731 talba għal għajnuna fuq it-tkabbir tal-patata
Il-Ministru għall-Agrikultura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit qal li l-Gvern s’issa irċieva 731 talba mingħand bdiewa għal għajnuna permanenti li l-Gvern se jibda jagħti fuq it-tkabbir tal-patata tas-sajf. Din l-għajnuna, li se tibda tingħata b’seħħ minn din is-sena, jiġifieri għall-patata li nqalgħet fir-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf, tammonta għal Lm10 kull tomna raba’ miżrugħa.
Il-Ministru Zammit kien qed jitkellem f’żewġ laqgħat li kellu ma’ bdiewa, waħda fl-Imġarr u oħra fil-Pitkalija, dwar l-għajnuna li bdiet tingħata lill-bdiewa kif ukoll dwar l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-Eurepgap, għalissa fir-rigward tat-tkabbir tal-patata għall-esportazzjoni. Hu qal li t-talbiet li saru għal għajnuna jkopru mal-5,886 tomna raba’, li jfisser għajnuna ta’ Lm58,886.
Hu semma wkoll li din m’hix se tkun l-unika għajnuna li se tingħata lil min ikabbar il-patata, għaliex dawn se jingħataw ukoll sussidju fuq patata li jkabbru għas-suq lokali u li tinbiegħ mill-pitkalija.
Hawnhekk, il-Ministru Zammit svela li f’dawn il-jiem beda jsir l-ewwel pagament ta’ sussidju lill-bdiewa fuq frott, ħaxix, u patata li twasslu fil-Pitkaliji bejn l-1 ta’ Lulju u t-30 ta’ Settembru li għaddew.
Hu qal li din l-għajnuna hi maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-effetti ta’ tnaqqis fil-levy li titħallas fuq dawn il-prodotti meta jiġu impurtati minn barra. Fl-1 ta’ Lulju li għadda, il-levy fuq dawn il-prodotti tnaqqset b’14 fil-mija. Il-Ministru Zammit stqarr li għalkemm dan it-tnaqqis m’affettwax il-prezzijiet fis-suq tal-frott, ħaxix u patata mkabbrin lokalment, xorta waħda kien maħsub li jsir pagament ta’ sussidju lill-bdiewa, fuq skala relatata ma’ l-ammont ta’ tnaqqis fil-levy. L-ammont ta’ sussidju se jiżdied fix-xhur li ġejjin.
Qal ukoll li din l-għajnuna qed titħallas kemm lill-bdiewa full-time kif ukoll part-time.
Dwar l-introduzzjoni taċ-ċertifikat tal-Eurepgap, il-Ministru Zammit qal li l-impenn tal-Gvern hu li jtejjeb il-kwalità tal-prodott Malti miż-żrigħ sa meta jittiekel u li dan bl-ebda mod ma jagħmel ħsara lis-saħħa tal-konsumatur. Hu qal li ċ-ċertifikat tal-Eurepgap hu ċertifikat ta’ livell ta’ kwalità li qed jintalab minn kumpanniji kbar Ewropej tas-supermarkets u allura, jekk irridu li l-prodott Malti u b’mod partikolari l-patata, jibqa’ jikkompeti fis-suq barrani, irid ikun aċċertat li l-bdiewa Maltin jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex jilħqu dawn l-istandards.
Il-Ministru Zammit qal li diġà numru ta’ uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ; u issa ġew assenjati lokalitajiet fejn titkabbar il-patata għall-esportazzjoni biex iħarrġu numru ta’ bdiewa matul l-istaġun li jmiss għat-tkabbir tal-patata tas-sajf, jiġifieri bejn ix-xahar li ġej u April tas-sena d-dieħla. Tul il-perijodu ta’ taħriġ irid ikun żgurat li l-bdiewa jkunu qegħdin jimxu mal-prinċipji u regolamenti tal-Protokoll tal-Eurepgap.
Stqarrijiet Oħra:
PR261930en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR YOUTH, WELLBEING AND THE IMPLEMENTATION O...
PR261930