DISKORS MILL-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, L-oNOR. DR. Joe Borg, waqt il-Konferenza tal-M.I.C. DWAR: ‘Ir-Riżultat tan-Negozjati’ – QAWRA - 30 ta' Jannar, 2003
| Wara dibattiti sħan, diversi studji xjentifiċi, u | snin ta’ ħidma intensa, wasal iż-żmien tad-deċiżjoni. Qed ngħixu l-ġranet ta’ l-appuntament tagħna mal-futur. Ilkoll kemm aħna: Gvern, unions, min iħaddem u dawk kollha li għandhom xi interess settorjali, ħdimna flimkien għal dawn l-aħħar tlett snin biex pinġejna r-rotta ta’ Malta għall-futur. Issa jonqos biss li nagħmlu l-aħħar pass. |
| Dan hu żmien opportun, allura, biex nieqfu ftit u | naraw x’irnexxielna niksbu għal pajjiżna. Waqt li nżommu għajnejna jħarsu ‘l quddiem lejn il-futur ta’ Malta, ma nagħmlux ħażin jekk niġbdu kont tal-pedamenti li bnejna f’dawn l-aħħar tlett snin. |
| Hu f’loku għalhekk li nirringrazzja lill-MIC ta’ | din l-opportunità li pprovditielna sabiex niżnu dak li ħareġ minn negozjati bejn Malta u l-Unjoni Ewropea. |
| Irrid ngħid hawn li, filwaqt li hu importanti li | neżaminaw bir-reqqa ir-riżultat tan-negozjati, għandna nżommu dejjem quddiem għajnejna l-istampa iktar wiesa’. Meta applikajna biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1990 – meta bdejna mexjin it-triq twila li kellha twassalna għal fejn qegħdin illum – konna diġà nafu li fl-aspetti wiesa’ tagħha l-Unjoni Ewropea kienet taqbel lil Malta. L-elementi l-iktar pozittivi ta’ sħubija ma kellniex bzonn nitħabtu għalihom waqt in-negozjati, għaliex jikkostitwixxu parti ntegrali ta’ dak li tfisser sħubija: |
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw, per eżempju, biex inġibu aċċess sħiħ għas-swieq Ewropej;
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw biex uliedna jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent nadif u tajjeb għal saħħithom;
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw biex nipparteċipaw flimkien ma’ sħabna l-Ewropej fit-tmexxijja ta’ l-Ewropa;
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw biex il-ħaddiema Maltin ikunu jistgħu jgawdu aktar opportunitajiet, u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol;
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw biex uliedna jkunu jistgħu igawdu mill-programmi edukattivi Ewropej;
- ma kellniex għalfejn ninnegozjaw biex ingawdu l-frott li jġib miegħu l-fatt li nkunu parti mill-aqwa forza għall-paċi fid-dinja.
Dan kollu ġie bi dritt.
| Qabel u waqt dawn in-negozjati tkellimna mas-setturi | kollha interessati f’pajjiżna. Hu d-dmir tiegħi li nirringrazzja lil kull min ta sehemu fil-MEUSAC, kemm jekk personalment, kemm jekk f’isem xi organizzazzjoni li seta’ kien qed jirrappreżenta. Qatt daqs illum ma rajna f’pajjiżna proċess tant trasparenti u miftuħ fejn instemgħu il-veduti ta’ kulħadd, u fejn kulhadd kellu l-opportunità li jaffetwa r-riżultat. U meta smajna fuq xi pre-okkupazzjonijiet li kien hemm min kellu, irrizultalna ċar li kien hemm xi materji li dwarhom kellna bżonn li nserħu l-imħuħ tan-nies. |
| Fl-ewwel lok, kien ċar għalija li ma kienx | biżżejjed li ngħidu lin-nies li l-Unjoni Ewropea qatt ma ndaħlet u qatt m’hi ser ikollha d-dritt tindaħal fuq deċiżjonijiet bħall-abort. Deher ċar għalhekk li l-poplu ried konferma, iswed fuq l-abjad, li qatt ħadd ma jista jgħidilna nagħmlu dak li ma rridux. Ridna garanzija iswed fuq l-abjad, u ġibniha. |
| Kien ċar għalija li ma kienx biżżejjed li | nispjegaw li fl-Unjoni Ewropea kien hemm erba’ pajjiżi li kienu perfettament komdi bħala membri newtrali ta’ l-Unjoni Ewropea. Kellna bżonn nistqarru, iswed fuq l-abjad, li bi sħubija aħna nibqgħu newtrali u li l-obbligazzjonijiet kostituzzjonali ta’ Malta ma jkunu affettwati bl-ebda mod. B’hekk iċċarajna darba għal dejjem, għal min għad kellu xi dubji, li l-Unjoni Ewropea taf u tifhem li qed nissieħbu fiha bħala pajjiż newtrali, bl-implikazzjonijiet kollha li dan l-istat iġib miegħu. |
| Kien ċar ukoll li l-Għawdxin kellhom bżonn | rikonoxximent ċar u mingħajr ambigwità li Għawdex hu reġjun u li għandu jingħata kas, distint mill-bżonnijiet tal-bqija ta’ Malta, u li għandu jkollu sehem garantit mill-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex ipattu għall-iżvantaġġi li ġġib magħha l-insularità doppja. Dan ir-rikonoxximent inkiseb ukoll. |
| Kien hemm beżgħat anke li ser jiġu numru ta' | ħaddiema Ewropej biex jaħdmu f’pajjiżna mas-sħubija. Waqt li ridna li dawk il-Maltin li jkunu jixtiequ jaħdmu u jiksbu esperjenza fis-suq tax-xogħol Ewropew ikunu jistgħu jagħmlu li jridu bla restrizzjonijiet, ridna nserrħu ras kulhadd billi nżommu l-kontroll fuq il-ħaddiema Ewropej li jiġu hawn, speċjalment fl-ewwel ftit snin l-iktar sensittivi. |
| Anki f’dan il-każ, il-miżura li ħadna kien hemm | bżonnha minħabba raġunijiet ta’ biża izjed milli ghax emminna li seta realment jiġri li jkun hemm moviment ta' ħaddiema lejn Malta. Fil-fatt, fl-istorja ta’ l-għaqda Ewropea, l-element minimu ta’ ċaqliq ta’ ħaddiema dejjem kien lejn dawk il-pajjiżi li għandhom l-aħjar pagi u kundizzjonijiet. Qatt ma kellna raġuni għalfejn ninkwetaw li s-suq tax-xogħol Malti hu xi kalamita naturali għall-ħaddiema Ewropej. Iżda kien hemm min kien qed jibża’, u lil dawk ridna nserrħulhom rashom ukoll. U hekk ghamilna. |
Kien hemm beżgħat ukoll fost is-sajjieda tagħna. Beżgħat li wieħed jifhimhom; beżgħat li, wara li ilna dawn is-snin kollha nistadu fl-ibħra tagħna b’mod sostennibbli, sħubija kienet tfisser kwantitajiet ta’ bastimenti kbar tas-sajd barranin, b’tagħmir industrijali, li jkunu jistgħu jidħlu fl-ibħra tagħna u jiżvojtawhom f’ħakka t’għajn. Din il-possibiltà ma kenitx aċċettabbli għalina, u fin-negozjati żgurajna li s-sajd fl-ibħra tagħna ma jistax jiżdied, li ma jinħarġux aktar liċenzji, filwaqt li s-sajjieda Maltin iżommu l-liċenzji tagħhom.
L-abort, in-newtralità, il-bżonnijiet t’Għawdex, il-moviment ħieles tal-ħaddiema u s-sajd: dawn kienu materji li fuqhom kellna bżonn rassikurazzjoni ċara u espliċita biex id-dubji jinqatgħu darba għal dejjem.
Bin-negozjati dan is-serħan tal-moħħ inkiseb. Id-dubji f’dawn is-setturi – ħlief għal dawk li jkomplu jinżergħu minn nies li għandhom aġenda politika ta’ ngann u ta’ qerq - sparixxew.
Kien hemm materji oħra fejn tibdil u riformi mportanti u ta’ benefiċċju għal pajjiżna kien hemm bżonn li jidħlu b’pass meqjus u mingħajr skossi.
- Ħadd ma jiddubita li għandu jkun l-għan tagħna li jkollna tarzni li ma jkunux jiddependu fuq is-sussidji tal-Gvern. Però kellna bżonn pjan serju ta’ ristrutturar, fejn it-tarzna jkollha biżżejjed żmien u għajnuna biex tqum fuq saqajha.
- Ħadd ma jiddubita li għandna dejjem intejbu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Però, filwaqt li diġà daħħalna numru impressjonanti ta’ liġijiet ġodda għall-benefiċċju tal-ħaddiema, kien hemm bżonn li numru żgħir ieħor jiġu ntrodotti wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, sabiex dawn il-miżuri ma jkunux ta’ piż, iżda ta’ benefiċċju.
- Ħadd ma jiddubita li m’għandniex narmu drenaġġ fil-baħar; però għandna bżonn żmien u għajnuna finanzjarja sakemm inkunu f’pożizzjoni li nittrattaw id-drenaġġ kollu qabel narmuh.
- Ħadd ma jiddubita li għandu jkollna ħazniet adegwati ta’ żejt u fuels għal li jista’ jinqala’. Però kellna bżonn iż-żmien u l-investiment biex inkomplu nibnu din il-kapaċità.
F’din il-lista, semmejt numru ta’ każi fejn tlabna perjodi ta’ tranżizzjoni. Dawn m’humiex sempliċiment obbligi ta’ sħubija f’każin li nistgħu ngħixu mingħajrhom. Dawn huma affarijiet li Malta, bħala pajjiż modern, għandha bżonn.
- Nagħżlu jew ma nagħżlux sħubija fl-Unjoni Ewropea;
- nagħżlu jew ma nagħżlux li nibqgħu barra;
- nagħżlu jew ma nagħżlux li nibnu ħajt madwarna u nidħlu ġo qoxritna:
dawn il-mizuri rridu neħduhom jekk irridu li wliedna jkollhom kwalità tal-ħajja aħjar minn tagħna. L-għażla hi biss jekk għandniex nagħmluhom fil-qafas t’appoġġ u għajnuna li toffri l-Unjoni Ewropea, jew jekk għandniex nippruvaw nagħmluhom għal rasna, waħedna.
Kien hemm punt ieħor fejn kellna bżonn ninnegozjaw iebes. Ebda progress li qatt pajjiżna jista’ jikseb m’hu ser jibdel il-fatt li aħna pajjiż magħmul minn ftit gżejjer żgħar: qatt m’hu ser jinbidel il-fatt li f’Malta qegħdin ħafna nies ngħixu fi ftit spazju. L-Unjoni Ewropea irrikkonoxxiet dan ukoll u ftiehmet magħna, l-unika deroga permanenti li ngħatat lil kwalunkwe pajjiż li kien qed jinnegozja magħha biex jidħol fit-tkabbir li jmiss.
Qatt ma ridna nneħħu l-possibilita` li għandhom bħalissa l-barranin biex jixtru propjetà f’pajjiżna. Iżda m’hemmx dubju li aħna żgħar wisq biex nissograw li jkun hemm min jixtri aktar milli nifilħu nbiegħulu. Bħala riżultat tan-negozjati, ksibna li, issa u għal dejjem, trid tkun ilek tgħix ħames snin f’Malta biex tixtri aktar minn propjetà waħda.
Din il-garanzija sserrħilna rasna li s-sħubija ma jkollha ebda effett fuq il-prezzijiet tal-proprjeta' f’pajjiżna.
Sinjuri,
M’ilux daqs’hekk li ddeċidejna li nneħħu l-ftit protezzjoni li kien għad baqa’ fuq prodotti manifatturati Malta. Insemmi l-għamara, għax kien l-aktar eżempju – l-aktar industrija – li kien hawn biża dwarha. Tlett snin ilu ħabbarna li sal-bidu ta’ dan ix-xahar ser tispiċċa l-protezzjoni minn fuq l-għamara Maltija. Tiftakru r-reazzjoni għal dik id-deċiżjoni.
Id-diskors kien li kellna bzonn inħallu l-levies protettivi għal ħafna aktar snin sakemm l-industrija Maltija ta’ l-għamara tkun tassew lesta għall-impatt tat-tneħħija tal-protezzjoni. It-tbassir kien li mijiet ta’ familji li jiddependu fuq ix-xogħol ta’ l-għamara kienu ser jispiċċaw bil-ġuħ. Issa nafu li min kien qed ibassar hekk kien sejjer żbaljat.
Darba wara l-oħra wrejna bil-provi li l-liberalizzazzjoni ma theddidx l-impjiegi, anzi toħloq impjiegi ġodda. Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qieghed bħalissa jsemmi industriji Maltin biex ibeżża ‘l dawk li jaħdmu magħhom li l-liberalizzazzjoni ser tiswielhom xogħolhom. Minflok, is-sidien ta’ dawn l-impriżi qed jgħidu lill-impjegati tagħhom li ser ikun hemm bżonnhom, u bżonn aktar magħhom, biex ilaħħqu max-xogħol li ser jitkattar bis-sħubija: xogħol għal Maltin f’Malta.
Illum id-diskors fuq l-għamara waqaf, u t-tħawwil tal-biża waqa’ fuq l-agrikoltura. Fl-ikel, daqs kemm fl-għamara, u fis-setturi kollha li lliberalizzajna, il-Maltin ser jaraw titjib tal-kwalità u prezzijiet orħos. Iżda liema prezz u liema prodott importat ser jhedded lill-ħxejjex u l-frott li jikbru fix-xemx u l-ħamrija ta’ pajjiżna?
Minkejja dan, aħna rrikonoxxejna li, wara tant snin ta’ protezzjoniżmu esaġerat, u speċjalment meta wieħed iqis l-importanza strateġika tas-settur, m’hux lakemm il-bidwi Malti tesponih għal kompetizzjoni u tħallih ifendi għal rasu. Għalhekk il-Gvern ħejja u beda jimplimenta skema ġeneruża ta’ għajnuna lill-bidwi u r-raħħal Malti, sabiex dan jiġi mgħejjun jaġġorna ruħu u jkattar il-kompetittività tiegħu. B’hekk il-konsumatur ser igawdi minn prezzijiet orħos u varjetà usa ta’ prodotti, waqt li l-bidwi ser ikollu l-għixien tiegħu salvagwardjat u l-kompetittività tiegħu mtejba.
Ma nistax ma nsemmix ukoll il-pakkett finanzjarju li nnegozjajna ma’ l-Unjoni Ewropea għall-ewwel snin ta’ sħubija. Wieħed u tmenin miljun lira ta’ dħul nett għall-poplu Malti għall-ewwel tlett snin ta’ sħubija, sakemm imbagħad aħna wkoll ikollna sehem niddeċiedu l-budget ta’ l-Unjoni Ewropea għas-snin li jkun imiss, u wkoll dak li jkun imissna minn dak il-budget.
Wieħed u tmenin miljun Lira ta’ dħul nett għax aħna membri. Dawn m’humiex manna mis-sema. Dawn il-flus huma mħallsa mit-taxxi ta’ ħaddiema Ewropej li jgħixu f’soċjetajiet aktar sinjuri minn tagħna. Dawn huma flus li ħallsu Ewropej aktar sinjuri minna għax jemmnu f’din l-għaqda ta’ solidarjetà.
Dan hu l-prinċipju wara dan il-pakkett finanzjarju: is-solidarjetà tqarreb il-kwalità tal-ħajja tà l-Ewropej lejn xulxin, u tneħħi l-għira li ġġib il-gwerra. Is-solidarjeta’ tħawwel l-għaqda li ġġib l-istabbiltà, u l-istabbiltà iġġib il-ġid. Aħna wkoll ser inkunu nistgħu ingawdu minn dan.
Dawn il-flus ser iservu biex il-Maltin ikollhom toroq aħjar, ambjent aħjar, edukazzjoni aħjar u servizz pubbliku aktar effiċjenti: f’kelma waħda kwalità tal-ħajja aħjar. Ikun hawn min forsi jgħid li għandna jkollna toroq tajbin, ambjent nadif, edukazzjoni tajba u burokrazija effiċjenti nidħlu jew ma nidħlux fl-Unjoni Ewropea : Għala le. Iżda l-Unjoni Ewropea tgħinna nagħmlu dan kollu spejjez tagħha flok spejjez tagħna.
Sinjuri,
Il-pakket tan-negozjati - is-sebgħa u sebgħin arrangament li ksibna biex jagħtu każ taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżna - huma l-prova ta’ kemm innegozjajna b’mod iebes u serju fl-interess ta’ Malta. Ebda pajjiż applikant ieħor ma joqrob dan in-numru t’arranġamenti li aħna rnexxielna ninnegozjaw għalina. Stajna niksbu dawn ir-rizultati unici għax fhimna ċar x’inhu l-interess tal-Maltin. Fhimna ċar dan l-interess għax kellna sħab magħna lill-għaqdiet rappreżentattivi u l-gruppi settorjali tista’ tgħid kollha ta’ pajjiżna.
Dawn ir-rizultati jagħtu l-iktar risposta ċara lil dawk li jaqtgħu qalbhom li Malta tkun tista’ tiddefendi l-interessi tagħha fl-Unjoni Ewropea. La irnexxielna nilħqu l-miri tagħna bħala Stat li kien qed jinnegozja biex jissieħeb, m’għandix l-iċken dubju li jirnexxielna nagħmlu l-istess, bħala membri, fl-Unjoni.
Il-poplu Malti issa għandu għażla bejn li jieħu l-aħħar pass u jifformalizza s-sħubija li tant ilna naħdmu għaliha, jew li nitwarrbu mit-triq li qegħdin fuqha u nintefgħu f’baħar ta’ taqlib u inċertezza.
L-għazla hija f’idejna lkoll – kull wieħed u waħda minna għandna responsabbiltà mmensa ghall-futur ta’ pajjiżna.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR261933
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Inawgurata Auberge du Chocolat, kunċ...
PR261932