L-egħluq tal-Magħtab u l-fliexken tal-plastiK
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jagħmel referenza għal żjara li għamel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Dr. Alfred Sant, lill-miżbla tal-Magħtab, il-bieraħ 5 ta’ Frar u għall-billboard dwar l-iskart minn fliexken tal-plastik.
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jfakkar li l-miżbla tal-Magħtab twaqqfet minn Gvern Laburista flimkien ma’ żewġ miżbliet oħra fil-pajjiż. Pjani serji biex tingħalaq din il-miżbla bdew jitħejjew minn dan il-Gvern u llum, bħala riżultat ta’ l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu, li saret b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea, hemm data meta din il-miżbla trid tagħlaq. Id-data hi l-aħħar tal-2004.
Il-miżbla tal-Maghtab ma tistax tingħalaq jekk ma jkunx hemm l-infrastruttura kollha f’postha biex niddisponu mill-iskart. Il-Gvern għandu l-pjani kollha, li diġa qed jitwettqu, biex
- L-iskart kollu mill-industrja tal-bini li jagħmel 85 fil-mija ta’ l-iskart kollu li jmur il-Magħtab niddisponu minnu mod ieħor. Dan il-proġett, magħruf bħala Package 1, se jkun l-ewwel parti mit-twettiq ta’ l-istrateġija tal-Gvern;
- jikber l-impjant ta’ Sant’Antnin għall-Kompostaġġ;
- biex tinbena engineered landfill ghal dak l-iskart li ma jistax jinbidel f’kompost, jew li ma jistax ikun riċiklat jew użat mill-ġdid.
Anke fil-każ ta’ l-għeluq tal-miżbliet qabel dan il-proċess, irid isir profil xjentifiku, dak li nirrefereu għalih bħala l-X-Ray tal-miżbliet. Dan il-proċess wasal biex jitlesta. Mingħajru ma nistgħux nagħlqu l-miżbliet, b’tali mod li jistgħu jintużaw mill-ġdid għall-ġid nazzjonali.
Il-Partit Laburista qed jgħid li se jagħlaq il-miżbliet fi żmien sena u disa’ xhur minn mindu jitla’ fil-Gvern. Dan hu sena aktar tard, paragunat ma’ dak li se jagħmel dan il-Gvern.
Li mhux qed igħid il-Partit ta’ l-Oppozizzjoni hu minn fejn se jġib il-flus għal proġett bħal dan, li hu stmat li jiswa Lm70 miljun. Bi sħubija fl-Unjoni Ewropea, pajjiżna jingħata l-fondi meħtieġa. Fil-fatt diġa tlestiet id-dokumentazzjoni meħtieġa biex nitolbu l-fondi għal partijiet mill-istrateġija dwar l-immaniġġjar ta’ l-iskart. Bl-alternattiva tal-Partit Laburista, il-flus jiġu minn aktar taxxi.
Dwar il-fliexken tal-plastik, hu assolutament inaċċettabli l-qerq li bih qed tiġi spustjata din il-problema.
Filwaqt li ħafna xorb jinbiegħ fi fliexken tal-ħġieġ li jiġu ritornati, xi ħaġa li se tibqa’ anke jekk nissieħbu fl-UE, xorta hemm diversi tipi ta’ xorb li jiġi ibbottiljat fil-plastik. Skond l-aħħar statistika li għandna f’idejna, madwar 75 miljun minn dawn il-fliexken jispiċċaw fil-Magħtab kull sena.
Il-Gvern preżenti qed jaħdem bis-serjeta’ biex dawn il-fliexken jinġabru, jiġu mballati u esportati għar-riċiklaġġ. Dan il-proċess beda bis-serjeta’ u qed jitħaddem fl-Impjant tal-Kompostaġġ ta’ Sant’Antnin. Il-Gvern preżenti hu marbut li sal-2009, jirriċikla mill-inqas 15 fil-mija ta’ l-iskart kollu mill-plastik.
Dawn il-miri l-Gvern jista’ jilħaqhom għaliex ser nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, li mhux biss tesiġi l-ogħla livelli ambjentali fid-dinja, iżda għaliex toffri ukoll il-fondi meħtieġa, taħt forma ta’ għotjiet, biex dawn il-livelli jintlaħqu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932