GĦOTJIET TA’ Lm17,000 LILL-NGOs GĦAWDXIN
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qassmet għotjiet li jammontaw għal Lm16,500 f’inċentivi lill-Għaqdiet Non-Governattivi f’Għawdex, dalgħodu.
L-Għaqdiet Non-Governattivi f’Għawdex jagħtu servizzi diversi fis-sezzjonijiet differenti tas-soċjeta` Għawdxija. Ta’ kull sena l-Ministeru għal Għawdex, minbarra l-għajnuna regolari permezz ta’ materjal jew ħaddiema, jagħti għajnuna finanzjarja lil ħafna minn dawn l-għaqdiet volontarji Għawdxin li jagħmlu xogħol fl-oqsma edukattivi, soċjali, kulturali, sportivi u ta’ kummerċ.
Din is-sena, l-għaqdiet mhux governattivi Għawdxin ippreżentaw 108 proġetti għall-kunsiderazzjoni ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern, minn liema 97 proġett ġew magħżula u bbenefikaw mill-għotjiet ta’ Lm17,000 imqassma mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex illum.
L-Għaqdiet li bbenefikaw minn din l-iskema jkopru setturi differenti, imqassma kif ġej:
- gruppi taż-żgħażagħ u centri parrokkjali (li rcevew Lm3,600 f’għajnuna),
- dawk involuti f’xogħol ta’ natura socjali (Lm7,200),
- għaqdiet sportivi (Lm750),
- għaqdiet kulturali (Lm1,350),
- għaqdiet ta’ ħarsien u promozzjoni tal-patrimonju (Lm1,000),
- għaqdiet oħra ta’ natura edukattiva/informattiva (Lm1,900),
- dawk relatati mal-kummerc (Lm1,000), u
- għaqdiet ta’ dilettanti dilettanti (Lm200)
F’diskors li għamlet il-Ministru Debono rringrazzjat lill-għaqdiet volontarji kollha preżenti tal-ħidma ntensiva tagħhom favur is-socjeta’. “Il-ħidma tagħkom hija waħda mprezzabbli mhux biss għaliex kontinwament twettqu diversi proġetti għall-ġid tas-socjeta’, kif inhi xhieda l-attivita’ ta’ llum, imma għaliex permezz ta’ l-impenn bla heda tagħkom ilkoll, qed tagħtu kull ma tistgħu sabiex is-socjeta’ ta’ għada tkun aħjar minn ta’ llum".
Il-Ministru Debono fakkret kif il-Gvern preżenti jirrikonoxxi l-ħidma ta’ l-għaqdiet mhux governattivi jew volontarji mhux biss permezz ta’ għotjiet finanzjarji li jinkoraġġuhom fil-ħidma tagħhom iżda wkoll permezz tat-twaqqif ta’ l-ewwel centru għall-użu minn dawn l-istess għaqdiet li allura jkompli jiffacilita l-istess ħidma.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932