Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU TA' L-EDUKAZZJONI, L-ONOR. DR. LOUIS GALEA FL-OKKAZJONI TAL-PREZENTAZZJONI TAL-WARRANTS LILL-GĦALLIEMA – SAN GILJAN - 13 TA' FRAR 2003.

PR198a
Date Icon 13/02/2003

L-Għalliema għandhom jagħmlu differenza

Hu dejjem pjaċir tiegħi niltaqa' ma' l-għalliema,partikularment fl-iskejjel, kemm governattivi kif ukoll tal-Knisja jew Indipendenti. Iżda l-okkazzjoni ta' llum għandha sinifikat partikulari għall-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u speċjalment għalikom. Hi ċelebrazzjoni sabiħa għaliex permezz tagħkom, il-Ministeru qiegħed jassikura, illum aktar minn qatt qabel, li fl-iskejjel għandna għalliema professjonali, imħejjija sewwa fit-teorija u fil-prattika permezz ta' kors universitarju biex jgħallmu lill-istudenti.
Se tingħataw il-Warrant li jagħtikom id-drittlegali biex tipprattikaw il-professjoni tagħkom. Professjoni tfisser servizz b’dedikazzjoni, b’impenn lejn il-klijenti, fil-każ tagħkom l-istudenti. Il-professjoni ta' għalliema hija unika għaliex il-klijenti ma jidhrux quddiem l-għalliema għal ftit ħin waqt zjara, jew għal ftit ġranet. L-għalliem jgħix u jaħdem flimkien ma' l-istudenti għal sigħat kuljum matul is-sena skolastika kollha.
B'hekk isir jafhom individwalment mill-qrib,bil-potenzjal, bil-kapaċitajiet, bil-bżonnijiet, bl-aspirazzjonijiet u anke bil-problemi u d-diffikultajiet tagħhom. L-għalliema ma jgħallmux biss suġġetti iżda jedukaw u jagħtu formazzjoni ta’ karattru lill-istudenti. Jedukaw permezz ta' kliemhom u aktar u aktar permezz ta' għemilhom u mġibithom. L-għalliema aktarx jidhru bħala mudelli quddiem l-istudenti. Mudelli li mhux dejjem perfetti għaliex umani, iżda wisq aktar kredibbli għaliex anke huma għandhom in-nuqqasijiet tagħhom jew, bħal kull ħadd ieħor, il-ġranet jew żmenijiet diffiċli matul ħajjithom. Bħall-istudenti, l-għalliema jieħdu magħhom fl-iskola dak li jgħaddu minnu matul il-ħajja tagħhom privata. U għalhekk jitgħallmu jifhmu u jagħdru ahjar lill-istudenti.
L-għalliema professjonali mistennija jagħmludifferenza. Il-professjoni mistennija li tagħti servizz skond il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-klijent. Allura l-għalliem ma jkollux klassi sħiħa quddiemu, iżda grupp, jew aħjar komunita', ta' individwi, bix-xewqat, bl-imġieba, bl-intelliġenza, bir-rispons partikulari tagħhom. U l-għalliem mistenni jaghmel id-djonjosi għall-bżonnijiet ta' kull student individwali biex imbagħad joffrilu dak li jeħtieġ u jixraqlu.
L-enfasi li l-istudent bħala individwu għandu jkuniċ-ċentru ta' l-attenzjoni għall-għalliem toħroġ ċar mill-Kurrikulu Nazzjoniali, Kurrikulu li għandu l-iskop li, gradatament iżda b'modi speċifiċi, jittrasforma l-edukazzjoni f'pajjiżna biex "inwelldu l-ġejjieni flimkien". Il-Kurrikulu jagħti direzzjonijiet ċari, jistabilixxi prinċipji, iqiegħed objettivi, ikopri l-aspetti differenti għal żvilupp sħiħ tal-persuna fil-livell kindergarten, primarju u sekondarju.
Mid-dokument u mill-prinċipji għaddejnagħall-fatti. Għaliex l-edukazzjoni aktar milli mimlija bi ġrajjiet, hija process dinamiku, ħaj, kontinwu li jrid jaddatta ruħhu maż-żmien, mal-lokalita', u b'mod partikulari għall-individwu. Biex inkunu nistgħu "inwelldu l-ġejjieni flimkien" il-Ministeru ma kienx lest li jippreżenta dokument mingħajr ma joffri fl-istess ħin l-għodda, il-mezzi, il-faċilitajiet u s-servizzi meħtieġa biex dan id-dokument jitwettaq. Waqqafna għadd ta' Gruppi li Jiffokaw (Focus Groups) fuq oqsma partikulari ta' l-implimentazzjoni tal-Kurrikulu u issa tajnihom anke post mfassal u armat apposta minn fejn jaħdmu. Il-Gruppi mistennija jimxu pass pass ma’ l-għalliem fl-implimentazzjoni tal-Kurrikulu billi joffrilu diversi metodi kif iwassal it-tagħrif, l-attitudnijiet, l-iskills, il-valuri. Biex l-istudent isibha faċli jitgħallem u jsir iħobb it-tagħlim. Irridu niftakru li għandna diversi ċentri ta’ riżorsi, bħalma huma l-Educational Assessment Unit, it-Teachers’ Documentation Centre, iċ-Ċentri għat-tagħlim ta’ l-Ingliż, tal-Franċiż, tal-Ġermaniż u ta’ l-Għarbi, iċ-Ċentru għax-Xjenza, il-Unit ta’ li Speċial Learning Difficulties, id-Drama Unit, il-Literacy Unit u l-Let Me Learn Unit – kollha ċentri li jistimulaw il-kurrikulu f’diversi oqsma u għandhom l-għan li jaġġornaw is-sillabi skond il-Kurrikulu Nazzjonali.
Irridu li kull student f'Malta u f'Għawdexjiżviluppa l-kapaċitajiet tiegħu biex ikun sodisfatt fl-iskola u matul ħajtu u biex ikun jista' jikkontribwixxi għall-ġid ekonomiku u soċjali ta' pajjiżu. Irridu nassikuraw li ħadd ma jibqa' lura jew jitħalla barra billi nagħtuh tagħlim u edukazzjoni bażiċi b'kompetenzi li permezz tagħhom ikun jista' jkompli jitgħallem waħdu u jiżviluppa lilu nnifsu. Irridu ngħallmuh kif jistudja, kif janalizza, kif ifittex, kif ikun kreattiv, kif jaħseb u jirraġuna. Irridu noħolqu okkażżjonijiet biex ngħallmuh kif jgħix, x'għandu jiekol, kif għandu jġib ruħu ma' sħabu, kif jista’ jgħin lil ta’ madwaru. U l-għalliem mistenni jagħmel differenza kbira fit-tagħlim u fl-edukazzjoni.
Waqt iż-żjajjar li nagħmel fl-iskejjel nosservamill-qrib il-mod kif qegħdin jiżviluppaw l-iskejjel tagħna. Irridu noħolqu ambjent ta' komunita' fi ħdan l-iskola, komunita' li tagħti support, tistudja, tilgħab, tifraħ, tiċċelebra, tgħix flimkien. Nosserva bi pjaċir kemm fl-iskejjel qed isir żvilupp ippjanat permezz ta' li School Development Plans li issa daħlu fl-iskejjel kollha, b'għanijiet speċifiċi li jridu jintlaħqu u b’evalwazzjoni u b'kejl li jindika sa fejn ikun irnexxielhom. Dan qed jiġri għaliex il-mexxejja ta' l-iskejjel saru managers aktar professjonali li mhux biss jamministraw minn jum għal ieħor, sena għal oħra, iżda janalizzaw is-sitwazzjoni partikulari ta' l-iskola tagħhom u jfasslu l-pjan skond il-bżonnijiet, il-karatteristiċi, l-identita' u l-kariżma partikulari. Qed nosserva b’sodisfazzjon il-parteċipazzjoni ta' l-għalliema fit-tfassil tal-pjan ta' żvilupp ta' l-iskola. Nixtieq nara aktar parteċipazzjoni attiva anke tal-ġenituri u ta' l-istudenti nfushom kif ukoll tal-ħaddiema l-oħra fl-iskola.
Biex is-sens ta' komunita' jissaħħaħ u kulħaddjagħti sehem u jinġibed ħabel wieħed jeħtieġ ninvolvu wisq aktar lill-Kunsilli ta’ l-Iskola fil-ħidma ta’ l-iskejjel ta’ kuljum kif ukoll fl-iżvilupp strateġiku tagħhom. Flimkien ma’ l-iskejjel nixtiequ niżviluppaw l-iskejjel bħala ċentri tat-tagħlim fil-komunita’ fejn il-ġenituri wkoll jattendu l-iskola biex jitgħallmu. Qed naħdmu biex il-Kunsilli Skolastiċi jkunu aktar effettivi u jagħtu sehemhom fit-tkabbir ta’ l-awtonomija ta’ l-iskejjel.
Fil-qasam ta' l-ippjanar diġa' ngħata taħriġapposta li sab sisien sodi fl-għadd kbir ta' mexxejja ta' skejjel u għalliema li għandhom kwalifika fl-amministrazzjoni ta' skola. L-ippjanar mill-iskejjel individwali għandu jwassal għal aktar awtonomija ta' l-iskejjel miċ-ċentru - ippjanar li jsir fejn l-azzjoni jeħtieġ tittieħed.
Wieħed josserva li matul is-sena jsir għadd kbir ta'in-service courses għall-għalliema. Fil-fatt ma tistax issejjaħ lilek innifsek professjonali jekk kemm il-darba ma żżommx ruħek aġġornat kemm mal-kontenut tas-suġġett li tgħallem kif ukoll mal-metodoloġija ta' kif tgħallmu. Il-parteċipazzjoni qawwija ta' l-għalliema fit-taħriġ kontinwu hija garanzija għall-ġejjieni ta' l-edukazzjoni f'pajjiżna. Skop ewlieni tal-korsijiet hu li l-għalliema jaġġornaw ruħhom mal-Kurrikulu l-ġdid u l-implimentazzjoni tas-sillabi fis-suġġetti differenti. Fl-istess ħin dawn il-korsijiet iħejju aħjar lill-għalliema fl-implimentazzjoni ta’ programmi speċifiċi f’suġġetti differenti. Matul Lulju u Settembru ġew organizzati 77 kors li għalihom attendew 2,430 għalliem. Dan ifisser li l-għalliema qed jaġġornaw ruħhom b’mod regolari. Tkun ħaġa rakkommandabbli ħafna li l-għalliema ġodda jagħtu sehem fl-aġġornament ta’ l-iskejjel billi jintroduċu ideat u metodi ġodda. Bħalma l-għalliema l-ġodda għandhom ukoll x'jitgħallmu mill-għalliema ta' esperjenza fil-mod kif jorganizzaw u jmexxu klassi, fil-mod kif iżommu dixxiplina li ma toħnoqx l-individwalita’ ta’ l-istudenti. L-għalliema ġodda mistennija jdaħħlu entużjażmu ġdid fit-tagħlim u fl-edukazzjoni. Biex anke hawn jagħmlu differenza.
B'danakollu, jiena konxju tal-fatt li l-għalliemaġodda mhux dejjem isibu ruħhom f'sitwazzjoni ideali. Ġieli jħossu differenzi kbar bejn it-tagħlim akademiku fl-universita’ u l-prattika fil-klassi. U hawn jistgħu jeħtieġu s-support tal-mexxejja ta' l-iskola u tal-kollegi professjonali tagħhom, li b'mod sensittiv jagħtuhom is- support meħtieġ fl-ewwel snin tal-karriera tagħhom.
Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi twaqqfetbiex tissupplementa u tikkomplementa l-ħidma edukattiva tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Fil-fatt, nieħu pjaċir nosserva kollaborazzjoni sħiħa mill-qrib bejn iż-żewġ entitajiet. Il-Fondazzjoni għandha l-iskop li toffri servizz edukattiv addizzjonali lil studenti li jeħtiġuh, kemm fl-iżvilupp tagħhom edukattiv kif ukoll f’dak personali u soċjali. F'dan il-qasam, il-Fondazzjoni qed tiżviluppa programmi innovattivi li jistimulaw l-interess ta' l-istudent u jgħinuh ikun kreattiv. Qed tiżviluppa wkoll it-talenti ta' studenti li huma b'pontenzjal u intelliġenza qawwija. Il-Fondazzjoni mistennija tesperimenta b’metodoloġiji ġodda biex imbagħad ixxeridhom fl-iskejjel. Għalhekk qed twettaq għadd ta’ programmi, bħal, Id f’Id, Ħilti, Ħilti Teżor, Inwar, PEFaL u Young Writers’ Club. Napprezza s-sinerġija li hemm bejn il-Fondazzjoni u l-inizjattivi fil-litteriżmu mill-Complementary Education Unit.
Fil-qasam ta' studenti bi bżonnijiet speċjali,ħadna ħsieb li jsir titjib vast fil-faċilitajiet fl-iskejjel speċjali biex hawnhekk jingħataw l-aħjar edukazzjoni possibbli fiċ-ċirkostanzi. Hija x-xewqa tagħna li aktar għalliema, anke żgħażagħ, jispeċjalizzaw fil-ħtiġijiet speċjali ta' l-istudenti biex ikun jista' jingħata programm edukattiv komplet.
Għamilna passi kbar fil-qasam ta' l-EdukazzjoniInklussiva bl-iskop li nintegraw l-akbar numru possibbli ta' studenti fl-iskejjel mainstream. Għandna kważi 560 persuna li jiffaċilitaw it-tagħlim ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali. Dan is-servizz qed jiġi kkordinat minn Assistant Direttur ġdid. Qed naċċertaw li t-taħriġ tal-facilitators ikun tassew professjonali biżżejjed biex ikunu jistgħu jimplimentaw b’mod effettiv il-Programm Edukattiv Individwali ta' kull student – biex l-istudent jingħata l-aħjar edukazzjoni possibbli. Fl-istess ħin, qegħdin noffru status ġdid u remunerazzjoni xierqa lil min jakkwista d-diplima f'dan il-qasam sensittiv. Komplejna fil-programm ‘Let Me Learn’ biex nitgħallmu naddattaw it-tagħlim skond il-mod kif kull student jitgħallem.
Nixtiequ nkomplu ntejjbu s-servizzi tagħna favur l-istudentu b'sapport għall-għalliema permezz ta' għalliema specjalizzati, psikoloġi, Social Workers, għalliema peripatetiċi, speċjalment fil-qasam ta' tagħlim komplementari. Matul is-sena, l-għadd ta’ għalliema kumplementari tela’ minn 54 għal 74 biex l-għadd ta’ studenti li jieħdu dan is-servizz żdied minn 1,659 għal 2,084 u s-servizz seta’ jespandi matul il-livell primarju. B’kollox insibu 250 għalliem peripatetiku li jkopru wkoll l-Iżvilupp Soċjali u Personali, it-Thinking Skills, ix-Xjenza u l-Edukazzjoni Fiżika, Drama, Mużika, u Arti.
Qegħdin nassikuraw li l-iskejjel tagħna jkunuprotetti permezz tas-Safe Schools Programme, Child Safety Services, Substance Abuse Unit, Anti-Bullying Unit, Guidance and Counselling Services, Psychological Services, Art Therapy, u permezz tal-Peripatetic Service in Support of Alcohol and Drugs Awareness Programme, Sexuality and Relationship Education, u l-Unit Għożża– servizzi li illum qegħdin inħossu l-ħtieġa tagħhom wisq aktar minn qatt qabel.
Qasam li qed isir ħafna xogħol bil-kwiet fih hu dakta' l-illitettriżmu. Barra li żdiedu sew l-għadd ta' għalliema komplementari fl-iskejjel li jagħtu sapport individwali lill-istudenti, bqajna għaddejjin bi programmi edukattivi f’dan il-qasam. Bħalma kien sar studju dwar l-illitteriżmu fl-1999, sar ieħor 2002 u issa qegħdin inqabblu r-riżultati biex ikollna bażi xjentifika fuqhiex nibnu l-programmi tagħna. Il-UNESCO qed tiddedika l-għaxar snin li li ġejjin biex isir sforz internazzjonali biex jitnaqqas l-illitteriżmu. Irridu nagħmlu dak kollu meħtieġ biex l-illitteriżmu f’pajjiżna matul dawn l-għaxar snin jinżel sa’ l-iċken livell possibbli, mhux biss fost it-tfal iżda anke fost il-kbar. Tfal illitterati huma tfal żvantaġġjati.
Il-Unit ta’ l-iSpecial Learning Difficultieskompla jagħti servizz mhux biss lill-istudenti iżda wkoll lill-għalliema fl-iskejjel. Das-servizz irridu nkabbruh f’qasir żmien.
Biex insaħħu l-fergħa tat-Teknoloġija Ġenerali utat-Teknoloġija ta' l-Informatika waqqafna dipartiment ġdid b'Direttur mgħejjun bi staff speċjalizzat. Għamilna investiment qawwi ta' madwar Lm9,000,000 matul dawn l-aħħar snin fit-Teknoloġija ta’ l-Informatika biex nipprovdu kompjuters f'kull klassi primarja u fil-laboratorji fil-klassijiet sekondarji, kif ukoll biex l-iskejjel kollha jingħaqdu flimkien u jingħata servizz estensiv ta' internet u e-mail. Issa rridu nisfruttaw bil-qawwi l-infrastruttura li diġa' teżisti fit-tagħlim ta' kull suġġett fil-Kurrikulu. Sar diġa' ħafna xogħol siewi bħala parti minn programm vast f'qasam importanti ħafna għall-ġejjieni tal-pajjiz li qed iwassal biex l-istudenti kollha li joħorġu mill-iskola jkunu “information technology literate". Daħħalna wkoll fl-iskejjel sekondarji l-ECDL (il-European Computer Driving Licence) li issa qed ikun meħtieġ għall-eżamijiet pubbliċi.
It-Teknoloġija Ġenerali qed tidħol gradatamentfil-livell sekondarju u gradwalment anke fil-livell primarju fejn qed tiġi integrata max-Xjenza, bħala parti integrali mill-Kurrikulu. Hawnhekk fornejna l-workshops meħtieġa u għammarnihom bl-aħħar għodda u apparat addattat. Fl-istess ħin sar it-taħriġ ta' l-għalliema għal dan is-suġġett li jrid jitwassal b'metodloġija partikulari li tistimula l-ħsieb ta' l-istudent.
Bħalma stqarrejna fil-Kurrikulu Nazzjonali, manistgħux noffru edukazzjoni sħiħa mingħajr ma jkollna ambjent xieraq għall-bżonnijiet u l-aspettattivi ta' llum. Aħna nemmnu li l-ambjent fiżiku ta' l-iskola għandu jixpruna l-aspett edukattiv u hu parti integrali mill-esperjenza edukattiva. Għalhekk waqqafna l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada li diġa' wettqet għadd kbir ta' proġetti fir-riabilitazzjoni u tisbiħ ta' l-iskejjel eżistenti b'mod li l-progress reġistrat fil-maġġoranza ta' l-iskejjel jidher, jinħass u hu apprezzat mill-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri. Il-Fondazzjoni issa għaddejja bi proġetti kbar biex tibni u tiżviluppa l-iskejjel verament t'għada bil-faċilitajiet, l-ispazji u s-servizzi kollha li titlob sistema edukattiva fis-seklu wieħed u għoxrin.
Irridu nkomplu ngħollu u nwessgħu l-orizzontitagħna. Niftakru fil-miraklu li wettaqna fil-qasam ta' l-edukazzjoni terzjarja fl-Universita'. Minn Universita' ta' ftit mijiet f'għadd limitat ta' korsijiet, b'numerus clausus f'diversi minnhom, fi ftit snin investejna bil-qawwi biex żviluppajna Universita' ta' 10,000 student b'firxa vasta ta' korsijiet li kollha jitqabblu pożitivament ma' korsijiet simili fl-aqwa Universitajiet ta' l-Ewropa. Dan il-progress lesti nsostnuh f’kull ċirkostanza. Perswaz li l-opportunitajiet li għandhom l-istudenti llum li jgħaddu xi żmien jistudjaw f'xi Universita' fl-Unjoni Ewropea se jkomplu jiżdiedu bid-dħul ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja. F'dal-qasam għamilna pass leġislattiv biex nirrikonoxxu l-kwalifiċi akademici u professjonali. Tajjeb li wieħed ifakkar li bħalissa, fl-Ingilterra biss hemm madwar 300 student jistudjaw f’livell post-graduate. Dan in-numru jirdoppja hekk kif Malta tidhol fl-Unjoni Ewropea u l-istudenti Maltin jibdew ihallsu rati ta’ cittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u mhux rati ta’ barranin.
Issa qegħdin ninvestu bis-sħħh biex is-suċċessli rnexxielna nakkwistaw fl-Unviersita' nirrepetuh bl-istess ħeġġa u determinazzjoni fil-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija. F'dan il-kulleġġ qegħdin ninvestu b'mod qawwi kemm fl-apparat, fil-faċilitajiet u s-servizzi kif ukoll fil-lecturers. Suċċess f'dan il-qasam ifisser sisien aktar sodi għall-industrija u l-kummerċ f'pajjiżna. Ifisser ukoll li numru wisq akbar ta’ studenti jibqgħu jistdujaw fil-livell terzjarju akademiku u vokazzjonali.
Sodisfatti b'dak kollu li twettaq s’issa fil-kampedukattiv? Sodisfatti ħafna. Matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena saru bidliet enormi fis-sistema edukattiva. Iżda fl-istess ħin konxji wkoll ta' dak kollu li għad fadlilna x'inwettqu fil-proċess edukattiv estensiv li kontinwament joffri sfidi ġodda lill-politiku, lill-amministraturi ċentrali u fl-iskola u lill-għalliem fil-klassi.
Faċli tikkonċentra fuq id-diffikultajiet. Faċlitisħaq fuq il-problemi. Faċli tikkwota l-figuri ta' nuqqas ta' suċċess u tenfasizza il-falliment fir-riżultati miksuba minn għadd ta’ studenti. Irridu issa nsibu mod kif nassessjaw u neżaminaw b’mod aktar uman, biex l-istudenti juru x’jafu aktar milli juru x’ma jafux. Diġa’ ħadna passi importanti f’dan il-qasam fl-eżamijiet għad-dħul fil-Junior Lyceums. Bħalma qegħdin nagħtu wisq aktar importanza lill-assessjar kontinwu mill-eżamijiet sommarji. U qegħdin niżviluppaw strumenti edukattivi biex inkunu nistgħu nkejjlu aħjar it-tagħlim li jagħti l-għalliem u it-tagħlim li jirċievi l-istudent. U f’dawn il-metodi moderni u effettivi qed isir ħafna taħriġ, anke permezz ta’ speċjalisti barranin.
Tajjeb nosservaw kemm sar progress matul is-sninf'kull qasam edukattiv. U rridu nirrikonoxxu u napprezzaw f’kull ħin is-sehem qawwi u kontinwu li l-għalliema jagħtu, ħafna drabi minn saħħithom, biex jgħallmu u jedukaw lill-istudenti fir-responsabbilta’ tagħhom.
Jien nixtieq nieħu din l-okkażżjoni speċjali biexnuri l-apprezzament sinċier tiegħi għax-xogħol kollu li l-għalliema jwettqu kuljum fil-klassi. Nagħraf kemm għandkom xogħol impenjattiv, stressanti u diffiċli. Naf li xogħolkom mhux dejjem apprezzat u kultant tkunu kkritikati b'mod inġust. Jien ċert li intom, għalliema żgħażagħ, determinati li se tagħmlu differenza fl-iskola, fil-klassi, f’pajjiżna.
Aħna mistennija nagħtukom direzzjoni, noffrulkomil-mezzi u r-riżorsi kollha meħtieġa. Ir-riżultati jiddependu ħafna minnkom. Jien ċert li ma tiddiżappuntawniex. Jien ċert ukoll li se tagħtu sehemkom b'dedikazzjoni sħiħa għall-ġid ta' uliedna, għal-ġid ta' pajjiżna, biex f’Malta jkun hawn aktar ġustizzja soċjali permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalita’.

Nirringrazzjakom u nawguralkom minn qalbi. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow