Left arrow Mur Lura

Proġett ta’ LM500,000 għall-pavimentar fl-Imdina

PR162
Date Icon 06/02/2003

Waqt zjara li kien qed jaghmel fl-Imdina llum, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-proġett għat-tneħħija tal-wires minn mal-ħitan ta’ l-Imdina kien miexi skond kif kien ippjanat.

Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol kollu konness mas-sistema ġdida ta’ servizzi taħt l-art kien tlesta. Mis-sistema għaddew il-cables u s-servizzi kollha. Saru wkoll il-house connections. Hu qal li sadattant bdew jitneħħew il-wires minn mal-ħitan.

Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett, li jinkludi s-sistema ġdida ta’ pillar boxes taħt l-art, sewa Lm380,000.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-pass li jmiss kien dak tal-pavimentazzjoni tat-toroq ta’ l-Imdina. Hu qal li dan il-proġett mistenni jdum sentejn biex jitlesta u se jiswa investiment ta’ Lm500,000.

Il-proġett hu mistenni li jibda f’April u se jitwettaq f’fażijiet biex ikun ta’ l-inqas inkonvenjent għar-residenti, għall-pubbliku u għat-turisti li jżuru l-Imdina. Hu qal li dan il-proġett ta’ pavimentazzjoni kien jirrikjedi ħafna studju sabiex jiġi assigurat li tittieħed l-aħjar deċiżjoni. Din il-fażi kienet tinkludi konsultazzjonijiet ma’ diversi esperti. Wara li ġew solvuti l-problemi marbuta mal-preparazzjoni, se joħorġu l-offerti għall-proġett. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Perit Manuel Buttigieg li ħejja d-diżinn.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tneħħija tal-wires minn mal-ħitan ta’ l-Imdina u l-pavimentazzjoni tat-toroq ta’ l-istess belt huma l-proġett ewlieni għal din il-lokalita’. Hu qal li fl-Imdina twettqu proġetti oħra li komplew taw lil din l-aktar belt qadima ta’ pajjiżna, d-dinjita’ li jixirqilha.

Proġett iehor importanti li twettaq matul is-sena li għaddiet kien dak tar-riabilitazzjoni tal-bitħa tal-Palazz Vilhena u r-restawr ta’ partijiet minn dan il-monument. Il-Ministru qal li dan il-proġett sar bl-appoġġ finanzjarju tal-Gulbenkian Foundation tal-Portugall u inkluda mhux biss pavimentar ġdid u restawr iżda anke lqugħ taħt l-art li jilqa’ parti mill-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ bieb antik ta’ l-Imdina li se jibqa’ jitgawda minn saqaf ta’ ħġieġ li tqiegħed apposta.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li proġetti oħra li twettqu jew li qed jitwettqu jinkludu r-restawr tal-post magħruf bħala it-Torre dello Standardo, Greek Gate u l-istallazzjoni ta’ sistema temporanja għat-tidwil tas-swar.

Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor li se jwettaq il-Gvern fl-Imdina jinkludi r-riabiliazzjoni ta’ Howard Garden u tal-foss.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-Gvern iqis il-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna bħala priorita’. Kien għalhekk li ħoloq l-infrastruttura biex iwettaq proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni. Kien għalhekk li kull sena jivvota flus biex ikun jista’ jwettaq dawn il-proġetti. Kien għalhekk ukoll li fil-ftehim milħuq għal proġetti kapitali kien qed idaħħal klawsoli li jinkludu infiq marbut ma’ restawr ta’ bini storiku fuq is-siti tal-proġetti.

Francis Zammit Dimech qal li llum il-poplu kien qiegħed isir dejjem aktar konxju mill-wirt storiku ta’ pajjiżna. Għalhekk filwaqt li l-Gvern kien qed jagħti sehmu biex jitħares dan il-wirt, kien jistenna li kulħadd jaħdem biex dak li għandna nħarsuh u biex ma nħallu lil ħadd jisfreġja l-monumenti storiċi ta’ pajjiżna, kif qed ikollna naraw jiġri minn żmien għall-ieħor.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ħabbar li kienu qed isiru t-tħejjijiet neċessarji sabiex issir applikazzjoni ma’ l-UNESCO biex il-belt ta’ l-Imdina tiġi dikjarata bħala belt ta’ patrimonju dinji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow