Left arrow Mur Lura

MINA TAD-DRENAĠĠ TA’ 650 METRU BEJN IL-GŻIRA U SAN ĠWANN

PR147
Date Icon 04/02/2003

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li parti importanti ta’ l-infrastruttura tal-pajjiż kienet is-sistema tad-drenaġġ li l-iżvilupp tagħha wassal biex mhux biss inqered ħafna mard iżda biex illum għandna l-aktar baħar nadif għal bosta snin. Dan qalu meta l-Ministru żar xogħol li qed isir fuq il-bini ta’ mina għad-drenaġġ bejn il-Gżira u San Ġwann.

Il-Minstru Francis Zammit Dimech qal li l-infrastruttura tad-drenaġġ tirrikjedi investiment kapitali kontinwu u nefqa rikorrenti biex is-sistema tinżamm fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Hu fakkar li fil-budget ta’ din is-sena ġiet ivvutata nefqa ta’ Lm4.7 miljun għal investiment kapitali għas-sistema tad-drenaġġ li Lm1.85 miljun minnhom se jmorru għal estensjonijiet u titjib filwaqt li Lm2.9 miljun se jiġu investiti fl-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ u biex ikompli jiġi implimentat il-masterplan.

F’erba’ snin, bejn Settembru 1998 u Awissu 2002, tqiegħdu 216-il estensjoni ta’ drenaġġ b’tul ta’ 22 kilometru.

Proġett importanti li kien qed jitwettaq bħalissa bħala parti mill-programm ta’ tisħiħ ta’ l-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ kien il-bini ta’ relief main bejn il-Gżira u San Ġwann. Biex jitqiegħed dan il-main qed titħaffer mina f’fond li jvarja bejn ħames metri u 26 metru, bejn dawn iż-żewġ lokalitajiet. Il-mina se tkun twila 650 metru u se tiswa Lm174,000. Il-katusi li se jitqieghdu f’din il-mina se jkunu ta’ dijametru ta’ 400mm.

Francis Zammit Dimech qal li minbarra din il-mina qegħdin jitħaffru 14-il spiera fuq dawn il-mini biex iservu għall-ventilazzjoni. Il-Ministru Zammit Dimech spjega li l-iskop ta’ dan il-main hu li jserraħ il-mejnijiet tal-Balluta, San Ġiljan u tal-Gżira. Illum id-drenaġġ mill-għoljiet ta’ San Ġwann u l-inħawi jinżel l-ewwel il-Balluta biex imbagħad jgħaddi minn San Ġiljan għal Tas-Sliema u jispiċċa fil-Pumping Station tal-Gżira.

Permezz ta’ dan il-main ġdid li qiegħed isir fil-mina, u li se jgħaddi minn taħt l-parti ta’ fuq ta` Regional Road, id-drenaġġ ta’ l-għoljiet ta’ San Ġwann u l-viċinanzi imur direttament fl-inħawi ta` l-għoljiet tal-Gżira mhux ’il bogħod mill-Pumping Station fl-istess lokalita’.

Francis Zammit Dimech innota li meta dan ‘is-serħan’ miz-zoni tal-Balluta, Sliema u Gżira (ħdejn ix-Xatt) jitnaqqas l-overload fuq il-mejnijiet fl-inħawi u anke il-possibilta’ ta’ xi fawran kemm fl-inħawi kif ukoll fil-baħar fil-viċin.

Huwa fakkar li dan l-aħħar inbnew galleriji oħra fil-Għargħur tul Triq E Tonna u Triq l-Isqof Gargallo u mina oħra fil-Qortin ta’ Għajn Żejtuna fil-Mellieħa li swiet madwar Lm150,000 u eliminat 15 fil-mija tal-fosos li għad hawn fil-pajjiż.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-infrastruttura tad-drenaġġ qiegħdha kulma jmur tiġi modernizzata mhux biss biex tilħaq mal-ħtiġiet tal-lum iżda anke biex tagħmel tajjeb għat-tlitt impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ li jridu jinbnew sa’ Marzu 2007.

Żied jgħid li darba Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea tikkwalifika għal fondi mill-istess Unjoni li jilħqu sa 80 fil-mija f’għotjiet għall-investiment kollu meħtieġ. Hu fakkar li l-Unjoni Ewropea diġa qed tipprovdilna fondi ta’ qabel is-sħubija biex jinbena l-ewwel mit-tliet impjanti, dak f’Għawdex. La darba dawn l-impjanti jitlestew ebda skart likwidu ma jintefa’ fil-baħar qabel jiġi ttrattat.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċett ġdid minn Savina Artisan Centre li jgħaqqad l-arti taċ-ċikkulata mal-esperjenza gastronomika Għawdxija

PR261933

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

Aktar Stqarrijiet Right arrow