icon 19/02/2003

Meta kien qed izur ix-xoghlijiet ta’ tisbih u titjib li qed isiru fit-Terminus ta’ Bieb il-Belt, Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li kien il-ħsieb tal-Gvern li jtejjeb u jsebbaħ l-inħawi tal-Bus Terminus f’Bieb il-Belt, sakemm jitwettaq aktar ’il quddiem, il-proġett tad-daħla tal-Belt li jkopri l-bini ta’ bus terminus ġdid u modern.

Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett inqasam fi tliet fazijiet li s’issa tlestew tnejn minnhom. Hu qal li -

Fl-ewwel fażi li twettqet bejn Ottubru u Diċembru tas-sena l-oħra, sar ir-re-routing tas-servizzi fl-inħawi ta’ Salinos Ground. Dan ix-xogħol kien jinvolvi il-bini ta’ service duct għall-cables tal-Korporazzjoni Enemalta u ta’ tqegħid ta’ pajpijiet taħt l-art għall-cables tal-Maltacom u l-Melita Cable.

It-tieni fażi, li bdiet fis-6 ta’ Jannar, kienet tikkonsisti

  • fil-qlugħ tal-wiċċ ta’ l-art,
  • l-għoti ta’ saff ta’ konkos biex tiġi stabilizzata l-area tal-bus terminus,
  • inbnew passaġġi aħjar għan-nies bl-iskop li jkun żgurat li l-qies għall-parkeġġ tal-karrozzi tal-linja jkun biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-karrozzi l-ġodda li huma ikbar u usa,
  • tqegħid ta’ arbli ġodda tad-dawl,
  • kisi mill-ġdid ta’ passaġġi għan-nies b’asfaltar ikkulurit,
  • tqegħid ta’ sistema tad-drenaġġ biex jingħaqdu magħha il-faċilitajiet kollha eżistenti u hekk jitneħħew il-pajpijiet li hemm imdendlin mas-swar.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’din il-fażi id-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija sab l-appoġġ u l-għajnuna ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport, l-Bus Drivers Association u l-Pulizija.

F’din il-fażi wkoll, tqiegħdu u ngħataw is-servizzi ġodda ta’ l-Enemalta, Melita Cable, Maltacom u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor li sar kien jinkludi tiswija ġenerali u manutenzjoni tal-kiosks eżistenti u t-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ strutturi perikolużi. Fil-kiosks il-kbar, il-blokki tal-ħġieġ se jinksew b’faxex ta’ l-injam biex tittejjeb id-dehra estetika ta’ dawn l-istrutturi. Ħdejn Salinos Ground inbena ħajt biex titnaqqas ir-rampa li kien hemm u biex inħolqot pjazzetta bi ħwat għas-siġar, bollards, railings u arbli dekorattivi tad-dawl.

Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor qed isir biex tkun modernizzata il-Public Convenience fl-inħawi, xogħol li jinvolvi t-twaqqigh ta’ partijiet mis-saqaf, u l-bini mill-ġdid tiegħu.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien il-ħsieb li l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett, li tinkludi n-naħa l-oħra tal-bus terminus, tibda titwettaq wara nofs Marzu bl-iskop li ma jkunux ostakolati l-festi tal-karnival, u li ma jsirx xogħol fi żmien ir-referendum meta l-pulizija tkun impenjata ħafna f’ħidmiet oħra.

Francis Zammit Dimech qal li parti importanti minn dan il-proġett, li sejiswa ’l fuq minn Lm200,000, kien it-tneħħija tal-katusi tad-drenaġġ li twaħħlu mas-swar li jagħtu għall-foss taħt Bieb il-Belt, u li kienu ta’ sfreġju għal parti hekk importanti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna. Hu qal li dawn il-katusi kkaġunaw ħsara u kerrħu s-swar u kienet ilha tinħass il-ħtieġa li jitneħħew. Issa li għaddiet sistema ġdida tad-drenaġġ minn taħt l-art dawn il-katusi setgħu jitneħħew.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li f’dawn l-aħħar sentejn il-Ministeru li għalih huwa kien responsabbli, kien beda skema li dawn l-inħawi jitnaddfu tul il-jum kollu. Saret ukoll manutenzjoni u tiswija tal-funtana tat-tritoni li kellha l-mekkaniżmu tagħha fi stat ħażin. Hekk, anke din il-funtana qiegħda issa titħaddem b’mod regolari.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern preżenti pogga t-tisbiħ u l-immodernizzar ta’ pajjiżna bħala waħda mill-prioritajiet tiegħu. Hu qal li t-titjib u t-tisbiħ li qed isir f’dawn l-inħawi huwa xhieda ċara li l-Gvern iwettaq dak li jwiegħed, biex itejjeb dejjem aktar il-livell tal-għajxien tal-poplu Malti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow