Bormla qed tingħata dehra ġdida
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma kollha tal-Gvern preżenti fil-Kottonera hi mmirata lejn li t-tlitt ibliet jiġu riġenerati mhux biss biex jingħataw il-prestiġju li kienu jgawdu bħala parti importanti mill-wirt storiku ta’ pajjiżna, iżda biex ir-residenti ta’ dawn l-inħawi jgawdu mill-ġid li qed jiġi ġenerat u li se jikber bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, bil-fondi li din is-sħubija iġġib magħha, biex inkattru proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni. Il-Ministru kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni tar-restawr li sar fil-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla.
Francis Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar erba’ snin Bormla ħadet is-sehem tagħha mill-fondi li l-Gvern jgħaddi kull sena lill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera. Hu fakkar li fl-aħħar snin f’Bormla twettqu diversi proġett fosthom
- Ir-restawr tal-mina ta’ Santa Liena,
- Ir-restawr tas-swar biswit l-istess mina, ir-restawr ta’ parti mis-swar Polverista,
- Il-pavimentazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita.
Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien ukoll responsabbli mit-twaqqigħ tal-ħajt maġenb il-baċir Numru 1, li kien qed joħnoq iċ-ċentru ta’ Bormla. Flok dan il-ħajt ittella’ lqugħ baxx b’ħadid dekorattiv fuqu. Ġiet ukoll pavimentata l-bankina tul dan il-ħajt filwaqt li tneħħew żewġ krejnijiet ġiganteski ma’ ġemb il-baċir Numru 1 li kienu jkerrħu l-inħawi .
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li matul din is-sena kienu se jitwettqu proġetti ta’ pavimentazzjoni ta’ Pjazza Paolino Vassallo u ta’ Triq San Mikiel kif ukoll titjib ta’ spazji miftuħa.
Francis Zammit Dimech qal li f’nofs dawn il-proġetti kollha, u f’nofs it-toroq li jwasslu għaċ-ċentru ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu hemm il-Knisja ta’ San Pawl, ġojjel ta’ arkitettura u storja li tul is-snin sofriet mhux biss minn tniġġiż mit-traffiku iżda anke minn tniġġiż kaġunat minn industrji u vapuri li kienu jużaw dawn l-inħawi u t-tarzna.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-Kottonera fl-1999 iddeċieda li wieħed mill-ewwel proġetti li kellu jwettaq fil-Kottonera kien ir-restawr ta’ din il-Knisja minn ġewwa u minn barra. Hu qal li kien xieraq li dan iseħħ għaliex din il-Knisja kienet waħda storika li nbniet fl-1741 fuq sit fejn fl-1590 kien hemm knisja oħra u anke minħabba l-ħsara kbira li kienet saret lill-ġebla tul is-snin li kompliet kibret minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni.
Francis Zammit Dimech qal li f’testijiet u analiżi li saru fuq il-ġebla tal-knisja nstab li kien hemm saffi ta’ depożiti superfiċjali kaġunati minn tniġġiż li għamel ħsara lill-ġebla li kompliet tiswied minn trabijiet u emissjonijiet minn vetturi. Dan kien jeħtieġ tindif b’ilma pur u b’metodoloġija li tiggarantixxi t-tindif tal-ġebla mingħajr ilma żejjed u mingħajr ma titrattab il-ġebla. Hu qal li ngħatat ukoll attenzjoni speċjali għat-tessut tal-ġebla. Elementi ta’ skultura li ddeterjoraw tnaddfu, ġew desalinati u konsolidati filwaqt li partijiet nieqsa nbnew mill-ġdid.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li filwaqt li bl-interventi li saru l-faċċata tal-Knisja ngħatat lura d-dehra oriġinali tagħha, ġewwa saret ħidma biex l-iskema ta’ kuluri insensittiva għall-arkitettura Barokka nbidlet. Hekk il-knisja nżebgħet mill-ġdid minn ġewwa fuq skema ta’ kuluri li żviluppa l-Inġinier Innocent Centorrino. Hija l-intenzjoni tal-Proġett għar-Riabilitazzjomni tal-Kottonera li ’l quddiem jirrestawra l-pitturi u xogħlijiet oħra li hemm f’din il-knisja.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Kottonera kienet qed tingħata l-ħajja mill-ġdid sew minħabba d-diversi proġetti li qed iwettaq il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, sew minħabba l-proġetti kbar li qed iwettaq il-Gvern, fosthom dawk tad-Dar ta’ l-Anzjani, il-Kumpless Sportiv u l-bini ta’ djar u anke minħabba l-Proġett tal-Kottonera li kien qed jitwettaq minn żewġ konsorzi privati u li kien qed jiġbed lejn dawn l-inħawi investiment importanti. Francis Zammit Dimech qal li f’din il-ħidma kollha, il-Gvern kien qed isib l-appoġġ tal-Kunsilli Lokali tat-tliet lokalitajiet li kienu jemmnu li bil-koperazzjoni mal-Gvern Bormla, l-Isla u l-Birgu setgħu jgawdu mill-ġid nazzjonali.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lil dawk kollha li għenu biex il-proġett ta’ restawr tal-Knisja ta’ San Pawl ta’ Bormla sar realta’. Hu irringrazzja b’mod speċjali lil Koordinatur Eżekuttiv tal-Cottonera Rehabilitation Project, lill-Perit li ppjana u li taħt id-direzzjoni tiegħu twettqu x-xogħlijiet u lill-ħaddiema li fiżikament wettqu dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932